STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro

13 ta' Lulju 2009

Fl-ewwel sitt xhur tal-2009, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 413,000 karta tal-flus tal-euro falza. Din hi żieda ta’ madwar 17% fuq il-kwantità miġbura fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella ta’ hawn taħt tindika x-xejra fuq sitt xhur tal-għadd tal-karti tal-flus foloz irkuprati.

Perijodu 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2 2008/1 2008/2 2009/1
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 307,000 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000 265,000 296,000 312,000 354,000 413,000

Tul il-perijodu kopert minn dan ir-rapport, ma nstabux kategoriji ġodda sinifikanti ta' flus foloz [1]. B’hekk, iż-żieda fil-kwantità hi dovuta kollha kemm hi għal kategoriji eżistenti ta’ karti tal-flus foloz imqassma fuq firxa usa’ minn dik ta' qabel.

L-iskala tal-iffalsifikar għandha titqabbel mal-għadd tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li hemm fiċ-ċirkolazzjoni (madwar 12.5 biljuni bħala medja fl-ewwel sitt xhur tal-2009).

Madankollu, l-Eurosistema - jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro - jibqgħu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent fir-rigward tal-karti tal-flus li jirċievi waqt transazzjonijiet bil-flus kontanti. Iktar ma wieħed ikun midħla tal-proprjetajiet u l-karatteristiċi tal-karti tal-flus ġenwini, iktar isibha faċli biex jinduna b’karta tal-flus falza. Għalhekk, l-Eurosistema qed tibqa’ tinvesti fi sforz kbir biex tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-komunità tal-professjonisti fil-maniġġ tal-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu jistgħu, b’mod affidabbli, jagħrfu u jirtiraw il-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment bl-użu tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni web tal-websajt tal-BĊE (www.euro.ecb.eu) u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min jissuspetta li jista’ jkun irċieva karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prassi nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti.

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi skond id-denominazzjoni tal-karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2009.

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni 0.5% 1% 48.5% 34% 13.5% 2% 0.5%

Fl-ewwel sitt xhur tal-2009, l-iżjed karta tal-flus iffalsifikata kienet dik tal-€20; jiġifieri kważi nofs il-karti tal-flus foloz kollha li nstabu kienu tal-€20. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 95% tal-karti tal-flus foloz kollha.

Il-biċċa l-kbira (iżjed minn 98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fl-ewwel sitt xhur tal-2009 instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 1% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u inqas minn 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.



[1] Kategorija ta’ karti tal-flus foloz hi grupp ta’ karti tal-flus foloz li jkollhom oriġini komuni.

Kuntatti midja