STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jibda jippubblika rapporti tad-diskussjonijiet dwar il-politika monetarja minn Jannar 2015

18 ta' Diċembru 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-10 a.m. CET tal-Ħamis, 18 ta’ Diċembru 2014
  • Il-BĊE se jippubblika rapporti b’mod regolari tad-diskussjonijiet dwar il-politika monetarja minn Jannar 2015
  • Ir-rapporti se jagħtu riflessjoni ġusta u bbilanċjata tad-deliberazzjonijiet dwar il-politika
  • Bullettin Ekonomiku ġdid kull sitt ġimgħat se jieħu post il-Bullettin tax-Xahar

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ħabbar li se jibda jippubblika regolarment rapporti tad-diskussjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja mil-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2015.

Ir-rapporti se jkun fihom ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ekonomiċi, monetarji u fis-swieq finanzjarji. Wara jkun hemm rapport qasir fuq id-diskussjoni, f’sura impersonali, dwar l-analiżi ekonomika u monetarja u x-xejra tal-politika monetarja. Ir-rapporti se jagħtu riflessjoni ġusta u bbilanċjata tad-deliberazzjonijiet dwar il-politika

L-għan huwa li jingħataw ir-raġunijiet li jwasslu għad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifhem aħjar l-evalwazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar l-ekonomija u r-reazzjonijiet tiegħu għall-politika fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jiżviluppaw.

Meta l-Litwanja tissieħeb fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill Governattiv se jkun magħmul minn 25 membru – is-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tad-19-il pajjiż taż-żona tal-euro.

Ir-rapporti se jinħarġu erba’ ġimgħat wara kull laqgħa.

Minħabba li l-laqgħat tal-politika monetarja se jibdew isiru kull sitt ġimgħat minn Jannar 2015, il-BĊE qiegħed iħabbar ukoll li l-Bullettin Ekonomiku l-ġdid se jibda jiġi ppubblikat ġimagħtejn wara kull laqgħa. Din il-pubblikazzjoni se tieħu post il-Bullettin tax-Xahar.

Għal tagħrif ieħor tista’ ċċempel lil Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057).

Kuntatti midja