STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro

19 ta' Lulju 2010

Fl-ewwel sitt xhur tal-2010, ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 387,000 karta tal-flus tal-euro foloz. Dan hu tnaqqis ta’ madwar 13% fuq il-kwantità rkuprata fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella ta’ hawn taħt tindika x-xejra fuq sitt xhur tal-għadd tal-karti tal-flus foloz irkuprati.

Perijodu 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2 2008/1 2008/2 2009/1 2009/2 2010/1
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 300,000 265,000 265,000 296,000 312,000 354,000 413,000 447,000 387,000

Meta jitqabbel mal-għadd dejjem jiżdied ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 13.2 biljun fl-ewwel sitt xhur tal-2010), il-proporzjon tal-karti foloz għadu baxx ħafna.

Madankollu, l-Eurosistema - jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro - jibqgħu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent fir-rigward tal-karti tal-flus li jirċievi waqt transazzjonijiet bil-flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment bl-użu tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min jissuspetta li jista’ jkun irċieva karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti.

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi skond id-denominazzjoni tal-karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2010.

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni 0.5% 1.5% 41.5% 42.5% 12% 1.5% 0.5%

Dawk tal-€20 u €50 għadhom l-iżjed il-karti tal-flus iffalsifikati. Tul l-aħħar sitt xhur, il-proporzjon ta’ karti tal-flus tal-€20 foloz naqas u l-proporzjon tal-karti tal-flus tal-€50 żdied. Kważi l-istess għadd ta’ kull waħda minn dawn id-denominazzjonijiet ġie rkuprat fl-ewwel sitt xhur tal-2010, li flimkien jammontaw għal kważi 85% tat-total. Il-karta tal-flus tal-€100 hi t-tielet l-iżjed iffalsifikata bi 12% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħra (€5, €10, €200 u €500) hu baxx ħafna.

Il-biċċa l-kbira (iżjed minn 98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fl-ewwel sitt xhur tal-2010 instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 1% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u inqas minn 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-Eurosistema tagħmel sforzi kbar biex tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-komunità tal-professjonisti fil-maniġġ tal-flus kontanti, biex tiżgura li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu jistgħu, b’mod affidabbli, jagħrfu u jirtiraw il-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.

Kuntatti midja