Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Marzu 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-20 ta’ Marzu 2015

Politika monetarja

Kwestjonarju rivedut għall-Istħarriġ dwar is-Self Bankarju

Fit-2 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv approva kwestjonarju rivedut u gwida tal-kompilazzjoni għall-Istħarriġ dwar is-Self Bankarju ( Bank Lending Survey – BLS) b’seħħ minn April 2015. Il-verżjoni riveduta se tiżgura li jkun hemm konsistenza u li l-parteċipanti fl-istħarriġ jifhmu t-termini użati fil-BLS bl-istess mod. L-għan ewlieni tal-istħarriġ huwa li jtejjeb l-għarfien tal-Eurosistema dwar il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fiż-żona tal-euro u b’hekk jgħin lill-Kunsill Governattiv fl-evalwazzjoni tal-iżviluppi monetarji u ekonomiċi meta jiġi biex jieħu deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja.

Konformità tal-banek ċentrali mal-projbizzjonijiet dwar il-finanzjament monetarju u l-aċċess privileġġat

Fit-18 ta’ Marzu 2015, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jagħti lill-BĊE l-kompitu li jissorvelja l-konformità tal-banek ċentrali tal-UE mal-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 123 u 124 tiegħu u r-Regolamenti relatati, il-Kunsill Governattiv approva r-rapport għas-sena 2014. Aktar tagħrif dwar dan se jingħata f’taqsima speċifika tar-Rapport Annwali 2014 tal-BĊE li se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fl-20 ta’ April 2015.

Komunikazzjoni esterna

Dikjarazzjoni tal-BĊE wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-politika ta’ lokazzjoni għal kontropartijiet ċentrali

Fl-4 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-politika ta’ lokazzjoni għal kontropartijiet ċentrali (CCPs). Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport Annwali 2014 tal-BĊE

Fis-16 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali 2014 tal-BĊE, li se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jixxandar fil-websajt tal-BĊE bi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ April 2015.

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni tal-perjodu interim qabel id-dħul ta’ standard dwar il-limitu tad-daqs minimu għal klejms domestiċi tal-kreditu fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fis-26 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-istandard dwar il-limitu tad-daqs minimu ta’ €500,000 għal klejms domestiċi tal-kreditu, li kien maħsub biex jidħol f’Marzu 2015, se jerġa’ jitħalla tal-anqas sal-aħħar ta’ Settembru 2018.

Deċiżjoni tal-BĊE u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni marbutin mal-programm tal-Eurosistema ta’ akkwist ta’ assi tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji

Fl-4 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/10 dwar programm ta’ akkwist ta’ assi tas-settur pubbliku fis-swieq sekondarji (PSPP). Id-Deċiżjoni, li tiddefinixxi l-ambitu u tagħti dettalji dwar id-dispożizzjonijiet operattivi ewlenin tal-PSPP li tħabbar fit-22 ta’ Jannar 2015, tapplika mid-9 ta’ Marzu 2015 u tinsab fil-websajt tal-BĊE. Fir-rigward tal-kwistjonijiet li fadal dwar l-implimentazzjoni, fl-4 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv approva wkoll il-lista ta’ istituzzjonijiet u aġenziji internazzjonali u sopranazzjonali li għandhom titoli eliġibbli għall-akkwist fil-PSPP. Din il-lista tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Kriterji għall-akkwist ta’ tranches intermedji garantiti ta’ ABS fl-ABSPP

Fit-18 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-Eurosistema kellha takkwista tranches intermedji ta’ titoli koperti b’assi ( asset-backed securities – ABS) sakemm dawn ikunu suġġetti għal garanzija li tikkonforma mal-kriterji tal-garanziji fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema (kif jidhru fil-Kapitolu 6.3.2(c) tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 (mill-1 ta’ Mejju 2014, l-Artikolu 114 tal-Linja Gwida BĊE/2014/60)). Dan ifisser li l-garanzija trid tkun bla kundizzjoni u irrevokabbli, pagabbli mal-ewwel talba u tkopri l-kapital, l-interessi u l-ammonti dovuti skont in-noti. Barra dan, l-Eurosistema se twettaq proċeduri xierqa għar-riskju tal-kreditu u d-diliġenza dovuta qabel l-akkwist ta’ tranches intermedji garantiti ta’ ABS.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Evalwazzjoni ad hoc ta’ link skont l-istandards għall-użu ta’ sistemi ta’ ħlas ta’ titoli fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fis-26 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà tal-link diretta minn Clearstream Banking AG Cascade (Frankfurt) għal Securities A/S (Denmark) biex tintuża fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Gwida għall-evalwazzjoni ta’ skemi ta’ ħlas bil-kard skont l-istandards ta’ sorveljanza

Fit-23 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-gwida mħejjija mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu (PSSC) għall-evalwazzjoni ta’ skemi ta’ ħlas bil-kard ( card payment schemes – CPS) skont l-istandards ta’ sorveljanza żviluppati mill-Eurosistema u ppubblikati fl-2008. Din il-gwida għall-evalwazzjoni hija maħsuba għall-awtoritajiet ta’ governanza tal-iskemi biex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-istandards ta’ sorveljanza, u għas-sorveljanti tal-iskemi nazzjonali u internazzjonali bbażati fuq l-istandards ta’ sorveljanza tal-Eurosistema għas-CPS. Il-gwida ġiet aġġornata bl-inkorporazzjoni tar-“Rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà ta’ ħlasijiet bl-internet” li kienu ġew approvati mill-Kunsill Governattiv f’Jannar 2013, kif ukoll bil-“Gwida għall-evalwazzjoni tas-sigurtà ta’ ħlasijiet bl-internet” ta’ Frar 2014. Din il-gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport 2015 tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa”

Fit-18 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv ħa nota li d-disa’ edizzjoni tar-rapport tal-BĊE dwar l-“Integrazzjoni finanzjarja fl-Ewropa” se jiġi ppubblikat fis-27 ta’ April 2015 fl-okkażjoni tal-konferenza konġunta tal-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fl-Ewropa. Din l-edizzjoni tar-rapport tippreżenta l-qagħda tal-integrazzjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro u l-attivitajiet tal-Eurosistema biex din l-integrazzjoni tkompli tissaħħaħ. Fiha wkoll kapitlu dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-unjoni bankarja kif ukoll bosta artikli speċjali.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar strateġija għal politika makroprudenzjali fil-Litwanja

Fil-25 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/7 wara talba minn Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza ta’ Banka Slovenije u tal-membri tal-korpi deċiżjonali tiegħu

Fit-2 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/8 wara talba tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Governanza korporattiva

Oqfsa tal-etika għall-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fit-12 ta’ Marzu 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2015/11 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet tal-politika monetarja, operazzjonijiet tal-kambju bir-riżervi barranin tal-BĊE u meta jimmaniġġaw l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE, u l-Linja Gwida BĊE/2015/12 li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Dawn l-atti legali jistabbilixxu l-istandards tal-etika għas-salvagwardja tal-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-BĊE u tal-Eurosistema kollha kemm hi, kif ukoll tal-fiduċja tal-pubbliku fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u l-membri tal-istaff tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja u superviżorji tiegħu. Iż-żewġ atti legali jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus

Inizjattiva dwar l-Etika tal-Karti tal-flus

Fl-20 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-ismijiet tal-banek ċentrali tal-Eurosistema jiġu inklużi fil-lista ta’ organizzazzjonijiet li jsostnu l-għanijiet ġenerali tal-Inizjattiva dwar l-Etika tal-Karti tal-flus ( Banknote Ethics Initiative – BnEI) fil-websajt tal-BnEI. Il-BnEI hija inizjattiva reċenti mwaqqfa mill-industrija tal-karti tal-flus li titfa’ l-attenzjoni fuq il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fuq il-konformità mal-liġi anti-trust fi ħdan l-industrija.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja