European Central Bank - eurosystem
Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro

11 ta' Jannar 2010

Fit-tieni sitt xhur tal-2009, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 447,000 karta tal-flus tal-euro foloz. Din hi żieda ta’ madwar 8% fuq il-kwantità miġbura fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella hawn taħt, li tindika x-xejra ta’ sitt xhur fl-għadd ta’ karti foloz miġbura, turi li l-għadd ġenerali tal-karti tal-flus tal-euro foloz żdied, għalkemm iżjed bilmod mill-perijodi tas-sitt xhur ta’ qabel.

Perijodu 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2 2008/1 2008/2 2009/1 2009/2
Għadd ta’ karti ta’ flus foloz 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000 265,000 296,000 312,000 354,000 413,000 447,000

Meta jitqabbel mal-għadd dejjem jiżdied ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 12.8 biljun tul it-tieni sitt xhur tal-2009), il-proporzjon tal-karti foloz għadu baxx ħafna.

Madankollu, l-Eurosistema - jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro - jibqgħu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus waqt transazzjonijiet bil-flus kontanti. Għalhekk, l-Eurosistema tagħmel sforz kbir biex tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti fil-maniġġ tal-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu jistgħu, b’mod affidabbli, jagħrfu u jirtiraw il-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment bl-użu tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE (www.euro.ecb.eu) u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min jissuspetta li jista’ jkun irċieva karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti.

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi perċentwali, skond id-denominazzjoni, tal-għadd totali tal-karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni sitt xhur tal-2009.

Denominazzjoni €5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi perċentwali 0.5% 1% 47% 39% 11% 1% 0.5%

Bħal fis-sitt xhur ta’ qabel, il-karta tal-flus tal-€20 kienet l-iżjed denominazzjoni ffalsifikata, bi kważi n-nofs tal-karti tal-flus foloz kollha identifikati. It-tieni denominazzjoni l-iżjed iffalsifikata, jiġifieri b’bejn wieħed u ieħor terz tat-total identifikat, kienet il-karta tal-flus tal-€50. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 97% tal-karti tal-flus foloz kollha. Il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz ta’ denominazzjoni għolja (€200 u €500) hu baxx ħafna.

Il-biċċa l-kbira (iżjed minn 98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fit-tieni sitt xhur tal-2009 instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 1% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u inqas minn 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja