X'inhuma r-rekwiżiti tar-riżervi minimi?
11 ta’ Awwissu 2016 (aġġornat fis-27 ta’ Ottubru 2022)
Il-banek taż-żona tal-euro huma obbligati jżommu ċertu ammont ta’ fondi bħala riżervi fil-kontijiet kurrenti tagħhom mal-bank ċentrali ta’ pajjiżhom. Dawn il-fondi huma magħrufin bħala riżervi minimi. Ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi tal-banek huma stabbiliti għal perijodu ta’ bejn sitta u seba’ ġimgħat, imsejjaħ il-perijodu ta’ żamma. L-ammont ta’ fondi li għandhom jinżammu jiġi kkalkulat abbażi tal-karta tal-bilanċ tal-bank qabel il-bidu ta’ kull perijodu taż-żamma.
Għat-tul ta’ peirjodu ta’ żamma, il-banek għandhom jiżguraw li l-livell medju ta’ fondi li jżommu bħala riżervi jissodisfa r-rekwiżiti tar-riżervi minimi tagħhom. M’hemmx għalfejn iżommu l-ammont sħiħ fil-kontijiet tagħhom fil-bank ċentrali nazzjonali f’kull ħin. Dan jippermetti lill-banek jirreaġixxu għal bidliet fuq żmien qasir fis-swieq monetarji billi jżidu jew jiġbdu fondi mir-riżervi tagħhom. Min-naħa tiegħu, dan jgħin biex jiġu stabbilizzati r-rati tas-suq monetarju.
Bħalissa l-banek huma meħtieġa li jżommu minimu ta’ 1% tal-obbligazzjonijiet speċifiċi, prinċipalment depożiti tal-klijenti, fil-bank ċentrali nazzjonali tagħhom. Ir-riżervi minimi totali tal-banek taż-żona tal-euro jiġu ppubblikati kuljum fil-paġna tal-analiżi tal-likwidità.
Fi tmiem il-perijodu ta’ żamma, il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro jħallsu imgħax fuq ir-riżervi minimi li l-banek iżommu għandhom. Din ir-remunerazzjoni storikament kienet marbuta mar-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs). Mill-21 ta’ Diċembru 2022, ir-riżervi minimi huma remunerati bir-rata applikabbli għall-faċilità ta’ depożitu. Din il-bidla tallinja aħjar l-imgħax imħallas fuq ir-riżervi minimi mar-rati prevalenti tas-suq monetarju.
Ir-riżervi minimi huma għodda komuni tal-politika monetarja fil-banek ċentrali. Madankollu, xi banek ċentrali, pereżempju r-Reserve Bank tal-Awstralja, il-Bank of Canada u l-iSveriges Riksbank, ma jużawhomx.