STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Preżentazzjoni ta’ logħba edukattiva ġdida

17 ta' April 2013

Illum il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema xandru logħba edukattiva ġdida fl-internet bl-isem “ Top Floor – Make your way up!” (Top Floor – Itla’ sa fuq nett!).

Il-logħba hija maħsuba għal żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena u tieħu s-sura ta’ kwiżż interattiv li jseħħ fl-isfond tal-liftijiet ta’ verżjoni mistħajla tal-bini l-ġdid tal-BĊE li għad irid jiġi inawgurat.

Il-missjoni tal-parteċipanti hija li jwasslu sett sħiħ ta’ seba’ dokumenti bit-tagħrif meħtieġ lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE għal-laqgħa tiegħu li tkun qiegħda ssir fis-sular ta’ fuq nett tal-bini. Huma u telgħin bil-lift, il-parteċipanti jridu jwieġbu sensiela ta’ mistoqsijiet billi jagħżlu minn fost diversi tweġibiet dwar il-qafas istituzzjonali, l-organizzazzjoni u d-dmirijiet tal-BĊE, l-Eurosistema u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Għal kull tweġiba tajba jingħatalhom wieħed mid-dokumenti meħtieġa.

B’dan il-mod, “ Top Floor – Make your way up!” tipprova tispjega x-xogħol komplikat tal-BĊE, l-Eurosistema u s-SEBĊ permezz tal-esperjenza ta’ logħba divertenti u informattiva fl-istess ħin. B’mod partikolari, il-parteċipanti jkollhom l-opportunità jaraw l-informazzjoni u l-analiżi li l-Kunsill Governattiv irid iqis kull meta jieħu d-deċiżjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax għaż-żona tal-euro.

“Top Floor – Make your way up!” hija t-tielet logħba edukattiva li ħarġu l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema wara li fl-2010 kienu ħarġu “ €conomia – The Monetary Policy Game” (€konomija – il-Logħba tal-Politika Monetarja) u “ Inflation Island” (il-Gżira tal-Inflazzjoni). Bħaż-żewġ logħbiet ta’ qabilha, il-logħba l-ġdida nħadmet bi 22 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fit-taqsima “Materjal Edukattiv” tal-websajt tal-BĊE (http://www.ecb.europa.eu/ecb/educational) jew fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Educational

Kuntatti midja