STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kontijiet Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2005

16 ta' Marzu 2006

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2005.

Il-BĊE kellu bilanċ pożittiv ta’ €992 miljun fl-2005. Ammont ekwivalenti ġie mwarrab għal provvediment kontra r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb, u b’hekk il-qligħ nett iddikjarat kien eżattament xejn. Il-provvediment se jintuża biex jagħmel tajjeb għal telf minħabba l-iskopertura għal dawn ir-riskji, b’mod partikolari telf minħabba valutazzjonijiet mhux koperti mill-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. Id-daqs tal-provvediment se jiġi rivedut kull sena.

Dan ir-riżultat jitqabbel ma telf nett ta’ €1,636 miljun fl-2004, li kien primarjament dovut għat-tisħiħ kontinwu tal-valur estern ta’ l-euro kontra d-dollaru US u l-yen Ġappuniż. Fl-2005, l-euro ddgħajjef fil-konfront ta’ dawn il-muniti.

Id-dħul regolari tal-BĊE ġej primarjament minn qligħ fuq l-investimenti ta’ assi f’valuta barranija u l-kapital imħallas tiegħu ta’ €4.1 biljun, u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Id-dħul mill-imgħax fl-2005 kien milqut b’mod favorevoli minn rati ogħla ta’ mgħax fuq assi denominati f’dollari US.

Il-BĊE kellu dħul totali nett ta’ imgħax ta’ €1,270 miljun mis-sorsi kollha, meta mqabbel ma’ €690 miljun fl-2004. Minbarra dħul ta’ imgħax ta’ €868 miljun fuq is-sehem ta’ karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €402 miljun, meta mqabbel ma’ spiża netta ta’ imgħax ta’ €43 miljun fl-2004. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €710 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fuq il-krediti tagħhom fir-rigward ta’ l-assi f’valuta barranija trasferiti minnhom lill-BĊE.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għal salarji u spejjeż relatati, kera tal-bini, u prodotti u servizzi ammontaw għal €316 miljun (€340 miljun fl-2004). Dan it-tnaqqis kien parzjalment dovut għal bidla fit-trattament tal-kontabilità użat għar-rikonoxximent ta’ qligħ/telf attwarju fir-rigward ta’ l-iskema ta’ l-irtirar tal-BĊE u tal-benefiċċji l-oħra ta’ wara l-irtirar. L-ispejjeż ta’ deprezzament fuq assi fissi ammontaw għal-€32 miljun. Fl-aħħar tas-sena 2005, il-BĊE kellu 1,351 impjegati (inklużi 131 f’livelli maniġerjali) meta mqabbel ma’ 1,309 fis-sena ta’ qabel.

Il-Kontijiet Annwali se jiġu ppubblikati, flimkien mar-rapport ta’ l-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2005, fir-Rapport Annwali tal-BĊE fil-25 ta’ April 2006.

Noti għall-edituri

  1. Politika ta’ kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni ta’ kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea[1]. Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prattika ta’ kontabilità aċċettata internazzjonalment, din il-politika ġiet imfassla bi ħsieb speċjali dwar iċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali ta’ l-Eurosistema. Tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek ċentrali għandhom riskji kbar mill-kambju. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati għal għanijiet ta’ għarfien ta’ dħul, u għall-projbizzjoni li telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi jpatti għalih qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni, waqt li telf mhux realizzat fl-aħħar tas-sena li jkun ikbar mill-bilanċi tal-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha huma meħtieġa jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ l-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, l-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor din il-politika bħal ma jagħmel il-BĊE, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Remunerazzjoni ta’ assi ta’ riżervi barranin trasferiti lill-BĊE: Meta ngħaqad ma’ l-Eurosistema kull BĊN ittrasferixxa assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE u b’hekk akkwista kreditu remunerat kontra l-BĊE għall-valur ta’ l-ammont li ttrasferixxa. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom jiġu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati fuq bażi ta’ kull jum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema, aġġustati biex jittieħed kont tar-rata ta’ qligħ żero fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2005 din ir-remunerazzjoni tat spiża ta’ imgħax ta’ madwar €710 miljun, mqabbla mad-dħul nett ta’ imgħax ta’ €889 miljun li daħal fuq l-assi ta’ riżervi barranin.
  3. Tqassim tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Fl-2002 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan id-dħul kellu jiġi mqassam separatament lill-BĊN bħala distribuzzjoni interim wara l-aħħar ta’ kull trimestru.[2] Dan jitqassam sħiħ sakemm il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena ma jkunx inqas mid-dħul li jkollu fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus ta’ l-euro. Dan ta’ l-aħħar kien il-każ fl-2005, minħabba deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti favur il-provvediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb. Abbażi ta’ l-istima tar-riżultat finanzjarju tal-BĊE għas-sena, f’Dicembru 2005 il-Kunsill Governattiv iddeċieda:
    1. li jitlob lura t-tliet distribuzzjonijiet trimestrali interim diġà mħallsa lill-BĊN matul is-sena, li jammontaw għal total ta’ €634 miljun;
    2. li ma jwettaqx id-distribuzzjoni interim ta’ l-aħħar trimestru li tammonta għal €234 miljun.


[1] Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2002/11), ĠU L 58, 3.3.2003, p.38, kif emendata.

[2] http://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2004/html/pr040318_1.en.htmlDeċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar it-tqassim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti (BĊE/2002/9), ĠU L 323, 28.11.2002, p. 49. Din id-deċiżjoni ġiet irrevokata bid-Deċiżjoni BĊE/2005/11, ĠU L 311, 26.11.2005, p.41, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Novembru 2005. Mill-2006, dan it-tqassim se jsir fl-aħħar tas-sena biss.

Kuntatti midja