STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jiddeċiedi dwar il-pass li jmiss għall-bini l-ġdid tiegħu

1 ta' Diċembru 2008

Abbażi ta’ analiżi dettaljata, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jerġa’ joħroġ is-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE fi Frankfurt am Main b’madwar 15-il stedina għall-offerti, kull waħda mfassla skond il-ħtiġijiet, u li mistennija jinħarġu tul l-2009.

Is-sejħiet il-ġodda għall-offerti għal dan ix-xogħol tal-kostruzzjoni se jinħarġu bil-ħsieb li titjieb il-kompetizzjoni għall-proġett. Fi tmiem l-2009, abbażi tar-riżultati tal-proċedura tal-offerti, il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi jekk għandux ikompli bil-proġett jew le. Jekk tingħata konferma, ix-xogħol tal-kostruzzjoni fis-sit ta’ dak li qabel kien il-Grossmarkthalle mbagħad ikompli għaddej fl-2010, waqt li l-bini l-ġdid maħsub li jkun tlesta għall-bidu tal-2014.

Il-BĊE jibqa’ impenjat bis-sħiħ li jżomm mal-istima inizjali ta’ madwar €500 miljun (bil-prezzijiet kostanti tal-2005) għall-bini l-ġdid tiegħu, kif iddisinjat mill-uffiċċju arkitettoniku Vjenniż, COOP HIMMELB(L)AU.

Il-periti u dawk responsabbli għall-pjani se jibdew jippjanaw l-implimentazzjoni f’Jannar 2009. Fl-istess ħin, se jibda proċess biex jinħatar il-maniġment għall-kostruzzjoni ġenerali.

Iżjed dettalji dwar il-bini l-ġdid tal-BĊE jinsabu fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-indirizz http://www.ecb.europa.eu/ecb/premises. Id-diversi stediniet għall-offerti se jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

New ECB Premises

  • Picture shows DownTown Frankfurt

Project website

Kuntatti midja