Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-20 ta’ Ġunju 2014

Operazzjonijiet tas-suq

Operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani wara l-31 ta’ Lulju 2014

Fit-30 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli joffri operazzjonijiet ta’ sebat ijiem għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani. Fis-17 ta’ Ġunju 2014 ħareġ avviż ikkoordinat ma’ banek ċentrali oħra dwar din id-deċiżjoni. Fil-websajt tal-BĊE hemm stqarrija għall-istampa dwar dan. Skeda indikattiva tal-operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani għat-tliet xhur ta’ wara se tibda tixxandar kull xahar fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għall-qafas legali tal-Eurosistema fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rata tal-imgħax negattiva għall-faċilità tad-depożitu

Fil-5 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/23 dwar ir-rimunerazzjoni ta’ depożiti, bilanċi u ħażniet ta’ riżervi eċċessivi. Din id-Deċiżjoni tipprovdi b’mod partikolari għall-aġġustament meħtieġ tar-regoli għar-rimunerazzjoni ta’ depożiti, bilanċi u ħażniet ta’ riżervi eċċessivi skont il-Linji Gwida BĊE/2011/14, BĊE/2012/27 u BĊE/2014/9. Il-Kunsill Governattiv adotta wkoll (a) il-Linja Gwida BĊE/2014/25 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2), (b) il-Linja Gwida BĊE/2014/22 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali, u (c) id-Deċiżjoni BĊE/2014/24 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Dawn l-atti legali xxandru f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Tibdil fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema

Fil-5 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli jmexxi l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin u dawk għal żmien itwal ta’ tliet xhur bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ, u għall-inqas sa tmiem il-perjodu ta’ żamma tar-riżervi li jintemm f’Diċembru 2016. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jwaqqaf l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema għal żmien speċjali b’maturità ta’ perjodu wieħed ta’ żamma tar-riżervi u li jissospendi l-operazzjoni ta’ rfinar ta’ kull ġimgħa għall-isterilizzazzjoni tal-likwidità injettata bil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, wara l-operazzjonijiet allokati fl-10 ta’ Ġunju 2014. Stqarrija għall-istampa dwar dan ixxandret fil-websajt tal-BĊE fl-istess jum.

Barra minn hekk, fil-5 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jmexxi sensiela ta’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) bil-għan li jitjieb is-self bankarju lis-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro, minbarra s-self lill-individwi għax-xiri ta’ djar. Tagħrif aktar dettaljat dwar il-karatteristiċi tekniċi ta’ dawn l-operazzjonijiet jinsab fi stqarrija għall-istampa li xxandret fil-websajt tal-BĊE fl-istess jum.

Miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-eliġibbiltà tal-kollateral tal-Eurosistema

Sabiex isostni l-effikaċja tat-TLTROs imsemmijin aktar ’il fuq u jiggarantixxi li jkun hemm biżżejjed kollateral biex il-banek jipparteċipaw fl-iskema, fil-5 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jestendi l-eliġibbiltà eżistenti ta’ assi addizzjonali bħala kollateral, jiġifieri dawk fil-qafas tal-klejms tal-kreditu addizzjonali, għall-inqas sa Settembru 2018.

Miżuri straordinarji tal-politika monetarja biex il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja jiffunzjona aħjar

Fil-5 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jsaħħaħ ix-xogħol ta’ tħejjija marbut max-xiri definittiv ta’ titoli koperti b’assi. Aktar tagħrif jinsab fl-istqarrija għall-istampa dwar it-TLTROs imsemmija aktar ’il fuq.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni ta' ħlasijiet u riċevuti fi flus kontanti fir-Rumanija

Fit-22 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/37 wara t-talba ta’ Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rimunerazzjoni tal-persunal u ta' membri tal-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Banca d'Italia u t-tassazzjoni tal-ishma rivalutati tagħha 

Fis-26 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/38 wara t-talba tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni speċifika dwar self li ma jrendix ta' ċerti banek fis-Slovenja 

Fis-27 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/39 wara talba mill-President tal-Parlament tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-organizzazzjoni, is-superviżjoni u s-solvenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fi Spanja

Fit-30 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/40 wara talba mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u s-Sostenn tan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta' likwidità għal żmien qasir ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Ungerija

Fis-6 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/41 wara t-talba ta’ Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rimunerazzjoni ta' riżervi minimi fil-Litwanja 

Fil-11 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/42 wara t-talba ta’ Lietuvos bankas.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

It-13-il analiżi annwali dwar is-sehem internazzjonali tal-euro

Fis-17 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-13-il analiżi annwali dwar is-sehem internazzjonali tal-euro, li teżamina l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti li ma kinux joqogħdu fiż-żona tal-euro fl-2013. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, se jixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-16 ta’ Lulju 2014.

Governanza korporattiva

Imtawwal il-mandat tal-membri tal-Bord TARGET2-Securities (T2S)

Fit-30 ta’ Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-mandat tal-membri attwali tal-Bord T2S, li jiskadi f’Lulju 2014, b’sitt xhur oħra sal-31 ta’ Jannar 2015.

Superviżjoni bankarja

Ir-Regolament tal-BĊE dwar it-twaqqif ta’ Bord ta’ Medjazzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

Fit-2 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2014/26 dwar it-twaqqif ta’ Bord ta’ Medjazzjoni u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, skont l-Artikolu 25(5) tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-MSU. Il-Bord ta’ Medjazzjoni għandu l-għan li jiggarantixxi s-separazzjoni bejn il-kompiti tal-politika monetarja u dawk superviżorji u l-funzjoni tiegħu hija li jirrisolvi d-differenzi fl-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti kkonċernati fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tal-Kunsill Governattiv għal abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Bord Superviżorju. Ir-Regolament se jixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja