STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2012

21 ta' Frar 2013

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Il-BĊE kellu bilanċ pożittiv ta’ €2,164 miljun fl-2012, imqabbel ma’ bilanċ pożittiv ta’ €1,894 miljun fl-2011. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li fil-31 ta’ Diċembru 2012 jittrasferixxi €1,166 miljun fil-provediment għar-riskji biex issa dan żdied għal-livell tal-limitu massimu ta’ €7,529 miljun. L-għan tal-provediment għar-riskji hu li jkopri r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb, li jiġu sorveljati kontinwament. Kull sena ssir reviżjoni tad-daqs u tar-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provediment.

Wara t-trasferiment fil-provediment għar-riskji, il-BĊE għamel qligħ nett għall-2012 ta’ €998 miljun (2011: €728 miljun). Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, fil-31 ta’ Jannar 2013 saret id-distribuzzjoni interim tal-qligħ ta’ €575 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni fil-laqgħa tal-lum li jqassam id-differenza ta’ €423 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-25 ta’ Frar 2013.

Id-dħul regolari tal-BĊE jiġi prinċipalment mill-qligħ fuq l-investimenti li għandu fil-portafoll tar-riżervi barranin u fil-portafoll tal-fondi proprji, mid-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, u mid-dħul nett mill-imgħax fuq it-titoli mixtrija għall-għanijiet tal-politika monetarja permezz tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) u ż-żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti.

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €2,289 miljun fl-2012 (2011: €1,999 miljun). Dan kien jinkludi dħul ta’ €633 miljun mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE mit-total tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2011: €856 miljun) u dħul nett mill-imgħax ta’ €1,108 miljun (2011: €1,003 miljun) minn titoli mixtrija permezz tal-SMP, li minnhom €555 miljun (2011: €654 miljun) huma mill-investimenti tal-BĊE f’bonds tal-gvern Grieg. Kien jinkludi wkoll dħul nett mill-imgħax ta’ €209 miljun (2011: (€166 miljun) minn titoli mixtrija permezz taż-żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti. Il-BĊE ħallas rimunerazzjoni ta’ €307 miljun (2011: €434 miljun) lill-banek ċentrali nazzjonali għall-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin li huma ttrasferew lill-BĊE, waqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi tar-riżervi barranin kien ta’ €229 miljun (2011: €290 miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €319-il miljun (2011: €472 miljun). Kuntrarju għall-2011 meta nbiegħu yen Ġappuniżi fl-ambitu tal-parteċipazzjoni tal-BĊE fl-intervent internazzjonali konġunt fis-swieq tal-kambju, il-qligħ realizzat mir-rata tal-kambju fl-2012 kien insinifikanti.

It-telf mhux realizzat kien ta’ €4 miljun fl-2012 (2011: €157 miljun). It-tnaqqis fit-telf mhux realizzat fl-2012 kien dovut l-aktar għaż-żieda totali fil-valuri tas-suq tat-titoli miżmuma fil-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE jiġbru fihom l-ispiża tal-istaff u l-ispejjeż amministrattivi l-oħra kollha. L-ispiża tal-istaff żdiedet marġinalment għal €219-il miljun fl-2012 (2011: €216-il miljun). L-ispejjeż amministrattivi l-oħra, fosthom il-kera tal-bini, id-drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra, kienu ta’ €242 miljun fl-2012 (2011: €226 miljun) u kienu jinkludu €13-il miljun bħala deprezzament fuq l-assi fissi. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE tħallew barra minn din il-partita u ġew kapitalizzati fl-intestatura “Assi li qegħdin jinbnew” li hija parti mill-“Assi Fissi Tanġibbli u Intanġibbli”. L-“Assi li qegħdin jinbnew" żdiedu b'€191 miljun għal €530 miljun fl-2012.

Il-Kontijiet Annwali flimkien mar-rapport amministrattiv għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2012 se jkunu inklużi fir-Rapport Annwali tal-BĊE li għandu joħroġ fl-24 ta’ April 2013.

Noti għall-edituri

  1. Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni tal-kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ) li ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [1] Għalkemm hija bbażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata fid-dinja kollha, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Dawn jinkludu l-valutazzjoni tas-suq ta’ titoli negozjabbli li mhumiex ikklassifikati bħala li jinżammu sal-maturità, il-valutazzjoni tad-deheb kif ukoll tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija. It-titoli negozjabbli kklassifikati bħala li jinżammu sal-maturità jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist suġġett għal dannu. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skopertura kbira għar-riskji tal-kambju. Din ix-xejra prudenti tgħodd b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzati biex jiġi rikonoxxut id-dħul kif ukoll għall-projbizzjoni tal-innettjar tat-telf mhux realizzat fuq xi wieħed mill-assi mal-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi ttrasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf għal dannu jgħaddi kollu kemm hu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. Barra dan, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw minn rajhom b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Rimunerazzjoni għat-trasferiment tal-assi tar-riżervi barranin lill-BĊE: Meta jittrasferixxi l-assi tar-riżervi barranin lill-BĊE malli jissieħeb fl-Eurosistema, kull bank ċentrali nazzjonali jakkwista klejm rimunerata mal-BĊE li tkun ekwivalenti għall-ammont li jittrasferixxi. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dawn il-klejms iridu jiġu denominati fl-euro u għandhom jiġu rimunerati kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex titqies ir-rata żero ta’ qligħ fuq il-komponent tad-deheb.
  3. Id-distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul nett tal-BĊE mit-titoli mixtrija permezz tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli: Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dan id-dħul irid jgħaddi għand il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fis-sena finanzjarja meta jkun dovut. Sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor, il-BĊE jqassam dan id-dħul fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. [2] Sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor, il-BĊE jqassam dan id-dħul fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-qligħ jitqassam kollu sakemm il-Kunsill Governattiv ma jistenniex li, skont kalkolu raġonevoli, il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u mid-dħul nett mit-titoli mixtrija permezz tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli, u sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix qabel tmiem is-sena finanzjarja li jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew id-dħul kollu, fil-provediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb.
  4. Distribuzzjoni tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kull sena jista’ jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-qligħ nett li jibqa’ għandu jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro skont il-proporzjon tal-ishma mħallsin li jkollhom. Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpatta mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.


[1]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p. 1, kif emendata, fiha d-dettalji tal-politika tal-kontabilità tal-BĊE.

[2]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (tfassil mill-ġdid), ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35, kif emendata.

Publications

Kuntatti midja