Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2017

Politika monetarja

Miżuri straordinarji tal-politika monetarja u iżjed trasparenza dwar il-programm ta' xiri ta' assi

Fis-26 ta' Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li x-xiri nett taħt il-programm tax-xiri ta' assi (APP) se jitnaqqas minn €60 biljun fix-xahar għal €30 biljun fix-xahar minn Jannar 2018 sal-aħħar ta' Settembru 2018 jew iżjed, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu għall-inflazzjoni. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-Eurosistema se terġa’ tinvesti l-pagamenti ewlenin mit-titoli li mmaturaw u li kienu nxtraw taħt l-APP għal perijodu itwal wara li jintemm ix-xiri nett ta’ assi, u f’kull każ, sakemm dan ikun meħtieġ. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jkompli jmexxi l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs) u dawk għal żmien itwal ta’ tliet xhur (LTROs) bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ, u mill-anqas sa tmiem l-aħħar perijodu ta’ żamma tar-riżervi tal-2019. Ir-rati għal dawn l-LTROs se jkunu fissi bir-rata medja tal-MROs matul il-perijodu ta’ validità tal-LTROs rispettivi. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jipprovdi dejta addizzjonali dwar il-fidi, kif ukoll informazzjoni dwar investimenti mill-ġdid u r-rwol tal-programmi ta' xiri mis-settur privat, bil-ħsieb li jsostni implimentazzjoni kontinwa u bla xkiel tax-xiri ta' assi. Il-miżuri huma elenkati fid-dettall fi stqarrija għall-istampa dwar is-suġġett, li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Rapport dwar strutturi finanzjarji

Fid-19 ta’ Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-BĊE dwar l-istrutturi finanzjarji 2017. Ir-rapport janalizza l-karatteristiċi strutturali ewlenin u l-iżviluppi fis-settur finanzjarju aktar wiesa' taż-żona tal-euro tul il-perijodu mill-2008 sal-2016, u jkopri s-settur bankarju, il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni, kif ukoll l-intermedjarji finanzjarji li mhumiex banek. Dan iservi bħala komplement għar-Reviżjoni ta' kull sitt xhur tal-BĊE dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, li tiffoka aktar fuq fatturi ċikliċi. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emendi għal-Linja Gwida tat-TARGET2

Fit-22 ta’ Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2017/28 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2). L-emendi jimplimentaw id-deċiżjonijiet li ħa fl-imgħoddi l-Kunsill Governattiv, pereżempju fir-rigward tal-armonizzazzjoni tar-remunerazzjoni tal-fondi ta’ garanzija tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju miżmumin mal-Eurosistema, jew jaħsbu għal żviluppi ġodda bħas-sistema anċillari l-ġdida għall-proċedura ta' saldu b'appoġġ għal soluzzjoni pan-Ewropea li qed tiżviluppa għal pagamenti instantanji. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għad-Deċiżjoni dwar l-aċċess għal u l-użu ta' ċerta dejta tat-TARGET2

Fit-22 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/29 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/9 tad-29 ta' Lulju 2010 dwar l-aċċess għal, u l-użu ta’ ċerta dejta tat-TARGET2. Id-Deċiżjoni emendatorja testendi l-iskop tal-aċċess għad-dejta tat-TARGET2 f'livell ta' tranżazzjonijiet, bil-ħsieb li tippermetti analiżi relatata mas-sorveljanza makroprudenzjali, l-istabbiltà finanzjarja, l-integrazzjoni finanzjarja, l-operazzjonijiet tas-suq, il-funzjonijiet tal-politika monetarja u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Din tiffaċilita wkoll il-qsim ma' oħrajn tar-riżultati aggregati ta' din l-analiżi. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta' kontropartijiet ċentrali u r-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali ta' pajjiżi terzi

Fl-4 ta' Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/39 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bi flus kontanti f'Ċipru

Fis-6 ta’ Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/40 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar rimedju ġudizzjarju mogħti lid-detenturi ta’ kreditu bankarju kwalifikat fis-Slovenja

Fid-9 ta’ Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/41 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rappurtaġġ, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti ta' derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-kummerċ

Fl-11 ta' Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/42 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Superviżjoni bankarja

Rapport dwar ir-riżultati tal-analiżi tas-sensittività tal-effetti tal-bidliet fir-rati tal-imgħax

Fis-26 ta' Settembru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika r-riżultati aggregati tal-analiżi tal-BĊE dwar is-sensittività tar-riskju tar-rati tal-imgħax fil-banking book (IRRBB) – test tal-istress 2017, fejn jidher li riskju tar-rata tal-imgħax kien maniġġat sew mill-biċċa l-kbira tal-banek Ewropej. Ir-riżultati dettaljati, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwar is-suġġett maħruġa fid-9 ta' Ottubru 2017, jinsabu fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tal-ABE dwar l-ekwivalenza ta' reġimi tal-kunfidenzjalità

Fit-2 ta' Ottubru 2015 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li, għal isituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu jikkonforma mar-Rakkomandazzjonijiet tal-ABE dwar l-ekwivalenza ta' reġimi tal-kunfidenzjalità (ABE/REC/2017/01), kif emendata permezz ta' ABE/REC/2015/02 fil-11 ta' Settembru 2015 u ta' ABE/REC/2017/01 fil-11 ta' Jannar 2017, li jinnotifika lill-ABE dwar il-konformità tiegħu magħha.

Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fit-13, 16 u 17 ta' Ottubru 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposti tal-Bord Superviżorju fir-rigward tas-sinifikat ta' diversi istituzzjonijiet ta' kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Kuntatti midja