STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Dikjarazzjoni tal-KE, il-BĊE u l-FMI dwar l-ewwel missjoni għall-valutazzjoni fil-Greċja

5 ta' Awissu 2010

Tims ta’ staff mill-Kummissjoni Ewropea (KE), mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) żaru Ateni mis-26 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awwissu 2010 għall-ewwel valutazzjoni trimestrali tal-programm ekonomiku tal-gvern Grieg, li qed jiġi sostnut b’self ta’ EUR 80 biljun mingħand pajjiżi taż-żona tal-euro u b’Arranġament ta’ Riżervi ta’ EUR 30 biljun mingħand il-Fond. L-istrateġija u l-politika ewlenija għadhom l-istess kif deskritti fil-Letter of Intent ta’ Mejju 2010 u l-Memorandum tal-Politika Ekonomika u Finanzjarja.

Il-valutazzjoni ġenerali tagħna hi li l-programm beda bil-qawwa. Il-kriterji kwantitattivi tal-aħħar ta’ Ġunju dwar il-prestazzjoni ġew sodisfatti kollha, bis-saħħa ta’ implimentazzjoni qawwija tal-programm fiskali, u riformi importanti saru wkoll qabel iż-żmien skedat. Madankollu, għad baqa’ sfidi u riskji importanti.

Il-kontrazzjoni fl-ekonomija hi skond it-tbassir tal-programm ta’ Mejju: il-PDG mistenni jonqos b’4 fil-mija fl-2010 u b’xi 2½ fil-mija fl-2011. L-inflazzjoni hi ogħla milli mistenni – għamilna reviżjoni tal-istima tagħna għall-2010 għal 4¾ fil-mija – bidla dovuta għaż-żieda fit-taxxi indiretti. Fl-assenza ta’ effetti indiretti, l-inflazzjoni mistennija tonqos malajr.

Fil-qasam fiskali, fil-livell statali l-awtoritajiet żammew l-infiq f’livell ħafna iżjed baxx mil-limiti tal-baġit. Dan patta għal nuqqasijiet dovuti għal problemi fil-kontroll tal-ispejjeż fil-livell sub-nazzjonali (awtoritajiet lokali, sptarijiet, fondi tas-sigurtà soċjali), u l-mira ġenerali għad-defiċit għall-aħħar ta’ Ġunju intlaħqet. Għall-quddiem, biex jiġu indirizzati riskji potenzjali għall-miri fiskali, hu essenzjali li l-kontroll u s-sorveljanza tal-ispejjeż ikunu iżjed stretti, b’mod partikolari fil-livelli sub-nazzjonali. Sfida ewlenija oħra hi dik għal aktar tisħiħ tal-amministrazzjoni tat-taxxi, inkluż tnaqqis fl-evażjoni tat-taxxi min-naħa ta’ individwi bi dħul għoli u dawk sinjuri. Dan hu essenzjali biex jiġi żgurat id-dħul mit-taxxi u biex jitħeġġeġ is-sens ġenerali ta’ ġustizzja tal-programm tal-aġġustament.

Fis-settur finanzjarju, kien hemm deterjorament moderat fis-suffiċjenza tal-kapital minħabba li self li ma jirrendix żdied skond kif kien mistenni. Dan l-aħħar, l-istress tests tal-Kumitat tas-Sorveljanti Bankarji Ewropej koprew iżjed minn 90 fil-mija tal-assi tas-sistema bankarja Griega u minbarra bank wieħed tal-istat, il-banek għaddew kollha; dan qed jgħin biex inaqqas il-volatilità tas-swieq. Nilqgħu il-fatt li l-gvern ikkummissjona valutazzjoni strateġika tas-settur bankarju u test ta’ due diligence għall-banek tal-istat. Il- Fond għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSF), li dalwaqt se jibda jiffunzjona, se jipprovdi mekkaniżmu ta’ sigurtà biex jimmaniġġa nuqqasijiet potenzjali ta’ kapital. Fil-fehma tagħna, l-10 biljun euro assenjati għall-FSF skond il-programm għadhom biżżejjed. Sorveljanza tas-settur finanzjarju, kontinwa u mill-qrib, se tkun importanti fil-perijodu li ġej.

Qed isir progress impressjonanti fir-riformi strutturali. Il-missjoni tilqa’ l-approvazzjoni tal-Parlament fir-rigward tar-riforma importanti tal-pensjonijiet, li hi estensiva meta titqabbel ma’ standards internazzjonali. Ir-riforma sostantiva fis-suq tax-xogħol miexja sew ukoll. L-implimentazzjoni tar-riforma ta’ dan l-aħħar fit-taxxi hi importanti għall-konsolidament fiskali. Riformi oħra li huma skedati biex jiġu implimentati dalwaqt huma dawk tat-trasport, fejn diġà sar progress importanti permezz tal-liberalizzazzjoni tal-ġarr tal-merkanzija bit-trakkijiet, u dak tal-enerġija. Biex il-programm jirnexxi, għadu importanti ħafna li tiġi restawrata l-kompetittività u li jitħeġġeġ it-tkabbir potenzjali. L-isfida li għandu quddiemu l-gvern f’dan ir-rigward se tkun l-eliminazzjoni tar-reżistenza ta’ interessi personali qawwija biex jiftaħ il-professjonijiet magħluqa, id-deregolazzjoni, l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, u t-tneħħija ta’ barrieri għall-iżvilupp tat-turiżmu u l-kummerċ bl-imnut.

Il-gvern Grieg għadu ma jistax jakkwista aċċess għas-swieq internazzjonali tal-kapital ħlief fil-każ ta’ Bonds tal-Gvern b’kupun żero fuq żmien qasir. Madankollu, is-sentiment tas-swieq jidher li qed jitjieb. Waqt li l-Greċja qed tgawdi minn perijodu ta’ kalma dovut għas-sostenn finanzjarju internazzjonali kbir, l-isfida ewlenija li għandhom quddiemhom l-awtoritajiet għadha dik li jistabbilixxu rekord qawwi ta’ implimentazzjoni tal-politika biex jerġa’ jkollhom aċċess għas-swieq internazzjonali tal-kapital.

Il-passi li jmiss: il-ftehim li ntlaħaq bejn it-tims ta’ staff u l-awtoritajiet Griegi se jħejji t-triq għall-konklużjoni tal-ewwel valutazzjoni skond il-ftehim tal-faċilità tas-self (żona tal-euro) u l-Arranġament ta’ Riżervi (FMI), li huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-Eurogroup, u l-maniġment u l-Bord Esekuttiv tal-FMI. Tali approvazzjoni tippermetti l-ħlas ta’ EUR 9 biljuni (EUR 6.5 biljuni mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, u EUR 2.5 biljuni mill-FMI).

Il-missjoni għall-valutazzjoni li jmiss tal-programm hi skedata għal Ottubru 2010.

Kuntatti midja