STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Eurosistema se tintroduċi l-karta l-ġdida tal-€10 fl-2014 permezz ta’ programm ta’ sħubija

26 ta' Novembru 2013

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-12 p.m. CET tat-Tlieta 26 ta’ Novembru 2013
  • L-Eurosistema se tippreżenta l-karta l-ġdida tal-€10 tas-sensiela Europa fit-13 ta’ Jannar 2014 u toħroġ il-karta tal-flus aktar tard is-sena d-dieħla
  • Biex tiffaċilita l-introduzzjoni tal-€10 ġdida, l-Eurosistema waqqfet Programm ta’ Sħubija għall-manifatturi u l-fornituri tal-apparat li jimmaniġġa l-karti tal-flus kif ukoll għall-klijenti u l-utenti

F’seminar li sar illum fi Brussell, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – l-Eurosistema – ippreżentaw Programm ta’ Sħubija biex il-manifatturi u l-fornituri ta’ apparat li jimmaniġġa l-karti tal-flus kif ukoll klijenti u utenti ta’ magni u tagħmir li jimmaniġġaw u jivverifikaw il-karti tal-flus u persuni oħra interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom għall-introduzzjoni tal-karta l-ġdida tal-€10. L-Eurosistema se tippreżenta l-karta l-ġdida tal-€10 tas-sensiela Europa fit-13 ta’ Jannar 2014 u toħroġ il-karta tal-flus aktar tard is-sena d-dieħla.

“Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro qegħdin jistennew bil-ħerqa biex jaħdmu flimkien mal-manifatturi, il-fornituri, l-operaturi u s-sidien ta’ apparat li jimmaniġġa l-karti tal-flus hekk kif dawn qegħdin iħejju l-magni u t-tagħmir tagħhom biex jaċċettaw il-karti l-ġodda tal-€10 għas-sena d-dieħla”. Hekk qal Ton Roos, id-Direttur tat-Taqsima Karti tal-Flus tal-Bank Ċentrali Ewropew waqt is-seminar.

Bil-Programm ta’ Sħubija, l-Eurosistema se:

  • tipprovdi lill-imseħbin fil-programm b’għadd ta’ għodod u materjal li għandu jgħinhom iħejju ruħhom għall-introduzzjoni tal-karti tal-flus il-ġodda;
  • tikkomunika b’mod estensiv dwar il-ħtieġa li l-magni u t-tagħmir li jimmaniġġaw u jivverifikaw il-karti tal-flus jiġu adattati għall-flus il-ġodda; u
  • tqassam fuljetti dwar il-karti tal-flus il-ġodda lill-postijiet tal-bejgħ fiż-żona tal-euro kollha għall-aħħar ta’ Ġunju 2014 biex dawk li jimmaniġġaw il-flus ikollhom biżżejjed żmien iħejju ruħhom għaċ-ċirkolazzjoni tagħhom.

L-utenti tat-tagħmir u l-magni li jimmaniġġaw u jivverifikaw il-karti tal-flus se jkollhom bżonn jikkuntattjaw il-fornituri jew il-manifatturi ta’ dan l-apparat sabiex iħejjuh għall-karta l-ġdida tal-€10. Jekk ikunu qegħdin jaħsbu biex jixtru xi tagħmir jew xi magna, għandhom jiċċekkjaw mal-fornituri jekk l-apparat ikunx jista’ jiġi adattat biex jaċċetta l-karti tal-flus il-ġodda. Il-listi tat-tagħmir għall-awtentikazzjoni tal-karti tal-flus u tal-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus li ġew adattati biex jaċċettaw il-karta l-ġdida tal-€5 jinsabu fil-websajt tal-BĊE (http://www.ecb.europa.eu/euro/cashprof/cashhand/devices/html/results.mt.html). Il-listi se jiġu aġġornati fil-bidu tal-2014 biex jinkludu tagħrif dwar l-apparat li jaċċetta l-karta l-ġdida tal-€10.

Aktar tagħrif dwar il-karta l-ġdida tal-€10 jinsab fit-taqsima “Sħab fil-Programm” fil-paġna http://www.karti-godda-tal-euro.eu/. Din it-taqsima tagħti tagħrif dwar l-aġġornament tal-apparat li jimmaniġġa l-karti tal-flus u se jkun fiha dettalji dwar fejn u meta dan l-apparat jista’ jiġi ttestjat bil-karti tal-flus il-ġodda.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jikkuntattja lil Elodie Lafitte Nowodazkij, tel.: +49 69 1344 7390

Kuntatti midja