STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Inizjattiva tal-BĊE għall-karità

14 ta' Marzu 2011

Fi tmiem l-2010, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti donazzjoni ta’ €100,000 lil għaqdiet magħżula tal-karità fiż-żona tal-euro bħala parti mill-inizjattiva tiegħu għall-karità mnedija fl-istess sena. B’din l-iskema, il-BĊE għandu l-għan li jgħin għaqdiet tal-karità li jaħdmu fl-oqsma soċjali u umanitarji, li jinsabu fiż-żona tal-euro, li huma magħrufa u rrispettati sewwa, u li ma huma affiljati ma’ ebda organizzazzjoni politika. Barra minn hekk, tingħata preferenza lil għaqdiet tal-karità li jagħtu kontribut għall-integrazzjoni soċjali ta’ persuni fl-Ewropa. Is-sena l-oħra ngħatat attenzjoni partikolari lil għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-“kura tas-saħħa tat-tfal u ż-żgħażagħ”.

L-għaqdiet tal-karità li rċevew l-għajnuna ntgħażlu bil-koperazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro skond il-kriterji msemmijin aktar ’il fuq. Il-flus inqasmu ndaqs fost l-għaqdiet li ġejjin:

L-Awstrija: Österreichische Kinder-Krebs-Hilfe

Il-Belġju: Association Belge de Lutte contre la Mucoviscidose

Belgische Vereniging voor Strijd tegen Mucoviscidose

Ċipru: Centre for Preventive Paediatrics

Il-Finlandja: Aseman Lapset ry

Franza: Fondation de France

Il-Ġermanja: Station Peiper – Forschungszentrum Lymphknotenkrebs bei Kindern und Jugendlichen an der Universitätsklinik Gießen

Il-Greċja: Ανοιχτή Αγκαλιά (Open Embrace)

L-Irlanda: RESPECT – Daughters of Charity Service for People with Intellectual Disability

L-Italja: NUOVARMONIA ONLUS – Associazione per i bambini trapiantati e le emergenze pediatriche

Il-Lussemburgu: Association luxembourgeoise d’aide aux enfants cardiaques

Häerzkrank Kanner zu Lëtzebuerg

Malta: Inspire – the Foundation for Inclusion

L-Olanda: Stichting Fitkids

Il-Portugall: Instituto de Apoio à Criança

Is-Slovakkja: Dobrý Anjel

Is-Slovenja: Zveza prijateljev mladine Ljubljana Moste Polje

Spanja: Fundación Menudos Corazones

Id-donazzjonijiet ittieħdu mill-fondi li daħlu f’dawn l-aħħar snin permezz tal-attivitajiet esterni tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u ta’ staff ieħor tal-BĊE. Skond il-qafas dwar l-etika adottat mill-BĊE, membri tal-istaff m’għandhomx jaċċettaw għalihom infushom miżati mingħand terzi persuni fir-rigward ta’ attivitajiet esterni marbutin b’xi mod mal-impjieg tagħhom mal-BĊE. Dawn il-miżati għandhom imorru għall-karità. Dan jgħodd ukoll għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Il-BĊE għandu l-ħsieb li jkompli jagħti donazzjonijiet lil għaqdiet tal-karità fil-ġejjieni, kull meta jkun hemm biżżejjed flus.

Kuntatti midja