Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 9 ta’ Marzu 2017

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Qegħdin inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, nikkonfermaw li se nkomplu nagħmlu akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, u li minn April 2017 huwa maħsub li l-akkwist nett ta’ assi jkompli jsir bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew wara, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu għall-inflazzjoni. L-akkwisti netti se jsiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw fil-programm APP.

Il-miżuri li ħadna fil-politika monetarja komplew iżommu l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tassew favorevoli li jinħtieġu biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod sostnut għal livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju. L-impatt tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi jkattar il-ħolqien tal-kreditu u jsostni l-irkupru tal-ekonomija taż-żona tal-euro li kulma jmur qiegħed jissoda. Indikaturi tas-sentiment jissuġġerixxu li l-irkupru ċikliku għandu mnejn qiegħed iżid ir-ritmu. L-inflazzjoni nominali reġgħet żdiedet, l-iżjed minħabba li żdiedet l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel. Madankollu, il-pressjonijiet tal-inflazzjoni ta’ bażi għadhom imrażżnin. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jifli t-tibdil fl-inflazzjoni HICP u ma jagħtix kasu jekk jara li jkun temporanju u ma jkollu ebda implikazzjoni fuq il-prospettiva għal żmien medju tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Għad jinħtieġ livell sostanzjali ferm ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex il-pressjonijiet tal-inflazzjoni ta’ bażi jkomplu jikbru u jsostnu l-inflazzjoni nominali fi żmien medju. Jekk il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, ninsabu lesti nkabbru l-programm tal-akkwist ta’ assi kemm bħala daqs kif ukoll bħala tul ta’ żmien.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.4% fuq bażi trimestrali fir-raba’ trimestru tal-2016, wara li kien irreġistra l-istess ritmu ta’ tkabbir fit-tielet trimestru. It-tagħrif li dieħel, b’mod partikolari r-riżultati tal-istħarriġ, ikabbar il-fiduċja tagħna li l-espansjoni ekonomika li għaddejja bħalissa se tkompli tissoda u tinfirex. It-trażmissjoni tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja qiegħda ssostni d-domanda domestika u tħaffef il-proċess kontinwu ta’ deleveraging. L-irkupru fl-investiment qiegħed ikompli jitkattar bil-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament u t-titjib fil-profitabilità korporattiva. Barra minn hekk, iż-żieda fl-impjiegi, li hija wkoll frott ir-riformi strutturali tal-imgħoddi, qiegħda tħalli impatt pożittiv fuq id-dħul reali disponibbli tal-individwi, u b’hekk qiegħda ssostni l-konsum privat. Hemm ukoll sinjali ta’ rkupru globali ftit iżjed qawwi u ta’ żieda fil-kummerċ globali. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro huwa mistenni jitrażżan mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-ħtiġijiet li fadal ta’ aġġustament fil-karti tal-bilanċ f’għadd ta’ setturi.

Din l-evalwazzjoni hija riflessa b’mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku ta’ Marzu 2017 tal-BĊE għaż-żona tal-euro, li jipprevedi li l-PDG reali annwali se jiżdied b’1.8% fl-2017, b’1.7% fl-2018 u b’1.6% fl-2019. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku ta’ Diċembru 2016 tal-Eurosistema, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali ġiet riveduta b’żieda żgħira fl-2017 u fl-2018. Ir-riskji għall-prospettiva għat-tkabbir fiż-żona tal-euro m’għadhomx daqstant prominenti iżda baqgħu jxaqilbu lejn tnaqqis u fil-biċċa l-kbira huma kawża ta’ fatturi globali.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro kompliet tiżdied għal 2.0% fi Frar, minn 1.8% f’Jannar 2017 u 1.1% f’Diċembru 2016. Dan kien dovut l-aktar għal żieda qawwija fl-inflazzjoni annwali tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel mhux proċessat, u s’issa għad m’hemm ebda sinjal ta’ xi xejra konvinċenti ta’ żieda fl-inflazzjoni ta’ bażi. L-inflazzjoni nominali x’aktarx tibqa’ f’livelli qrib 2% fix-xhur li ġejjin, l-iżjed minħabba ċ-ċaqliq fir-rata annwali ta’ bidla tal-prezzijiet tal-enerġija. Il-kejl tal-inflazzjoni ta’ bażi, madankollu, baqa’ baxx u huwa mistenni jiżdied bil-mod fi żmien medju, bl-għajnuna tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja, l-irkupru ekonomiku li mistenni jkompli u l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika.

Din ix-xejra hija riflessa wkoll fit-tbassir makroekonomiku ta’ Marzu 2017 tal-BĊE għaż-żona tal-euro, li jipprevedi inflazzjoni HICP annwali ta’ 1.7% fl-2017, 1.6% fl-2018 u 1.7% fl-2019. Meta titqabbel mat-tbassir makroekonomiku ta’ Diċembru 2016 tal-Eurosistema, il-prospettiva għall-inflazzjoni HICP nominali ġiet riveduta b’żieda sinifikanti għall-2017 u b’żieda żgħira għall-2018, filwaqt li baqgħet l-istess għall-2019. It-tbassir tal-esperti jiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri kollha li ħadna fil-politika monetarja.

Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) baqa’ jespandi b’ritmu qawwi, b’rata annwali ta’ tkabbir ta’ 4.9% f’Jannar 2017, wara 5.0% f’Diċembru 2016. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien megħjun fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 8.4% f’Jannar 2017, wara 8.8% f’Diċembru 2016.

L-iżviluppi fis-self imxew max-xejra tal-irkupru gradwali osservata sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kienet 2.3% f’Jannar 2017, bħax-xahar ta’ qabel. Ir-rata annwali ta’ tkabbir tas-self lill-individwi kienet 2.2% f’Jannar 2017, wara 2.0% f’Diċembru 2016. Għalkemm l-iżviluppi fil-kreditu tal-banek ikomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju, il-miżuri tal-politika monetarja stabbiliti minn Ġunju 2014 qegħdin jgħinu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi u għalhekk il-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro.

Fil-qosor, kontroverifika tal-konklużjonijiet tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet ġejjin mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jinżamm livell sostanzjali ferm ta’ rikonċiljazzjoni monetarja biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura b’mod sostnut għal livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% bla dewmien żejjed.

Biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri li ħadna fil-politika monetarja, oqsma oħra tal-politika għandhom jagħtu sehemhom b’mod iżjed deċiżiv biex isaħħu t-tkabbir ekonomiku. L-implimentazzjoni tar-riformi strutturali jeħtiġilha titħaffef b’mod sostanzjali biex jikber it-tisħiħ, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni. Minħabba li fl-2016 l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet lill-pajjiżi individwali kienet ġeneralment limitata, fl-2017 jinħtieġ isir sforz akbar fuq ir-riformi fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Għal dik li hija politika fiskali, il-pajjiżi kollha għandhom iqawwu l-isforzi biex jaslu għal kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi li tkompli ssaħħaħ it-tkabbir. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi maż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ kruċjali biex tiżgura fiduċja fil-qafas tal-governanza tal-UE.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Kuntatti midja