STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jħabbar il-karatteristiċi tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja b’saldu sa Diċembru 2016

5 ta' Ġunju 2014

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE llum ħa d-deċiżjoni li jkompli jmexxi l-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament (MROs) bħala proċeduri ta’ offerti b’rata fissa u b’allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ u għall-anqas sal-perjodu ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema li jintemm f’Diċembru 2016.

Barra dan, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jmexxi l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (LTROs) ta’ tliet xhur li għandhom jiġu allokati qabel il-perjodu ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema li jintemm f’Diċembru 2016 bħala proċeduri ta’ offerti b’rata fissa u b’allokazzjoni sħiħa. Għal dawn l-operazzjonijiet ta’ tliet xhur se tiġi applikata rata li tikkorrispondi għall-medja tar-rati tal-MROs li jsiru matul il-perjodu ta’ validità tal-LTRO rispettiva.

Barra dan, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jwaqqaf l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament speċjali tal-Eurosistema b’maturità ta’ perjodu wieħed ta’ żamma tar-riżervi, wara l-operazzjoni li għandha tiġi allokata fl-10 ta’ Ġunju 2014.

Fl-aħħar, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jissospendi l-operazzjoni ta’ rfinar ta’ kull ġimgħa għal-isterilizzazzjoni tal-likwidità injettata permezz tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli, wara l-operazzjoni li għandha tiġi allokata fl-10 ta’ Ġunju 2014.

Kuntatti midja