Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jħabbar miżuri biex jitjieb il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja

5 ta' Ġunju 2014

Skont il-mandat tiegħu dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE llum ħabbar miżuri li jtejbu l-funzjonament tal-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja permezz ta’ sostenn għas-self lill-ekonomija reali. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li:

  1. Imexxi sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien itwal speċifiċi, mifruxa fuq perjodu ta’ sentejn, sabiex itejjeb is-self bankarju lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro [1], minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar.
  2. Jintensifika x-xogħol ta’ tħejjija marbut max-xiri definittiv ta’ titoli koperti b’assi (ABS).

Modalitajiet tas-sensiela ta’ TLTROs

Il-kontropartijiet se jkollhom il-jedd għal allowance tal-bidu ta’ self ta’ TLTROs li tkun ta’ 7% tal-ammont totali tas-self tagħhom lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro, minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar, pendenti fit-30 April 2014. F’żewġ TLTROs konsekuttivi li se jitmexxew f’Settembru u Diċembru 2014, il-kontropartijiet se jkunu jistgħu jissellfu ammont li kumulattivament ma jkunx akbar minn din l- allowance tal-bidu.

Fil-perjodu bejn Marzu 2015 u Ġunju 2016, il-kontropartijiet kollha se jkunu jistgħu jissellfu ammonti addizzjonali f’sensiela ta’ TLTROs li jitmexxew kull trimestru. Dawn l-ammonti addizzjonali kumulattivament jistgħu jlaħħqu sa tliet darbiet is-self nett ta’ kull kontroparti lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro [2], minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar, mogħti bejn it-30 ta’ April 2014 u d-data ta’ referenza rispettiva tal-allokazzjoni [3], iktar minn normattiva speċifika. In-normattiva se tiġi ddeterminata billi jitqies is-self nett ta’ kull kontroparti lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro, minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar, irreġistrat fil-perjodu ta’ tnax-il xahar sat-30 ta’ April 2014.

It-TLTROs kollha se jimmaturaw f’Settembru 2018.

Ir-rata tal-imgħax fuq it-TLTROs se tiġi ffissata mar-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs) tal-Eurosistema li jsiru fil-perjodu ta’ validità tal-operazzjonijiet, biż-żieda ta’ spread fissa ta’ 10 punti bażi. L-imgħax jitħallas b’lura meta s-self jiġi rimborżat.

Minn 24 xahar wara kull TLTRO, il-kontropartijiet se jkollhom l-għażla li jirrimborżaw partijiet mill-ammonti li jkunu allokati f’dik it-TLTRO bi frekwenza ta’ sitt xhur.

Il-kontropartijiet li jkunu ssellfu permezz tat-TLTROs u li s-self nett tagħhom lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro, minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar, ikun inqas min-normattiva se jkunu mitluba jħallsu lura s-self f’Settembru 2016.

Aktar dettalji tekniċi u kalendarju preċiż tal-operazzjonijiet se jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Intensifikazzjoni tax-xogħol ta’ tħejjija marbut max-xiri definittiv tal-ABS

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jintensifika x-xogħol ta’ tħejjija marbut max-xiri definittiv fis-suq tal-ABS sabiex itejjeb il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja, minħabba s-sehem ta’ dan is-suq fil-faċilitazzjoni ta’ flussi ġodda ta’ kreditu lill-ekonomija. B’din l-inizjattiva, l-Eurosistema se tikkunsidra tixtri ABS sempliċi u trasparenti b’assi ta’ bażi magħmula minn klejms mas-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro, filwaqt li tqis it-tibdil mixtieq fl-ambjent regolatorju, u se taħdem ma’ istituzzjonijiet oħra rilevanti għal dan l-iskop.

L-Eurosistema se tikkalkula l-modalitajiet xierqa għal din il-miżura tal-politika monetarja, fosthom ir-rekwiżiti li l-ABS iridu jissodisfaw sabiex ikunu eliġibbli. Aktar dettalji dwar l-inizjattiva se jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Għal aktar mistoqsijiet, wieħed jista’ jċempel lil Michael Steen (+49 69 1344 7457) jew Stefan Ruhkamp (+49 69 1344 5057).

  1. [1]Is-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro jiġbor fih l-individwi u l-korporazzjonijiet mhux finanzjarji taż-żona tal-euro.

  2. [2]Is-self nett se jitkejjel fuq il-bażi tal-kunċett tat-tranżazzjonijiet tal-istatistika tal-BSI, i.e. is-self ġdid li minnu jitnaqqas il-fidi, aġġustat għall-impatt tal-bejgħ tas-self u titoli.

  3. [3]Id-data ta’ referenza tal-allokazzjoni hija definita bħala l-aktar xahar reċenti li għalih id-dejta dwar is-self nett tkun disponibbli għal kull allokazzjoni ta’ TLTRO.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja