STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

SEPA għall-kards tkompli tħabrek biex tinħoloq żona verament Ewropea għall-pagamenti

29 ta' April 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-12 a.m. CET tat-Tlieta, 29 ta’ April 2014
  • Il-BĊE jippubblika rapport ġdid dwar “Pagamenti bil-kards fl-Ewropa - fokus rinnovat fuq is-SEPA għall-kards”
  • L-użu tal-kards u l-istatistika dwar ix-xiri bil-kards jenfasizzaw il-potenzjal kbir għaż-żieda ta' pagamenti bil-kards fil-pajjiżi kollha tal-UE, u b'mod partikolari fl-Ewropa ċentrali u l-Ewropa tax-Xlokk
  • Jeħtieġ li l-parteċipanti tas-suq iħabirku biex jistabbilixxu suq kompetittiv għall-ipproċessar tal-kards kif ukoll biex jiżviluppaw u mbagħad jimplimentaw standards tekniċi

Wara li kważi tlestiet il-migrazzjoni tal-ewwel żewġ strumenti ta' pagament, it-trasferimenti ta’ kreditu (TKs) u d-debiti diretti (DDs), lejn iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA), l-Eurosistema issa qed tiffoka l-attenzjoni fuq l-armonizzazzjoni tal-ikbar strument elettroniku għall-mikropagamenti: il-pagamenti bil-kards. Rapport ġdid u komprensiv imsejjaħ “Pagamenti bil-kards fl-Ewropa - fokus rinnovat fuq is-SEPA għall-kards”, imħejji mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), jispjega l-kunċetti bażiċi, jipprovdi statistika aggregata fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), u jippreżenta l-fehmiet u l-politika tal-Eurosistema dwar is-SEPA għall-kards. L-għan aħħari tas-SEPA għall-kards hu dak ta' żona Ewropea armonizzata, kompetittiva u innovattiva għall-pagamenti bil-kards.

Il-pagamenti bil-kards huma l-iżjed strument użat u dak li qed jikber bl-iżjed ritmu mgħaġġel għall-mikropagamenti fl-Ewropa. Waqt li fis-sena 2000, it-tliet strumenti (kards, TKs and DDs) laħqu kważi l-istess volum, fejn kull wieħed kien jammonta għal madwar 13-il biljun tranżazzjoni fis-sena, fl-2012 saru 40 biljun pagament bil-kards, madwar 26 biljun TKs u 23 biljun DDs (ara t-Tabella 1). Barra dan, l-għadd ta' pagamenti bil-kards ras għal ras għadu qed jiżdied f'kull wieħed mill-pajjiżi tal-UE.

Ir-rapport juri wkoll li l-użu tal-kards fl-UE għad ma laħaqx l-ogħla potenzjal tiegħu, minkejja li hu effiċjenti, sigur u affidabbli, u li għadd ta' fatturi juru li hemm potenzjal sinifikanti għal tkabbir. L-għadd ta' pagamenti bil-kards għal kull ċittadin fis-sena juri li hemm diskrepanzi kbar: iċ-ċittadin medju Svediż jagħmel 230 pagament bil-kards fis-sena, waqt li ċ-ċittadini Bulgari, Rumeni u Griegi jagħmlu inqas minn 10 (ara t-Tabella 2). Il-konsumaturi Portugiżi jonfqu ħafna iżjed mid-doppju (€5,200) fis-sena bl-użu tal-kards tagħhom mill-Ispanjoli (€2,300) u t-Taljani (€2,100) (ara t-Tabella 3). B'mod ġenerali, l-użu tal-kards għall-pagamenti fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u l-Ewropa tax-Xlokk hu estremament baxx, u dan juri li hemm potenzjal sinifikanti għal tkabbir. Madankollu, anke pajjiż b'użu għoli ta' kards bħal Franza jista' jeħtieġlu jżid l-għadd ta' pagamenti bil-kards bi 72% biex jilħaq lit-tliet pajjiżi li qiegħdin fuq quddiem.

“Is-SEPA għall-kards hu l-pass loġiku li jmiss fl-integrazzjoni Ewropea tal-mikropagamenti”, jgħid Yves Mersch, Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. “Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fil-kartieri ta' kulħadd huma l-istess fiż-żona tal-euro kollha kemm hi. F'qasir żmien, it-trasferimenti bil-kards u d-debiti diretti se jsegwu l-istess skemi fl-Ewropa kollha. Issa wasal iż-żmien għal armonizzazzjoni u integrazzjoni ulterjuri tal-pagamenti bil-kards.”

L-istudji juru li l-pajjiżi li jagħmlu iżjed pagamenti bil-kards u mikropagamenti elettroniċi jġarrbu spejjeż soċjali iżjed baxxi għas-servizzi tagħhom ta' mikropagamenti bħala perċentwal tal-PDG. Rapport tal-BĊE wera li l-ispejjeż soċjali għall-mikropagamenti jammontaw għal 1% tal-PDG, li hu ekwivalenti għal EUR 130 biljun fis-sena għall-UE kollha. Din hi spiża operazzjonali konsiderevoli għall-mekkaniżmu ekonomiku, iżda fil-biċċa l-kbira hi inviżibbli. Il-promozzjoni tal-użu ta' servizzi effiċjenti għall-mikropagamenti hu għan ewlieni għall-BĊE u għall-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, u jista' jipprovdi benefiċċji ekonomiċi konkreti.

“Diffiċli li jitwemmen, iżda sal-lum, meta jagħmlu u jaċċettaw pagamenti bil-kards il-konsumaturi u n-negozjanti, iżda anke l-banek u fornituri oħra ta' servizzi ta' pagament, għadhom jiltaqgħu ma' xkiel jew iġarrbu esperjenzi ta' differenzi ġeografiċi ġejjin miż-żmien ta' qabel l-introduzzjoni tal-euro”, jgħid is-Sur Mersch.

L-għanijiet tal-Eurosistema għas-SEPA għall-kards

L-għan tas-SEPA għall-kards hu dak tal-armonizzazzjoni tal-prinċipji, il-prattiki u r-regoli tan-negozju, kif ukoll l-istandards tekniċi relatati mal-pagamenti bil-kards. F'dan ir-rigward, il-BĊE laqa' kemm ir-regolament propost dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament abbażi ta' kards kif ukoll id-direttiva proposta dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, billi r-regolament jikkonferma prinċipju ewlieni tas-SEPA għall-kards – is-separazzjoni tal-iskema tal-kards mill-ipproċessar – u kemm ir-regolament kif ukoll id-direttiva jindirizzaw ħafna ostakli għall-integrazzjoni ġejjin mill-prattiki u r-regoli attwali tan-negozju.

Tabella 1: L-użu ta' strumenti ta' pagament fl-UE (2000-12)

Tabella 2: Għadd ta' pagamenti bil-kards għal kull ċittadin fis-sena (2012)

Tabella 3: Valur totali (f'euro) ta' pagamenti bil-kards għal kull ċittadin fis-sena (2012)

Publications

    Card payments in Europe – a renewed focus on SEPA for cards
  • ENGLISH

Kuntatti midja