Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus tal-euro

12 ta' Jannar 2009

Fit-tieni sitt xhur tal-2008, il-karti tal-flus tal-euro foloz li ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni ammontaw għal total ta’ 354,000. Din hi żieda ta’ madwar 13% fuq il-kwantità miġbura fis-sitt xhur ta’ qabel. It-tabella li tidher hawn taħt, li tindika x-xejra ta’ kull sitt xhur fl-għadd ta’ karti tal-flus foloz miġbura, turi li dan l-aħħar kien hemm żieda gradwali fl-għadd ta’ karti tal-flus foloz.

Perijodu 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2 2008/1 2008/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 307,000 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000 265,000 296,000 312,000 354,000

Madankollu, billi l-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini qed jiżdied ukoll (medja ta’ 12-il biljun tul l-aħħar sitt xhur tal-2008 [1]), l-iskala tal-iffalsifikar għadha baxxa. Għalhekk, il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus tal-euro u fil-karatteristiċi tas-sigurtà tagħhom. Fl-istess ħin, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, iwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievi.

L-analiżi skond id-denominazzjoni tal-karti tal-flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni sitt xhur tal-2008 hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 0.5 1.5 43 34 17.5 3.5 0

Storikament, il-karta tal-€50 kienet l-iżjed waħda li ġiet iffalsifikata, iżda fit-tieni sitt xhur tal-2008 l-iżjed karta ffalsifikata kienet dik tal-€20. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 94% tal-karti tal-flus foloz kollha.

Il-biċċa l-kbira (98%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fit-tieni sitt xhur tal-2008 instabu f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li bejn wieħed u ieħor 1% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u l-1% l-oħra instabu f’partijiet oħra tad-dinja.

L-Eurosistema tibqa’ tinvesti sforzi kbar biex tiżgura li, kemm il-pubbliku kif ukoll il-komunità tal-professjonisti fil-maniġġ tal-flus kontanti, jkunu mgħarrfa sew kif għandhom jagħrfu karta tal-flus falza. Il-karti tal-flus foloz jingħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test sempliċi ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet tal-Eurosistema kif ukoll fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min ikollu suspett li forsi rċieva xi karta tal-flus falza, għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn tippermetti l-prassi nazzjonali – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.

  1. [1] L-għadd ta’ karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni hu mfisser b’iżjed dettall fil-websajt tal-BĊE fl-indirizz http://www.ecb.europa.eu/stats/euro/circulation/html/index.en.html

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja