Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X'inhuma riformi strutturali?

18 ta' Ottubru 2017

X'inhuma riformi strutturali?

Riformi strutturali essenzjalment huma miżuri li jbiddlu n-nisġa ta' ekonomija, il-qafas istituzzjonali u regolatorju li fih joperaw in-negozji u n-nies. Dawn huma mfassla biex jiżguraw li l-ekonomija tkun fi stat tajjeb u aktar kapaċi tikseb il-potenzjal ta' tkabbir tagħha b'mod bilanċjat.

Il-mira lejn tkabbir bilanċjat

Ir-riformi strutturali jaħdmu fuq in-naħa tal-provvista tal-ekonomija. Billi jindirizzaw ostakli għall-produzzjoni effiċjenti u ġusta tal-prodotti u servizzi, dawn għandhom jgħinu biex iżidu l-produttività, l-investiment u l-impjiegi. Dan jista' jsir b'ħafna modi. Pereżempju, l-ambjent tan-negozju ġenerali jista' jittejjeb permezz ta' regolamenti li jappoġġjaw swieq tan-negozju aktar flessibbli, sistema tat-taxxa aktar sempliċi jew inqas burokrazija, sabiex b'hekk ikun eħfef għall-kumpaniji biex imexxu n-negozju u jippjanaw għal-futur. Il-familji, min-naħa l-oħra, jistgħu jibbenefikaw minn prodotti orħos (u aħjar), li jfisser ukoll li jkollhom aktar flus x'jonfqu fuq prodotti oħrajn.

Barra minn hekk, riformi jistgħu jkunu mmirati lejn setturi speċifiċi, bħal dawk li jħeġġu l-innovazzjoni f'industriji ewlenin. Madankollu, l-importanti huwa li t-tkabbir ikun ibbilanċjat. Dan ifisser li jitqiesu wkoll fatturi bħall-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni. Tabilħaqq, ir-riformi li jżidu l-aċċess għall-edukazzjoni jew li jnaqqsu l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni jgħinu biex jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku waqt li jippromwovu l-ġustizzja soċjali.

Il-BĊE għaliex jimpurtah minn dan?

Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, huwa responsabbli għall-politika monetarja unika: il-mandat tagħna huwa li nżommu l-prezzijiet stabbli, jiġifieri li nżommu l-inflazzjoni baxxa, iżda qrib it-2% fuq medda ta' żmien medju. Iżda l-politika monetarja ma toperax f'vakum. Politiki ekonomiċi oħrajn jikkontribwixxu għall-iżviluppi ekonomiċi li jsawru l-politika monetarja tallum. Fuq medda ta' żmien twil, il-benefiċċji li jinkisbu mill-politika monetarja jiddependu wkoll minn politiki ekonomiċi oħrajn (inklużi dawk li jinvolvu riformi strutturali), b'mod speċjali sabiex jiġi żgurat tkabbir ibbilanċjat. Ir-riformi strutturali b'hekk huma importanti għat-tkabbir futur fl-Ewropa u biex isaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dan jispjega għaliex il-BĊE huwa interessat f'dan is-suġġett u għamel riċerka dwaru.