STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar l-iffalsifikar tal-karti tal-flus ta’ l-euro

10 ta' Jannar 2008

Fit-tieni sitt xhur ta’ l-2007, ġie rtirat miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 296,000 karta tal-flus ta’ l-euro foloz. Għalkemm dan juri żieda żgħira meta mqabbel ma’ l-istess perijodu ta’ l-2006, hu xorta waħda fil-limiti tax-xejra osservata tul l-aħħar ftit snin, kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt li turi l-livelli ta’ sitt xhur tal-karti tal-flus foloz irkuprati:

Perijodu 2003/2 2004/1 2004/2 2005/1 2005/2 2006/1 2006/2 2007/1 2007/2
Għadd ta’ karti tal-flus foloz 312,000 307,000 287,000 293,000 286,000 300,000 265,000 265,000 296,000

Meta dawn iċ-ċifri jitqabblu ma’ l-għadd ta’ karti tal-flus ta’ l-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 11.4 biljuni tul it-tieni sitt xhur ta’ l-2007), il-kwantità ta’ karti tal-flus foloz hi waħda tassew żgħira.

Il-biċċa l-kbira (96%) tal-karti tal-flus foloz irkuprati fit-tieni sitt xhur ta’ l-2007 instabu f’pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, għalkemm dan il-proporzjon hu ftit iżjed baxx minn dak ta’ perijodi preċedenti. Bejn wieħed u ieħor, 3.5% instabu fi Stati Membri ta’ l-UE barra ż-żona ta’ l-euro u l-bqija f’partijiet oħra tad-dinja.

L-analiżi ta' dawn il-karti tal-flus foloz skond id-denominazzjoni hi kif ġej:

€5 €10 €20 €50 €100 €200 €500
Analiżi skond id-denominazzjoni (f’%) 0.5 2.5 27.5 38 22 9 0.5

Fit-tieni sitt xhur ta’ l-2007, l-iżjed karta tal-flus iffalsifikata kienet dik tal-€50. Bejniethom, it-tliet denominazzjonijiet tan-nofs (€20, €50 u €100) ammontaw għal madwar 88% tal-karti tal-flus foloz kollha.

Il-pubbliku għandu jkollu fiduċja fil-kwalità tal-karti tal-flus ta’ l-euro u fil-karatteristiċi tas-sigurtà tagħhom. Fl-istess ħin, l-Eurosistema, jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-15-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro, ikomplu jwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent u biex jiċċekkja l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievi. Il-karti tal-flus foloz jingħarfu faċilment minn karti tal-flus ġenwini meta wieħed juża t-test ĦOSS-ĦARES-MEJJEL imfisser fil-pubblikazzjonijiet ta' l-Eurosistema u fis-siti elettroniċi tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Eurosistema. Iżda, f’każijiet ta’ dubju, karta tal-flus li wieħed jissuspetta li tkun falza għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur hi ġenwina. Kull min ikollu suspett li forsi ngħata xi karta tal-flus falza, għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn tippermetti l-prassi nazzjonali – lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u jagħti kemm jista’ jkun dettalji dwar minn fejn ġiet il-karta tal-flus.

Kuntatti midja