Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Għollejna r-rati tal-imgħax. Xi jfisser dan għalik?

21 ta' Lulju 2022 (aġġornat fit-23 ta' Settembru 2022)

Iż-żieda fir-rati tal-imgħax tgħinna nnaqqsu l-inflazzjoni

F'Lulju 2022, il-Kunsill Governattiv tagħna għolla r-rati tal-imgħax għall-ewwel darba fi 11-il sena. Iż-żieda fir-rati f'Settembru kienet l-akbar fl-istorja tal-BĊE. U aktarx ikun hemm aktar żidiet fix-xhur li ġejjin.

Għaliex għollejna r-rati tal-imgħax?

Aħna l-bank ċentrali għall-euro, u huwa l-mandat tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli. Meta l-prezzijiet fl-ekonomija tagħna qed jogħlew b’rata mgħaġġla wisq – jiġifieri, meta l-inflazzjoni tkun għolja wisq – iż-żieda fir-rati tal-imgħax tgħinna nreġġgħu l-inflazzjoni lura għall-mira tagħna ta’ 2 % fuq żmien medju.

L-inflazzjoni qed tagħmel pressjoni fuq in-nies. Ħafna huma inkwetati li din ser tibqa’ magħna. Inżommu għajnejna fuq dawn l-hekk imsejħa aspettattivi dwar l-inflazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex għollejna r-rati tal-imgħax: biex nibagħtu l-messaġġ li mhux se nħallu l-inflazzjoni tibqa’ ’l fuq minn 2%. Dan jgħin biex l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni jinżammu taħt kontroll.

X’inhuma r-rati tal-imgħax?

Ir-rati tal-imgħax huma l-ispiża tas-self tal-flus (xi kultant jingħad li r-rati tal-imgħax huma “il-prezz tal-flus”). Jekk inti tixtieq tissellef minn bank, inti l-ewwel għandek taqbel fuq ċerta rata, li normalment hija rata annwali. Ejja ngħidu li tissellef EUR 10,000 b’rata annwali ta’ 3%. Dan ifisser li jkollok tħallas lill-bank tiegħek €300 fis-sena minbarra li tħallas lura s-self. Allura, ir-rata tal-imgħax hija essenzjalment dak li l-bank jitolbok tħallas biex jisilfek il-flus.

Din taħdem ukoll bil-maqlub. L-imgħax huwa l-flus li l-bank iħallas fuq it-tfaddil tiegħek, jiġifieri meta l-bank “jissellef” flus mingħandek. Pereżempju, jekk tpoġġi €1,000 fil-kont tat-tfaddil tiegħek b’rata annwali ta’ 2%, fl-aħħar tas-sena tirċievi €20 f’imgħax.

X’jikkawża ċ-ċaqliq tar-rati tal-imgħax?

Ir-rati tal-imgħax li l-banek joffru lin-nies u lin-negozji normalment jimxu id f’id mar-rati stabbiliti mill-BĊE, iżda huma influwenzati wkoll minn fatturi oħra. F’ekonomija tas-suq ħieles bħaż-żona tal-euro, ir-rati huma ddeterminati wkoll mid-domanda għall-kreditu u l-provvista tiegħu. Fi kliem ieħor, kemm in-negozji u n-nies jixtiequ jonfqu u jinvestu, u kemm huwa disponibbli kreditu.

Niċċaraw: X’inhuma l-flus?

Huma simili għal prodotti jew servizzi oħra. Pereżempju, jekk ħafna nies jixtiequ jixtru l-ħobż, iżda ma jkunx hemm biżżejjed ħobż disponibbli, il-prezz jitla’.

L-istess japplika għar-rati tal-imgħax: meta n-negozji u n-nies iridu jonfqu u jinvestu, iżda ma jistgħux faċilment jiksbu biżżejjed kreditu, ir-rati tal-imgħax għandhom it-tendenza li jogħlew, minħabba li hemm inqas kreditu disponibbli. Fi kliem ieħor, is-self isir aktar għali. Jekk ikun bil-maqlub u n-nies ifaddlu ħafna flus tagħhom fil-bank, l-ekonomija tkun qed tgħum fil-flus – spiss imsejħa likwidità – għalhekk ir-rati għandhom tendenza li jkunu baxxi.

X’inhu r-rwol tal-BĊE?

Il-BĊE huwa l-bank ċentrali għall-euro. Aħna ma nistabbilixxux ir-rati ta’ imgħax li inti tħallas fuq is-self tiegħek jew tirċievi fuq depożitu tiegħek. Iżda aħna ninfluwenzawhom.

Aħna stabbilixxejna dak li nsejħu r-rati tal-imgħax ewlenin jew ir-rati tal-imgħax tal-“politika”. Dawn huma r-rati li noffru lill-banek li jridu jissellfu mingħandna u għall-flus elettroniċi li jżommu magħna mil-lum għall-għada.

Meta nibdlu r-rati ewlenin tal-imgħax, dan jiġi rifless b’mod xi ftit jew wisq fl-ekonomija kollha, inkluż fis-self bankarju, fis-self tas-suq, fis-self ipotekarju, fir-rati tad-depożiti bankarji u fi strumenti oħra ta’ investiment.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jieħu deċiżjonijiet dwar dawn ir-rati ewlenin tal-imgħax bejn wieħed u ieħor kull sitt ġimgħat.

Kif ir-rati ewlenin tal-imgħax jolqtu l-inflazzjoni?

Fi żminijiet normali, jekk l-inflazzjoni tkun għolja wisq minħabba domanda għolja wisq għal prodotti u servizzi li jkunu ftit wisq, nistgħu ngħollu r-rati biex il-kreditu jsir aktar għali. Dan ikessaħ l-ekonomija, jikkalma l-aspettattivi tal-inflazzjoni u jnaqqas l-inflazzjoni.

Jekk l-inflazzjoni tkun baxxa wisq – kif kien il-każ għal żmien twil – nistgħu nnaqqsu r-rati u nagħmlu l-kreditu irħas biex nagħtu spinta lill-investiment u d-domanda.

Niċċaraw: Għaliex il-prezzijiet stabbli huma importanti?

Mill-invażjoni tar-Russa tal-Ukraina ilna nħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni fejn l-inflazzjoni hija għolja wisq iżda l-ekonomija qed tonqos. Il-prezzijiet żdiedu ħafna minħabba l-gwerra, speċjalment għall-enerġija u l-ikel. Ħafna kumpaniji qed isibuha wkoll aktar diffiċli biex jiksbu l-materjali, l-ispare parts u l-ħaddiema li jeħtieġu għall-produzzjoni, u dan qed jaggrava l-problemi li diġà kienu hemm minħabba l-pandemija.

Iż-żieda fir-rati tal-imgħax waħedha mhux se ssolvi dawn il-problemi kollha. Rati tal-imgħax ogħla mhux se jagħmlu l-enerġija importata irħas, jimlew xkafef vojta fis-supermarkets jew iwasslu semikondutturi lill-manifatturi tal-karozzi.

Rati ogħla jżommu l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni taħt kontroll

Madankollu, dak li jagħmlu r-rati ogħla huwa li l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni jinżammu taħt kontroll. Jekk in-nies u n-negozji jaħsbu li l-inflazzjoni għolja se tibqa’ hawnhekk, il-ħaddiema x’aktarx li jitolbu pagi ogħla u min iħaddem min-naħa tiegħu jista’ jgħolli l-prezzijiet tiegħu. Dan spiss jissejjaħ l-ispiral tal-prezzijiet-pagi. Se nkomplu ngħollu r-rati tal-imgħax — u b’hekk il-kreditu jsir aktar għali u t-tfaddil jiġi ppremjat aħjar — biex jiġi evitat spiral bħal dan. Se niżguraw li n-negozji, il-ħaddiema u l-investituri jkunu kunfidenti li l-inflazzjoni tonqos għal 2% fuq żmien medju. Mhux se nħallu l-aspettattivi ta’ inflazzjoni ogħla jrabbu l-għeruq.