STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Inizjattiva tal-BĊE b’risq il-Karità

20 ta' Awissu 2012

Fl-aħħar tal-2011 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti €110,500 lil għaqdiet tal-karità magħżula miż-żona tal-euro bħala parti mill-inizjattiva tiegħu b’risq il-karità. B’din l-inizjattiva, li tnediet fl-2010, il-BĊE għandu l-għan li jgħin għaqdiet tal-karità magħrufa u rispettati li jinsabu fiż-żona tal-euro, huma midħla fil-qasam tal-ħidma soċjali u umanitarja u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ organizzazzjonijiet politiċi. L-għaqdiet tal-karità li jirċievu l-għajnuna jintgħażlu bil-kooperazzjoni tas-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro skont il-kriterji msemmija hawn fuq.

Fl-2011 l-attenzjoni ntefgħet fuq l-għaqdiet li jaħdmu fil-qasam "tal-integrazzjoni soċjali, edukattiva u kulturali fi ħdan l-Ewropa" u l-flus inqasmu ndaqs fost l-għaqdiet li ġejjin:

Il-Belġju: Wheelit.be

Il-Ġermanja: Stiftung Polytechnische Gesellschaft

L-Estonja: Junior Achievement Eesti SA

L-Irlanda: Don Bosco Teenage Care Housing Association

Il-Greċja: Greek Council for Refugees

Spanja: Cooperación Internacional ONG

Franza: La Fondation de France

L-Italja: MUS-E Italia Onlus

Ċipru: The Leventis Municipal Museum of Nicosia

Il-Lussemburgu: Autisme Luxembourg a.s.b.l.

Malta: Malta Emigrants Commission

L-Olanda: Europa Nostra

L-Awstrija: Volkshilfe Österreich

Il-Portugall: Associação EPIS – Empresários pela Inclusão Social

Is-Slovenja: Zveza prijateljev mladine Ljubljana Moste-Polje; u Društvo Ključ

Is-Slovakkja: Nadácia HELP

Il-Finlandja: Irti Huumeista ry

Id-donazzjonijiet ittieħdu minn fondi li daħlu dawn l-aħħar snin permezz tal-attivitajiet esterni tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u ta’ membri oħra tal-istaff tal-BĊE. Skont il-qafas tal-etika adottat mill-BĊE, il-membri tal-istaff ma jistgħux jaċċettaw ħlas għalihom personali minn terzi persuni fir-rigward ta’ attivitajiet esterni marbuta b’xi mod mal-impjieg tagħhom mal-BĊE. Ħlasijiet ta’ din ix-xorta jmorru għall-karità. L-istess proċedura tgħodd għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

L-inizjattiva għall-karità tnediet fl-2010 meta l-BĊE ħa d-deċiżjoni li jagħti €100,000 lil għaqiet tal-karità li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa tat-tfal u ż-żgħażagħ. Dment li jinġabru flus biżżejjed, il-BĊE għandu l-ħsieb li fil-ġejjieni jkompli jagħti donazzjonijiet lil għaqdiet tal-karità.

Kuntatti midja