X'inhi l-bitcoin?

13 ta' Frar 2018

Il-bitcoin qed tissejjaħ munita virtwali. Iżda x'inhi fil-fatt u xi tfisser fil-konfront ta' muniti reali?

Essenzjalment hi simbolu li jista' jiġi skambjat elettronikament. Ma teżistix f'forma fiżika. Il-bitcoins jinħolqu u jinżamm kont tagħhom permezz ta' netwerk ta' kompjuters bl-użu ta' formuli matematiċi kumplessi, pjuttost milli minn awtorità jew organizzazzjoni unika.

Għalhekk virtwali, iva, iżda munita, le. Għaliex le?

Bitcoin

M'għandha l-appoġġ ta' ħadd

Il-bitcoin ma tinħariġx minn xi awtorità pubblika ċentrali. Pereżempju, meta jkollok karta ta' €10, il-BĊE jiggarantixxi d-dritt tiegħek li tħallas biha kullimkien fiż-żona tal-euro. Ħadd ma jiżgura d-dritt tiegħek biex tuża l-bitcoin jew jaħdem biex iżomm il-valur tagħha stabbli.
Bitcoin

Mhijiex aċċettata b'mod ġenerali bħala forma ta' ħlas

Kieku l-bitcoin kienet munita, tista' tistenna li tkun tista' tużaha b'mod mifrux. Iżda, fil-fatt, veru ftit huma l-postijiet fejn tista' tħallas bil-bitcoin. U fejn tista' tħallas biha, it-tranżazzjonijiet isiru bil-mod u għandhom prezz għoli.
Bitcoin

L-utenti mhumiex imħarsa

Il-hackers jistgħu jisirqu l-bitcoin. Jekk jiġri dan, inti m'għandek ebda ħarsien legali.
Bitcoin

Hi instabbli ż-żejjed

Munita għandha tkun sors affidabbli ta' valur biex inti tista' tkun żgur li bil-flus li jkollok tista' tixtri bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta' oġġetti llum kif ukoll għada jew is-sena d-dieħla. Il-bitcoin mhijiex stabbli. Il-valur tagħha għola mas-smewwiet u waqa' drammatikament ukoll fl-ispazju ta' ftit jiem.

Jekk mhijiex munita, x'inhi?

Il-bitcoin hi ass spekulattiv. Fi kliem ieħor, hi xi ħaġa li tista' tużaha bħal fl-imħatri biex tagħmel qligħ, iżda bir-riskju li titlef l-investiment tiegħek.

Il-BĊE se jipprojbixxi l-bitcoin?

Mhijiex ir-responsabbiltà tal-BĊE li jipprojbixxi jew jirregola l-bitcoin jew kriptomuniti oħra. Iżda, minħabba n-nuqqas ta' ħarsien tal-konsumatur, hu importanti li wieħed joqgħod attent.