X'inhi r-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament?
13 ta' Settembru 2018
Ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) hija r-rata tal-imgħax li l-banek iħallsu meta jisselfu flus mill-BĊE għal ġimgħa. Meta jagħmlu dan, ikollhom jipprovdu kollateral biex jiggarantixxu li l-flus jitħallsu lura.
Ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament hija waħda mit-tliet rati tal-imgħax li jistabbilixxi l-BĊE kull sitt ġimgħat bħala parti mix-xogħol tiegħu biex iżomm il-prezzijiet stabbli fiż-żona tal-euro.
Iż-żewġ rati l-oħra huma r-rata tal-faċilità ta' self marġinali, li hija r-rata li biha l-banek jistgħu jisselfu mill-BĊE overnight (dan jiswihom iktar milli jekk jisselfu għal ġimgħa), u r-rata fuq il-faċilità tad-depożitu, li tiddefinixxi l-imgħax li l-banek jirċievu – jew li jkollhom iħallsu fi żminijiet ta' rati ta' imgħax negattivi – biex jiddepożitaw flus fil-BĊE overnight.