Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tat-22 ta’ Mejju 2015

Operazzjonijiet tas-suq

Linja Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema

Fis-16 ta’ April 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/20 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema sabiex tirrifletti t-tibdil għall-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema relatat mal-istrutturi ta’ kupuni aċċettabbli għal assi negozjabbli eliġibbli. B’mod partikolari, l-aġġustament jikkjarifika li assi negozjabbli b’kupuni b’rata varjabbli jistgħu jibqgħu eliġibbli sakemm il-fluss ta’ flus attwali dovut lid-detenturi tan-noti ma jirriżultax f’wieħed negattiv. Il-Linja Gwida BĊE/2014/60, b’dan l-aġġustament tekniku, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2015. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Links ġodda bejn sistemi ta’ ħlas ta’ titoli evalwati mal-istandards tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fit-30 ta’ April 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà tal-link diretta mill-pjattaforma CASCADE (CBF-CASCADE) ta’ Clearstream Banking Frankfurt għal Clearstream Banking Luxembourg (CBL) u l-link indiretta minn CBF-CASCADE via CBL għal Euroclear Finland biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Financial Stability Review (Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja) – Mejju 2015

Fl-20 ta’ Mejju 2015 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal- Financial Stability Review ta’ Mejju 2015, li teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskju u l-vulnerabbiltà f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja fi ħdan is-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tipprovdi analiżi komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi skossi negattivi. L-analiżi se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE sal-aħħar ta’ Mejju 2015.

Statistika

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika

Fis-7 ta’ Mejju 2015 il-Kunsill Governattiv approva r-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-rapport dwar il-miżuri adottati biex iħarsu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 951/2009 tad-9 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-rapport fil-qosor bl-Ingliż jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1011/2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24)

Fis-16 ta’ April 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament (UE) 2015/730 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1011/2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (BĊE/2015/18). Ir-Regolament emendattiv jallinja r-Regolament (UE) Nru 1011/2012 mar-Regolament (UE) Nru 1374/2014 dwar rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (BĊE/2014/50) u jistabbilixxi rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku fuq investimenti f’titoli ta’ korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni. Ir-Regolament ġie ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida tal-BĊE li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar statistika fuq investimenti f’titoli

Fis-16 ta’ April 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/19 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar statistika fuq investimenti f’titoli. L-iskop ta’ din l-emenda huwa li tiddefinixxi l-proċeduri meħtieġa għar-rappurtar min-naħa tal-banek ċentrali nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Linja Gwida emendattiva se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Sħubija fil-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv ħatar lil Jean-Claude Trichet, Hans Tietmeyer u Klaus Liebscher membri tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE. Bi qbil mal-Artikolu 2.2 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/59 il-Kumitat innomina lis-Sur Trichet bħala President. Il-Kunsill Governattiv kien mgħarraf b’dan fl-20 ta’ Mejju 2015.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva fl-2015

Fis-27 ta’ April 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/21 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma suġġetti għal valutazzjoni komprensiva li għandha ssir mill-BĊE fl-2015. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għad-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikanza fir-rigward ta’ 23 istituzzjoni ta’ kreditu

Fit-12 ta’ Mejju 2015 il-Kunsill Governattiv adotta emendi għal deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza fir-rigward ta’ 23 istituzzjoni ta’ kreditu. L-iskop ta’ dawn l-emendi huwa li jirriflettu t-tibdil fl-istruttura ta’ grupp tal-istituzzjonijiet sinifikanti (SI) imsemmijin, u li jsiru l-korrezzjonijiet meħtieġa. Wara li saru wkoll emendi għal-lista tal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSI), il-lista aġġustata tal-entitajiet taħt superviżjoni (kemm SI kif ukoll LSI) se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE skont l-Artikolu 49 tar-Regolament BĊE/2014/17 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ir-Regolament Qafas tal-MSU).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja