Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Rotazzjoni tad-dritt għall-vot fil-Kunsill Governattiv

1 ta' Diċembru 2014 (aġġornat fl-1 ta' Jannar 2023)

Xʼinhi s-sistema taʼ rotazzjoni tad-dritt għall-vot fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE?

Is-sistema ta' rotazzjoni tikkonċerna l-allokazzjoni tad-dritt għall-vot lill-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Kunsill Governattiv huwa l-ogħla korp deċiżjonali tal-BĊE u huwa responsabbli biex jistabbilixxi r-rati tal-imgħax u jmexxi l-politika monetarja. Jiġbor fih sitt membri tal-Bord Eżekuttiv u l-20 Gvernatur tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Billi l-Litwanja ssieħbet fiż-żona tal-euro fl-2015, dan ġab miegħu bidla fid-dritt għall-vot, kif kien previst mill-Kunsill Governattiv f'Diċembru 2002.

Għaliex hemm bżonn rotazzjoni tad-dritt għall-vot?

Ir-rotazzjoni tgħin biex il-Kunsill Governattiv iżomm il-kapaċità li jieħu azzjoni wkoll meta n-numru tal-pajjiżi taż-żona tal-euro jkompli jikber gradwalment u miegħu jikber in-numru tal-membri tal-Kunsill Governattiv. Skont it-Trattati tal-Unjoni Ewropea, is-sistema ta' rotazzjoni trid tiġi implimentata hekk kif in-numru ta' Gvernaturi jaqbeż it-18, u dan seħħ fl-1 ta' Jannar 2015 meta l-Litwanja ssieħbet fiż-żona tal-euro.

Liema Gvernaturi jkollhom dritt għall-vot f'xahar partikolari u liema ma jkollhomx?

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro huma maqsumin fi gruppi skont id-daqs tal-ekonomiji u s-setturi finanzjarji tagħhom. Saret klassifika biex jiġi stabbilit f'liema grupp jidħlu l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-Gvernaturi tal-pajjiżi fl-ogħla ħames postijiet – li bħalissa huma l-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u l-Olanda – jaqsmu erba' voti bejniethom. L-oħrajn kollha (15 wara li ssieħbet il-Kroazja fl-1 ta' Jannar 23) bejniethom jaqsmu 11-il dritt għall-vot. Il-Gvernaturi jeżerċitaw dan id-dritt meta jmisshom skont rotazzjoni ta' kull xahar.

Is-sistema l-ġdida setgħet ġiet posposta?

Le, għax dan kien imur kontra t-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni oriġinali kienet tagħti lok għal posponiment sa meta jkun hemm aktar minn 18-il pajjiż fiż-żona tal-euro.Issa li l-membri saru 19, ma setgħux isiru aktar posponimenti. Issa li l-membri saru 19, ma setgħux isiru aktar posponimenti.

Qabel l-1 ta' Jannar 2015 kellna l-prinċipju ta' vot wieħed għal kull membru. Bis-sistema ta' rotazzjoni hemm tliet kategoriji differenti ta' membri tal-Kunsill Governattiv. Dan jaffettwa d-diskussjoni fost il-membri u l-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet?

Il-membri kollha tal-Kunsill Governattiv jattendu l-laqgħat u jkollhom dritt jitkellmu u għalhekk għal dik li hija diskussjoni ma nbidel xejn. Billi l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv jittieħdu b'kunsens, fi spirtu ta' kooperazzjoni, lanqas il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet ma nbidel. Madankollu, il-prinċipju ta' vot wieħed għal kull membru jgħodd għal dawk li jkollhom dritt għall-vot dak il-mument.

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom dritt permanenti għall-vot?

Iva, il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandhom dritt permanenti għall-vot.

Kif titqabbel is-sistema tad-dritt għall-vot ma' dik, ngħidu aħna, tal-Federal Reserve tal-Istati Uniti?

Is-sistema li juża l-Federal Open Market Committee (FOMC) tal-Federal Reserve tal-Istati Uniti tixbah ħafna lil dik li juża l-BĊE. Il-FOMC għandu 12-il membru bi dritt għall-vot, u sebgħa minnhom huma membri tal-Bord tal-Gvernaturi bi dritt permanenti għall-vot, l-istess bħall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE li jinsabu fil-Kunsill Governattiv. Il-President tal-Federal Reserve Bank ta' New York għandu dritt permanenti għall-vot, il-Presidenti tal-Federal Reserve Banks ta' Chicago u Cleveland jivvutaw sena iva u oħra le u l-Presidenti tad-disa' distretti l-oħra tal-Federal Reserve Bank jivvutaw kull tliet snin. Filwaqt li r-rotazzjoni tad-dritt għall-vot tal-Federal Reserve tinbidel kull sena, dik tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tinbidel kull xahar.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat