Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2017

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel 15:00 CET tal-Ġimgħa 17 ta’ Frar 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Rapport fuq l-użu ta’ strumenti tal-politika monetarja u l-qafas operazzjonali

Fit-2 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ rapport fuq “L-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja u l-qafas operazzjonali tal-Eurosistema mill-2012”. Dan ir-rapport, li se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE bħala Dokument Okkażjonali tal-BĊE, jagħti ħarsa ġenerali komprensiva fuq l-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja u l-qafas operazzjonali tal-Eurosistema mit-tielet trimestru tal-2012 sal-ewwel trimestru tal-2016. Ir-rapport jeżamina l-kuntest tal-operazzjonijiet tas-suq tal-Eurosistema, il-qafas tal-kontropartijiet u l-kollateral, il-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet bl-offerti, ir-rikors għall-faċilitajiet permanenti, ix-xejriet tat-twettiq tar-riżervi, il-programmi tal-akkwist definittiv, kif ukoll l-impatt tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema u l-kundizzjonijiet tal-likwidità fiż-żona tal-euro.

Sistemi ta’ ħlas

Mandat u sħubija tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fil-25 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-mandat tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (Market Infrastructure Board – MIB) li twaqqaf f’Marzu 2016 biex jgħin l-Eurosistema fl-operat u l-iżvilupp tas-servizzi tal-infrastruttura tas-swieq tal-Eurosistema, u approva l-estensjoni tal-mandat tal-membri tiegħu mill-1 ta’ Frar 2017 sal-31 ta’ Jannar 2019. Għal dan il-perjodu, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li (jerġa’) jaħtar lil Marc Bayle de Jessé, Direttur Ġenerali Infrastruttura tas-Swieq u Ħlasijiet tal-BĊE, bħala President tal-MIB; Maria Tereza da Costa Cavaco Guerreiro Valério (Portugall) bħala Viċi President; Stefan Augustin (Awstrija), Ron Berndsen (Nederlands), Marius Jurgilas (Litwanja), Jochen Metzger (Ġermanja), Ivan Odonnat (Franza), Carlos Conesa (Spanja), Michael Power (Irlanda) u Paolo Marullo Reedtz (Italja) bħala membri tal-banek ċentrali taż-żona tal-euro; Karsten Biltoft (Danimarka) bħala membru tal-banek ċentrali barra ż-żona tal-euro; Johannes Luef u Joel Merere bħala konsulenti ta’ livell għoli tat-T2S; u Cornelia Holthausen (BĊE) u Marc Rubens (Belġju) bħala membri bla vot għal affarijiet relatati mas-servizzi tal-ġestjoni tal-kollateral tal-Eurosistema. Tagħrif iżjed dettaljat fuq il-MIB jinsab fil-websajt tal-BĊE.

L-għaxar stħarriġ fuq is-servizzi bankarji korrispondenti bl-euro

Fil-25 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ “L-għaxar stħarriġ fuq is-servizzi bankarji korrispondenti bl-euro – 2016”. L-istħarriġ jikkonferma li s-servizzi bankarji korrispondenti għadhom mezz importanti għall-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas bl-euro. Minħabba r-rilevanza tagħhom biex is-sistemi ta’ ħlas jaħdmu bla xkiel, is-servizzi bankarji korrispondenti ilhom fl-ambitu tal-attività ta’ sorveljanza tal-Eurosistema sa minn meta twaqqaf il-BĊE. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jippubblika l-istħarriġ biex ikabbar it-trasparenza tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-Eurosistema fir-rigward tas-servizzi bankarji korrispondenti u biex jaqsam ir-riżultati ma’ partijiet oħra interessati. L-istħarriġ ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Valutazzjoni tal-utenti ta’ links ġodda bejn sistemi ta’ saldu ta’ titoli

Fit-2 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv approva żewġ links diretti ġodda (minn Euroclear Bank għal LuxCSD u minn Clearstream Banking AG-system għal LuxCSD) u link indiretta ġdida (Clearstream Banking AG-CREATION permezz ta’ Clearstream Banking S.A. għal LuxCSD) biex jintużaw għall-kollateralizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links diretti u indiretti eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ appoġġ għal-likwidità, rikapitalizzazzjoni kawtelatorja u dispożizzjonijiet urġenti oħrajn għas-settur bankarju fl-Italja

Fit-3 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/1 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontijiet ta’ ħlas f’Ċipru

Fil-15 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/2 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Statistika

Aġġornament tal-qafas ta’ non-konformità tal-Eurosistema għal statistika monetarja u finanzjarja

Fis-26 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/5 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/10 dwar in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar statistiku. Il-qafas ta’ non-konformità għal statistika monetarja u finanzjarja jgħin il-proċess biex jiżgura li l-aġenti ta’ rappurtar jikkonformaw mar-rekwiżiti għar-rappurtar u jagħti s-setgħa lill-BĊE, jekk ikun meħtieġ, li jimponi sanzjonijiet għall-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti. L-emendi għad-Deċiżjoni jirrigwardaw il-bidu tal-ġbir ta’ dejta statistika skont ir-Regolament BĊE/2014/48 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji mill-1 ta’ April 2016, u t-titjib fil-qafas ta’ non-konformità għall-istatistika tar-rati tal-imgħax ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MIR). Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE u se tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat tal-Politika Monetarja (MPC)

Fil-31 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Frank Smets, id-Direttur Ġenerali Ekonomija, bħala President tal-MPC b’seħħ mill-1 ta’ Frar 2017 u sal-31 ta’ Diċembru 2019, biex jaqbel ma’ tmiem il-mandati tal-presidenti tal-kumitati l-oħra kollha tal-Eurosistema/Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li (reġgħu) inħatru mill-Kunsill Governattiv fl-14 ta’ Diċembru 2016.

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2016

Fil-15 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv approva r-rendikonti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2016. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġew pubblikati fil-websajt tal-BĊE fis-16 ta’ Frar 2017. Ir-rapport amministrattiv għas-sena 2016 ġie pubblikat bħala parti mill-Kontijiet Annwali tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Konsultazzjoni pubblika fuq l-emendi għar-regolament tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja

Fit-13 ta’ Frar 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq emendi għar-regolament tal-BĊE dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja (ir-Regolament “FINREP”). Id-dokumentazzjoni li għandha x’taqsam ma’ din il-konsultazzjoni pubblika tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Kuntatti midja