European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jilqa’ l-votazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien tal-mekkaniżmu superviżorju uniku

12 ta' Settembru 2013

Il-Bank Ċentrali Ewropew jilqa’ l-votazzjoni tal-lum tal-Parlament Ewropew dwar il-leġiżlazzjoni li tħejji t-triq għat-twaqqif ta’ unjoni bankarja. Skont ir-Regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ir-Regolament), għandha tinħoloq sistema ġdida ta’ superviżjoni bankarja li tistabbilixxi mekkaniżmu superviżorju uniku għall-banek fiż-żona tal-euro (u fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jixtiequ jissieħbu fil-mekkaniżmu superviżorju uniku). Dan huwa pass importanti biex terġa’ tissaħħaħ il-fiduċja fis-sistema bankarja Ewropea.

Ir-Regolament se jidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u wara li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Meta r-Regolament jidħol fis-seħħ, il-Bank Ċentrali Ewropew jibda formalment bl-attivitajiet ewlenin kollha ta’ tħejjija biex ikun jista’ jaqdi bis-sħiħ id-dmirijiet superviżorji tiegħu fi żmien 12-il xahar.

Illum tassew għamilna pass ’il quddiem għat-twaqqif ta’ unjoni bankarja, li hija wieħed mill-elementi ċentrali ta’ unjoni ekonomika u monetarja ġenwina. Min-naħa tagħna se nagħmlu kulma nistgħu biex nistabbilixxu r-rekwiżiti organizzattivi kollha sabiex nidħlu għar-responsabbiltajiet superviżorji tagħna fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni, u nistennew bil-ħerqa l-waqt li naħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali biex nagħtu sehemna għat-tisħiħ tal-fiduċja fis-settur bankarju.” Hekk qal Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Fl-istess ħin tal-adozzjoni tar-Regolament, Mario Draghi u Martin Schulz, President tal-Parlament Ewropew, iffirmaw dikjarazzjoni li torbot liż-żewġ istituzzjonijiet jikkonkludu formalment Ftehim Interistituzzjonali dwar l-aspetti prattiċi tal-kooperazzjoni tagħhom fejn jidħlu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-mekkaniżmu superviżorju uniku.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja