STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-karta tal-€10 l-ġdida ppreżentata fi Frankfurt illum

13 ta' Jannar 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-11.30 a.m. CET tat-Tnejn, 13 ta’ Jannar 2014
  • Il-karta tal-€10 euro l-ġdida tas-sensiela Europa sejra tibda tiċċirkola fit-23 ta’ Settembru 2014, b’hekk jingħata żmien biżżejjed lill-partijiet kollha biex iħejju l-introduzzjoni tagħha bla xkiel.
  • Il-karta tal-€10 l-ġdida se tingħaraf faċilment għaliex id-disinn tagħha jixbah lil dak tal-€10 euro tal-ewwel sensiela. Id-disinn jinkorpora avvanzi fit-teknoloġija tal-karti tal-flus, b’hekk jagħmilha saħansitra aktar resistenti għall-falsifikazzjoni. Sejra wkoll isservi aktar fit-tul.
  • Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa qed jiġu introdotti bil-mod il-mod matul bosta snin.
  • Il-karti tal-flus euro huma simbolu tanġibbli tal-Unjoni Ewropea. Issa 334 miljun ruħ fi 18-il pajjiż qed jużaw l-euro.

Yves Mersch, il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, ippreżenta illum il-karta tal-€10 l-ġdida u ħabbar li sejra tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fil-23 ta’ Settembru 2014. Is-Sur Mersch qal: "12-il sena wara li kienu ġew introdotti l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, faċli li ma nagħtux kashom u ninsew kemm kien proġett ambizzjuż, saħansitra kuraġġuż meta ġie introdott l-euro. Il-munita unika għenet biex jingħaqdu flimkien miljuni ta’ Ewropej, minkejja d-diversità kollha tagħna, u l-karti tal-flus u l-muniti huma simbolu tanġibbli tad-determinazzjoni tagħna biex nappoġġaw l-Unjoni Ewropea. Meta ngħdu, “L-Euro. Flusna”, infissru tabilħaqq dan!”.

Waqt li l-€10 l-ġdida tixbah lil dik li ħarġet l-ewwel fl-2002, ingħatat bixra ġdida u għandha bosta karatteristiċi tas-sigurtà ġodda u mtejba. Pereżempju, bħall-€5 l-ġdida, għandha x-xbieha ta’ wiċċ Europa – figura mill-mitoloġija Griega u l-oriġini tal-isem tal-kontinent tagħna – fl-ologramma u fil- watermark .

Waqt il-preżentazzjoni, is-Sur Mersch ikkommenta wkoll: “Il-ġurnata ta’ llum hija wkoll opportunità biex nenfasizzaw l-importanza li nżommu l-fiduċja tal-poplu fl-euro. Waħda mir-raġunijiet prinċipali għala ġiet introdotta sensiela ġdida tal-karti tal-flus hija biex jiġi żgurat li kull min jużahom ikun jista’ jkompli jużahom b’fiduċja sħiħa”.

Bħal fl-ewwel sensiela ta’ karti tal-flus, il-karta tal-€10 l-ġdida tista’ tiġi ċċekkjata faċilment ħafna manwalmant u viżwalment, bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”. Barra mill-xbieha ta’ wiċċ Europa fl-ologramma u fil- watermark, il-karti għandhom numru aħdar żmerald, li jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur meta wieħed imejjel il-karta. Il-karti tal-flus tal-€5 u tal-€10 tas-sensiela Europa jservu iktar peress li għandhom kisja protettiva. Dan ifisser li l-karti tal-flus ikun jeħtiġilhom jiġu sostitwiti anqas ta’ spiss, b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u jonqos l-impatt fuq l-ambjent. Maż-żmien, bil-mod il-mod l-Eurosistema sejra ttejjeb il-karti tal-euro kollha mill-iżgħar sal-akbar waħda.

L-Eurosistema qed tieħu passi biex tgħin l-adattament tat-tagħmir li jimmaniġġa l-flus u tal-apparat li jivverfika l-flus sad-data ta’ tnedija f’Settembru. Dawk kollha li għandhom dan it-tagħmir huma avżati biex jikkontattjaw il-fornituri jew il-manifatturi tagħhom malajr kemm jista’ jkun biex iħejju għall-karta ta' €10 l-ġdida. (ara http://www.new-euro-banknotes.eu/Direct-Access/Partners). Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel lil Elodie Lafitte Nowodazkij (tel. +49 69 1344 7390

Kuntatti midja