STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jiddeċiedi li jibda x-xogħol tal-kostruzzjoni għall-bini l-ġdid tiegħu fir-rebbiegħa tal-2010

17 ta' Diċembru 2009

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jibda x-xogħol ewlieni tal-kostruzzjoni għall-bini l-ġdid tiegħu fir-rebbiegħa tal-2010.

Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tar-riżultat pożittiv tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti fl-Ewropa kollha għax-xogħol tal-kostruzzjoni, li saret tul l-2009. Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, Jean-Claude Trichet, President tal-BĊE, qal “aħna sodisfatti li l-istrateġija li għażilna għas-sejħa tal-offerti rnexxiet u li l-aspettattivi tagħna ġew sodisfatti”. Il-President żied jgħid li “il-bini futur tagħna, id-dar il-ġdida tal-BĊE u tal-euro, se tkun is-simbolu tal-valuri tagħna fil-qadi ta’ dmirijietna favur iċ-ċittadini Ewropej. Il-bini l-ġdid se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-Ostend ta’ Frankfurt waqt li jirrispetta l-Grossmarkthalle eżistenti. Qed naħsbu li nġorru fl-2014.” Il-President trichet għarraf personalment lis-Sindku, Petra Roth, dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.

Ix-xogħol tal-kostruzzjoni għall-bini l-ġdid inqasam fi 12-il grupp separat, li mbagħad reġgħu nqasmu f’total ta’ 69 lott. L-ewwel tmien gruppi tas-sejħa għall-offerti, jiġifieri x-xogħol strutturali, ix-xogħol tal-infrastruttura fis-sit, il-lifts, il-faċċati, is-sistemi għall-aċċess fil-għoli, is-servizzi mekkaniċi u elettriċi, inħarġu għall-offerti tul l-2009. Dawn it-tmien gruppi jikkonsistu f’44 lott u jikkostitwixxu madwar 80% tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni. L-offerti mressqa mill-kumpaniji tal-kostruzzjoni għall-ewwel tmien gruppi huma fil-limiti tal-baġit.

Il-proċedura għas-sejħa tal-offerti qajmet kwantità konsiderevoli ta’ interess fis-suq, b’iżjed minn 400 applikazzjoni li tressqu minn kumpaniji tal-kostruzzjoni, kemm kbar kif ukoll ta’ daqs medju, mill-Ewropa kollha. Il-kwalità ġenerali tal-applikazzjonijiet u l-offerti li waslu kienet tajba ħafna. Kull applikazzjoni u kull offerta ġew valutati skond kriterji ċari definiti minn qabel, li kienu ġew ippubblikati fil-bidu tal-proċess tas-sejħa għall-offerti. Il-valutazzjoni tmexxiet minn tims ta’ esperti magħmula minn rappreżentanti tal-BĊE, il-perit, dawk responsabbli għall-pjanijiet, id-direttur estern tal-proġett u d-direttur tal-kostruzzjoni.

Il-proċedura għas-sejħa tal-offerti għall-ewwel tmien gruppi issa qed tiġi finalizzata u l-kuntratti mal-kumpaniji tal-kostruzzjoni se jiġu ffirmati kmieni s-sena d-dieħla, biex ix-xogħol ewlieni tal-kostruzzjoni jibda fir-rebbiegħa tal-2010. Hu maħsub li tul l-2010 issir sejħa għall-offerti għall-erba’ gruppi li baqa’.

Iżjed dettalji dwar il-bini l-ġdid tal-BĊE jinsabu fil-websajt tal-BĊE fl-indirizz http://www.ecb.europa.eu/ecb/premises.

New ECB Premises

  • Rendering of the new ECB building Frankfurt

Project website

Kuntatti midja