Kif tibbenefika mill-euro?
14 ta' Novembru 2018 (aġġornat fis-13 December 2019)
Int wieħed minn aktar minn 346 miljun ruħ li kollha jużaw munita unika. L-euro huwa parti importanti mill-ħajja ta’ kuljum tiegħek; huwa fil-kartiera tiegħek u fil-kont bankarju tiegħek. Imma huwa ferm iktar minn mod konvenjenti ta’ ħlas. Jgħinek sabiex tissodisfa bżonnijiet u aspirazzjonijiet importanti. Huwa munita sigura u stabbli li tippermettilek tfaddal u tinvesti b'kunfidenza. Jagħmilha eħfef għalina biex ngħixu, naħdmu u nistudjaw f’pajjiż ieħor taż-żona tal-euro. L-euro jqarribna flimkien
Issa l-euro ilu 20 sena u f’dak iż-żmien wera li hu munita stabbli u fdata. Flimkien mal-banek ċentrali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, aħna fil-BĊE nieħdu ħsieb l-euro sabiex tkun tista’ tkun kunfidenti li l-flus tiegħek huma siġuri u sabiex tkun tista' tibbenefika mill-euro f'ħafna modi, illum u għada.
Stabbiltà u prosperità
Bħal biċċa l-kbira tan-nies probabilment trid tibbenefika ekonomikament – trid ikollok post tax-xogħol tajjeb li jgħinek u lill-familja tiegħek. Bħala bank ċentrali, aħna nagħtu kontribut għal ekonomija li qed tikber li toħloq impjiegi billi nżommu l-prezzijiet stabbli. Iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet huwa l-kompitu ewlieni tagħna. Toħloq kundizzjonijiet għall-prosperità u futur ekonomikament stabbli li jista’ jiġi ppjanat. Fil-ħajja ta’ kuljum, prezzijiet stabbli jfissru li tista' tħossok kunfidenti dwar il-valur futur tal-flus tiegħek u li l-kumpaniji jistgħu jinvestu u jikbru. Tista’ tkun żgur li euro llum huwa euro għada.
B’saħħitna iktar flimkien
Bħala Ewropej, aħna nifformaw komunità kulturalment diversa ta’ nies li għandhom valuri simili. Flimkien irridu nippriservaw l-paċi, id-demokrazija u l-libertà Aħna rridu wkoll li nkunu aktar ekonomikament għonja u li nkunu aktar b’saħħitna fl-ambitu internazzjonali.
Meta ningħaqdu flimkien biex jiffurmaw l-ikbar blokk tan-negozju fid-dinja u nwaqqfu s-suq uniku għall-Ewropa aħna nkomplu nimxu lejn suċċess fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet. L-euro żied l-integrazzjoni Ewropea billi ppermetta lin-nies li jgħixu fiż-żona tal-euro biex jaħsdu l-benefiċċji tas-suq uniku.
Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fil-bwiet tagħna huma simbolu tanġibbli tal-unità Ewropea. L-euro jagħtina sens ta’ appartenenza u jservi bħala tfakkira ta' kuljum li rnexxilna niksbu ħafna.
L-euro jagħmilha iktar faċli
Tista’ tuża l-euro fil-kartiera tiegħek f’20 pajjiż Ewropew mingħajr ma jkollok issarraf il-flus jew tħallas spejjeż tal-kambju. Jagħmel l-ivjaġġar lejn dawk il-pajjiżi aktar konvenjenti u inqas għalja u jissimplifika aspetti oħra ta’ ħajjitna, bħall-istudju, ix-xogħol jew l-ħajja barra mill-pajjiż. L-euro jippermetti lill-konsumaturi fiż-żona tal-euro jqabblu l-prezzijiet direttament u jħallsu lil hinn mill-fruntieri. Jgħin ukoll biex inaqqas it-tħassib tan-negozji dwar ir-rati tal-kambju.