Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tat-23 ta’ Jannar 2015

Operazzjonijiet tas-suq

Rieżami annwali tas-swieq u l-emittenti mhux regolati aċċettabbli kklassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts

Fis-16 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv eżamina mill-ġdid il-lista tas-swieq mhux regolati aċċettabbli għall-assi eliġibbli bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Għalhekk, il-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jaċċetta l- Alternext Brussels u l- First North Bond Market Finland bħala swieq mhux regolati, u li ma jibqax jaċċetta s-suq OTC for Bank of England Euro Bills. Il-lista aġġornata tas-swieq mhux regolati aċċettabbli tinsab fil-websajt tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv reġa’ eżamina l-lista ta’ emittenti kklassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts. Għalhekk, il-Kunsill ħa d-deċiżjoni li jneħħi l- Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria u l- Agence Centrale des Organismes de Sécurité Sociale mil-lista. Il-lista aġġornata tal-emittenti kklassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Programm estiż ta’ xiri ta’ assi

Fit-22 ta’ Jannar 2015 il-BĊE ħabbar id-dettalji operattivi tal-programm estiż tiegħu ta’ xiri ta’ assi, li ġie approvat dakinhar mill-Kunsill Governattiv. Stqarrija għall-istampa dwar dan, flimkien ma’ anness tekniku b’tagħrif dettaljat dwar il-programm, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Modifika għar-rata tal-imgħax applikabbli għall-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal fil-ġejjieni

Fit-22 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li r-rata tal-imgħax għas-sitt operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) li fadal se tkun ugwali għar-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs) tal-Eurosistema li tkun prevalenti fiż-żmien meta jitmexxew it-TLTROs. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni, flimkien ma’ dettalji tekniċi oħra dwar is-sensiela ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) li tħabbret fil-5 ta’ Ġunju 2014, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil inkjesta parlamentari nazzjonali fl-Irlanda

Fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/89 wara t-talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni jekk bank ikun suġġett għal riżoluzzjoni jew revoka ta’ liċenzja fil-Bulgarija

Fit-22 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/90 wara talba minn Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti u l-użu tar-riżerva tal-pensjoni fl-Awstrija

Fit-22 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/91 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontribut tar-Rumanija lejn it-Trust għat-Tnaqqis tal-Faqar u għat-Tkabbir Ekonomiku tal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fid-29 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/92 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar applikazzjonijiet għal operat bħala kumpanija run-off fl-Awstrija

Fid-9 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/1 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Kulleġġ ta’ Riżoluzzjoni fil-Belġju

Fil-21 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/2 wara talba minn Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol ta’ Národná banka Slovenska fir-riżoluzzjoni tas-suq finanzjarju fis-Slovakkja

Fil-21 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/3 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovakkja.

Statistika

Deċiżjoni tal-BĊE dwar derogi minn rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku li jistgħu jingħataw lil fondi tal-investiment

Fid-29 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/62 dwar derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (UE) Nru 1073/2013 fir-rigward ta’ statistika dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ fondi tal-investiment (BĊE/2013/38). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Baġit u skema tal-akkwisti għall-2015 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwisti

Fis-7 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-baġit u l-iskema tal-akkwisti għall-2015 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwisti (EPCO).

Dikjarazzjonijiet tal-għanijiet tal-Eurosistema u tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)

Fis-16 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv approva d-dikjarazzjoni tal-għanijiet tal-MSU, kif ukoll il-verżjonijiet riveduti tad-dikjarazzjoni tal-għanijiet, l-għanijiet strateġiċi u l-prinċipji organizzattivi tal-Eurosistema.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fil-21 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta emenda teknika għad-Deċiżjoni BĊE/2015/1 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jitqiesu r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja