Lenti fuq l-istabbiltà finanzjarja

24 ta' Mejju 2016 (aġġornat: 15 ta' Awissu 2016)

Il-frażi ‘stabbiltà finanzjarja’ daħlet iżjed f’ħalqna minn kemm ilha li bdiet il-kriżi finanzjarja. L-esperti jistgħu joħorġu b’definizzjonijiet differenti iżda lkoll jaqblu fuq l-importanza tagħha. Għall-BĊE, l-istabbiltà finanzjarja tfisser li s-sistema finanzjarja tkun tiflaħ għax-xokkijiet mingħajr il-periklu ta’ taqlib kbir.

Fi kliem ieħor, in-nies jibqa’ jkollhom aċċess għall-kontijiet bankarji tagħhom, in-negozji jkunu jistgħu jħallsu u jirċievu ħlasijiet, l-investituri jistgħu jkomplu jinvestu u l-banek jistgħu jirrifinanzjaw lilhom infushom billi jissellfu mingħand xulxin jew mill-banek ċentrali.

Xi jfisser dan fil-prattika?

L-istabbiltà hija sinonima ma’ bilanċ. Is-sistema finanzjarja hija għanqbuta kumplessa ta’ dipendenzi u interazzjonijiet bejn parteċipanti differenti. Il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jaġixxu ta’ intermedjarji billi jmexxu fondi mingħand min ikun lest jislef jew jinvesti għal għand min ikun irid jissellef. Is-swieq finanzjarji, bħas-swieq tal-bonds u tal-flus, ukoll ilaqqgħu direttament lil min jislef u lil min jissellef. Fl-istess waqt, is-sistemi tal-ħlas u s-saldu ta’ titoli, il-“kejl” tas-swieq finanzjarji, jiżguraw li l-flus u l-assi finanzjarji jimxu b’sigurtà.

Ir-riskji jistgħu jfiġġu f’livelli differenti u f’suriet differenti. Meta r-ritmu tal-ekonomija jistaġna, is-sidien tad-djar isibu ruħhom b’livelli għoljin ta’ dejn u l-valur tal-proprjetà jonqos, filwaqt li l-banek li jkunu ffinanzjaw l-ipoteki jibqgħalhom ma’ wiċċhom klijenti li forsi ma jkunux jistgħu jroddu d-djun. Meta s-swieq emerġenti jistaġnaw, l-ekonomija tista’ tbati minħabba li tonqos id-domanda għall-prodotti u jintilfu l-impjiegi fl-industriji li jintlaqtu. Dan jista’ jwassal ukoll għal bejgħ qawwi bl-irħis fis-swieq tad-dejn, tal-ishma u tal-kambju, in-negozji jibdew isibuha iżjed bi tqila biex jiksbu fondi u t-tkabbir ekonomiku jitrażżan.

Għalhekk ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jolqtu parteċipant jistgħu jħallu impatt fuq bosta parteċipanti oħra, u hekk is-sistema titlef il-bilanċ u thedded l-istabbiltà finanzjarja.

X’inhu sehemna f’dan kollu?

Aħna nissorveljaw kontinwament is-sistema finanzjarja biex nidentifikaw riskji u vulnerabbiltajiet potenzjali minn kmieni u nqisu x’għandu jsir. Il-politika makroprudenzjali tista’ tevita dawn ir-riskji fil-livell ta’ pajjiż, settur jew istituzzjoni finanzjarja. Hekk, biex iwarrbu l-periklu ta’ bużżieqa tal-akkomodazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu lill-banek taż-żona tal-euro jissikkaw l-istandards tagħhom fuq il-kreditu, e.g. billi jitolbu lill-klijenti joħorġu iżjed flus għall-ipoteki. Dawn il-miżuri għandhom jiġu notifikati lill-BĊE, li jista’ joġġezzjona, jekk ikun meħtieġ. Il-BĊE jista’ wkoll jitlob lill-banek iżommu kapital akbar mir-rekwiżiti minimi (il-livelli preċiżi jinsabu f’regolamenti tal-UE) sabiex isaħħu d-difiżi tagħhom kontra l-possibbiltà ta’ skossi.

Filwaqt li dawn l-għodod jiffukaw fuq is-sistema finanzjarja kollha kemm hi, il-funzjoni l-ġdida tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE tgħasses fuq il-banek individwali biex is-settur bankarju jibqa’ sħiħ u fl-aħħar mill-aħħar tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa.