STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE japprova kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klejms tal-kreditu addizzjonali

9 ta' Frar 2012

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) approva kriterji ta’ eliġibbiltà nazzjonali speċifiċi u miżuri għall-kontroll tar-riskju biex għal xi żmien jiġu aċċettati klejms tal-kreditu addizzjonali bħala garanziji fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema għas-seba’ banek ċentrali nazzjonali (BĊN) li ressqu proposti rilevanti. Id-dettalji ta’ dawn il-miżuri nazzjonali speċifiċi se jkunu disponibbli fil-websajts tal-BĊN rispettivi: il-Bank Ċentrali tal-Irlanda, il-Banco de España, il-Banque de France, il-Banca d’Italia, il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, l-Oesterreichische Nationalbank u l-Banco de Portugal.

Dawn l-iżviluppi joħorġu mid-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tat-8 ta’ Diċembru 2011 li jżid id-disponibbiltà tal-garanziji u li biha l-BĊN tal-Eurosistema qegħdin jitħallew jaċċettaw għal xi żmien klejms tal-kreditu addizzjonali bħala garanzija.

Il-BĊN tal-Eurosistema qegħdin ikomplu jaħdmu biex jiżviluppaw kriterji ta’ eliġibbiltà nazzjonali speċifiċi għall-klejms tal-kreditu addizzjonali. Jekk il-Kunsill Governattiv jieħu aktar deċiżjonijiet dwar dan, dawn jixxandru fil-pubblikazzjoni ta’ kull xahar “Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b’żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)” u f’avviżi li jsiru mill-BĊN rispettivi. Il-kontropartijiet tal-Eurosistema huma mistiedna jikkuntattjaw lill-BĊN rispettivi tagħhom għal aktar dettalji dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà nazzjonali speċifiċi għall-klejms tal-kreditu addizzjonali. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali tal-Eurosistema għall-klejms tal-kreditu, kif inhuma stipulati fil-pubblikazzjoni The implementation of monetary policy in the euro area: General documentation on Eurosystem monetary policy instruments and procedures [L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro: Dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja fl-Eurosistema] ma nbidlux.

Kuntatti midja