STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

19 ta' Lulju 2013

Fl-ewwel nofs tal-2013 tneħħa miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 317,000 karta tal-euro falza. Dan ifisser li l-kwantità ta’ karti tal-flus foloz li tneħħiet miċ-ċirkolazzjoni bejn Jannar u Ġunju 2013 kienet 26.3% ogħla mill-kwantità li tneħħiet fl-istess perjodu tal-2012 u 13.2% ogħla mill-kwantità miġbura fis-sitt xhur ta’ qabel Jannar 2013.

It-tabella ta’ hawn taħt tindika x-xejra ta’ kull sitt xhur fl-għadd tal-karti tal-flus foloz miġbur.

Perjodu 2010/1 2010/2 2011/1 2011/2 2012/1 2012/2 2013/1
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 387,000 364,000 296,000 310,000 251,000 280,000 317,000

It-tabella li ġejja tagħti analiżi perċentwali skont id-denominazzjoni tal-għadd ta’ karti tal-flus foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2013.

Denominazzjoni €5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi perċentwali 0.3% 2.6% 38.0% 44.1% 12.4% 2.0% 0.6%

Id-denominazzjonijiet li jiġu falsifikati l-aktar għadhom dawk ta’ €20 u €50. Fis-sitt xhur li għaddew il-proporzjon tal-karti ta’ €20 foloz naqas filwaqt li dak tal-karti ta’ €50 foloz żdied bi ftit. Dawn iż-żewġ denominazzjonijiet flimkien jirrappreżentaw 82.1% tat-total tal-karti tal-flus foloz li nstabu fl-ewwel nofs tal-2013. Warajhom, għalkemm b’ċertu distakk, tiġi l-karta ta’ €100 bi 12.4% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħra (€5, €10, €200 u €500) jibqa’ żgħir ħafna.

Il-biċċa l-kbira (98.5%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fl-ewwel nofs tal-2013 instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro filwaqt li madwar 1.2% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea barra ż-żona tal-euro u 0.3% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

Filwaqt li kien hemm żieda fil-karti tal-flus foloz li nstabu fl-ewwel nofs tal-2013, l-għadd ta’ karti tal-flus foloz miġbur fl-2012 kien partikolarment baxx u l-aħħar ċifra taqbel mal-livelli tas-snin ta’ qabel. Meta nqabbluh mal-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro tajbin fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 15.1 biljun fl-ewwel nofs tal-2013) il-proporzjon ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna.

Għalkemm ir-riskju li tiġi f’idejna karta tal-flus falza huwa żgħir ħafna, madankollu dejjem għandna noqogħdu attenti għall-possibbiltà ta’ frodi, speċjalment fejn jidħlu t-tliet denominazzjonijiet li jiġu falsifikati l-aktar: l-€20, il-€50 u l-€100. L-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – tibqa’ twissi l-pubbliku biex joqgħod b’seba’ għajnejn meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti.

Il-karti tal-flus tajbin jintgħarfu faċilment permezz tat-test sempliċi “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” kif imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, dejjem għandna nqabblu karta tal-flus li tqajjem suspett direttament ma’ waħda li nkunu ċerti li hi tajba. Kull min jissuspetta li jkun irċieva karta tal-flus falza għandu jikkuntattja lill-pulizija jew – fejn il-prattika nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti. Fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali hemm minjiera ta’ tagħrif dwar il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus u dwar kif għandna niċċekkjaw l-awtentiċità tagħhom.

L-Eurosistema qiegħda tkompli tagħmel dak kollu li tista’ biex tiżgura li l-pubbliku jkun mgħarraf sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti li jaħdmu bil-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jidentifikaw tajjeb u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.

Kuntatti midja