Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Eliġibbiltà għax-xiri ta' conditional pass-through bonds garantiti skont CBPP3

Fl-20 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/37 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti. L-emenda tirrifletti d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv fl-4 ta' Ottubru 2017 biex teskludi bonds garantiti magħrufa bħala conditional pass-through bonds garantiti minn xiri skont CBPP3 jekk jinħarġu minn entità bi klassifika tal-ewwel u l-aqwa emittent ta' inqas mill-kwalità tal-kreditu grad 3, mill-1 ta' Frar 2018. Id-deċiżjoni tirrifletti riskji potenzjalment ogħla assoċjati ma' dawn l-istrumenti, li huma marbuta mal-istruttura kumplessa tagħhom, fejn diversi avvenimenti pre-definiti jistgħu jwasslu għal estensjoni sinifikanti tal-maturità ta' bond u għal bidla fl-istruttura tal-ħlas. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Novembru 2017 Analiżi dwar l-Istabbiltà Finanzjarja

Fit-22 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-Analiżi dwar l-Istabbiltà Finanzjarja(Financial Stability Review) li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji u d-dgħufijiet għas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tagħti analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema biex tassorbi l-iskossi. Il-pubblikazzjoni se toħroġ fil-websajt tal-BĊE fid-29 ta’ Novembru 2017.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Analiżi tar-Regolament dwar sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti u l-adozzjoni ta' dokumentazzjoni ta' sostenn

Fit-3 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta r-regolament BĊE/2017/32 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti, u tliet atti legali ta' sostenn, jiġifieri d-Deċiżjoni BĊE/2017/33 dwar l-aspetti proċedurali għall-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi għal nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) 795/2014, ir-Regolament BĊE/2017/34 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet, u d-Deċiżjoni BĊE/2017/35 dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta' sanzjonijiet għal ksur tar-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Ir-Regolament emendatorju jqis il-kummenti li waslu fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika relatata, li wħud minnhom ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' kjarifiki. Għal dan il-għan, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jippubblika nota ta' kjarifika mħejjija mill-Kumitat Eurosistema/SEBĊ għall-Infrastruttura tas-Swieq u l-Ħlasijiet biex jippromwovi fehim tajjeb tal-emendi u r-raġunijiet fundamentali sottostanti tagħhom. L-atti legali u n-nota ta' kjarifika jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Bidla fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq

Fil-15 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv innomina lis-Sinjura Kirsi Ripatti, Konsulent Anzjan ta' Suomen Pankki – Finlands Bank, minflok is-Sur Ron Berndsen, bħala membru tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (MIB), b'effett immedjat u sal-31 ta' Jannar 2019. Il-kompożizzjoni tal-MIB tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza 2016

Fl-20 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva Rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza 2016 u l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport jiddeskrivi l-attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa mill-Eurosistema fil-perijodu minn nofs l-2014 sal-aħħar tal-2016. Dan ikopri wkoll attivitajiet ta' sorveljanza u żviluppi fl-ewwel parti tal-2017 u, b'ħarsa 'l quddiem, jirreferi għall-attivitajiet ewlenin previsti fil-qasam tas-sorveljanza tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u l-istrumenti ta' ħlas fil-futur qarib. Ir-rapport jinkludi wkoll ftit artikli dwar is-suġġetti ta' ħlasijiet istantanji, reżistenza ċibernetika u r-rekwiżiti skont id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Pagament 2 Standards Tekniċi Regolatorji għall-awtentikazzjoni solida tal-klijenti u komunikazzjoni komuni u sigura. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol ta' Národná banka Slovenska fis-superviżjoni tal-edukazzjoni ta' intermedjarji finanzjarji u aġenti finanzjarji

Fis-27 ta' Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/43 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi ta’ ħlas f'Ċipru

Fis-27 ta’ Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/44 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi fil-qafas tal-Unjoni għal rekwiziti tal-kapital ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment

Fit-8 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/46 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar reviżjonijiet tal-qafas tal-maniġġ tal-kriżijiet tal-Unjoni

Fit-8 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/47 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar appoġġ għal min jissellef biex jixtri dar f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli u appoġġ għal ristrutturar volontarju ta' self għal xiri ta' dar denominat jew indiċjat f'munita barranija fil-Polonja.

Fid-9 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/48 wara talba mill-Parlament tal-Polonja.

Governanza korporattiva

Reviżjoni tal-mandat tal-Kumitat tal-Verifika

Fit-2 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv approva mandat rivedut tal-Kumitat tal-Verifika. Din ir-reviżjoni wasslet għal ftit emendi żgħar, li jirriflettu prinċipalment żviluppi fil-BĊE u li jqisu l-aqwa prattika identifikata fil-mandati tal-Kumitat tal-Verifika ta' organizzazzjonijiet simili rilevanti. Il-mandat rivedut jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Kontijiet annwali tal-BĊE

Fis-16 ta’ Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/36 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-qafas tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE hu emendat biex titqis bidla fl-istandard tal-verifika ISA 700 “Formazzjoni ta' Opinjoni u Rappurtar dwar Rapporti Finanzjarji”. Id-Deċiżjoni emendatorja tiżgura li l-qafas tar-rappurtar tal-BĊE jibqa' jippermetti lill-BĊE li jirċievi l-opinjoni mhux modifikata “stampa vera u ġusta” fir-rapport tal-awditur tiegħu dwar il-kontijiet annwali tiegħu. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Pubblikazzjoni ta' statistika ġdida dwar is-suq monetarju tal-euro

Fil-15 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-pubblikazzjoni regolari tal-istatistika dwar is-suq monetarju tal-euro bbażata fuq id-dejta granulari tar-Rappurtar Statistiku tas-Suq Monetarju (MMSR), skont il-Qafas tal-BĊE għall-Kwalità tal-Istatistika, u b'konformità mal-impenn pubbliku dwar l-istatistika Ewropea mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali. Din l-istatistika tinkludi l-valur totali ta' tranżazzjonijiet u r-rati medji ppeżati tul il-perijodu taż-żamma tar-riżervi tal-BĊE fis-segment tas-suq mhux garantit u l-volumi medji ta' kuljum tul il-perijodu taż-żamma għal perijodi ta' żmien, li għalihom hi disponibbli dejta suffiċjenti. L-ewwel pubblikazzjoni bħal din, li l-għan tagħha hu li ttejjeb it-trasparenza tas-suq u l-funzjonament tas-suq monetarju, saret fil-21 ta' Novembru 2017. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fid-9 ta' Novembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju fir-rigward tas-sinifikat ta' istituzzjoni ta' kreditu waħda taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja