Kif jaħdem il-programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE?

22 ta' Jannar 2016 (aġġornat fl-1 ta' April 2016)

Għaliex neħtieġu programm ta’ xiri ta’ assi?

Fi żminijiet normali tal-ekonomija, il-BĊE jiggwida kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, l-iżviluppi makroekonomiċi u l-inflazzjoni billi jistabbilixxi r-rati tal-imgħax ewlenin għal żmien qasir. Iżda minħabba l-kriżi finanzjarja globali, ir-rati tal-imgħax ewlenin qorbu lejn il-limitu effettiv l-iktar baxx tagħhom, jiġifieri waslu sal-punt li, jekk tbaxxihom iżjed, ftit li xejn ikollhom effett. Għalhekk, il-BĊE kellu jdur għal miżuri straordinarji biex jindirizza r-riskji ta’ perjodu ta’ inflazzjoni baxxa li ilu għaddej żmien twil wisq u jreġġa’ lura l-inflazzjoni lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju, skont id-definizzjoni ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tal-Kunsill Governattiv. Ix-xiri ta’ assi huwa waħda mill-miżuri straordinarji li l-BĊE qiegħed juża għal dan il-għan.

Kif jaħdem il-programm ta’ xiri ta’ assi?

Permezz tal-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP) il-BĊE jixtri firxa ta’ assi, fosthom bonds tal-gvern, titoli maħruġin minn istituzzjonijiet sopranazzjonali Ewropej, bonds korporattivi, titoli koperti b’assi u bonds garantiti bir-rata ta’ €80 biljun fix-xahar (bejn Marzu 2015 u Marzu 2016 din iċ-ċifra kienet €60 biljun fix-xahar). Dan ix-xiri jinfluwenza l-kundizzjonijiet finanzjarji iżjed ġenerali u, eventwalment, it-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni bi tliet mezzi ewlenin:

  • Trażmissjoni diretta

    Meta l-BĊE jixtri assi mis-settur privat, bħal titoli koperti b’assi u bonds garantiti, li huma marbutin mas-self li l-banek jgħaddu lill-individwi u l-kumpaniji fl-ekonomija reali, iż-żieda fid-domanda għal dawn l-assi tgħolli l-prezzijiet tagħhom. B’hekk il-banek jitħajru joħorġu iżjed self, li mbagħad jistgħu jużaw biex joħolqu u jbigħu iżjed titoli koperti b’assi jew bonds garantiti. Iż-żieda fil-provvista tas-self għandha t-tendenza li tbaxxi r-rati tas-self bankarju għall-kumpaniji u l-individwi, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali.

  • Bilanċjar tal-portafolli

    Il-BĊE jixtri assi tas-settur privat u tas-settur pubbliku mingħand investituri bħal fondi tal-pensjoni, banek u individwi. Dawn l-investituri jistgħu jagħżlu li jiġbru l-fondi li jirċievu mill-bejgħ ta’ assi lill-BĊE u jinvestuhom f’assi oħra. Bis-saħħa ta’ żieda ġenerali fid-domanda għall-assi, il-mekkaniżmu tal-ibbilanċjar tal-portafolli jgħolli l-prezzijiet u jbaxxi r-renditi, anki għal assi li ma jkunux fil-mira diretta tal-APP. Dan iwassal għal tnaqqis fil-kostijiet (ir-rata tal-imgħax effettiva tas-suq) għall-kumpaniji li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu fondi fis-swieq tal-kapital. Fl-istess waqt, il-pressjoni tar-renditi fuq it-titoli tħeġġeġ lill-banek isellfu lill-kumpaniji u l-individwi. Iż-żieda fil-provvista ta’ self bankarju lill-ekonomija reali x’aktarx tbaxxi l-kostijiet tas-self għall-individwi u l-kumpaniji. Jekk, min-naħa l-oħra, l-investituri jużaw il-fondi żejda biex jixtru assi b’rendita aktar għolja barra ż-żona tal-euro, dan jista’ jwassal ukoll għal rata tal-kambju tal-euro iżjed baxxa, b’tendenza li togħla l-inflazzjoni.

    Kemm it-trażmissjoni diretta kif ukoll l-ibbilanċjar tal-portafolli jtejbu l-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali li jsibu ma’ wiċċhom il-kumpaniji u l-individwi fiż-żona tal-euro. Ix-xiri ta’ assi jista’ jistimola l-investiment u l-konsum billi jnaqqas il-kostijiet tal-finanzjament. Domanda iżjed dinamika mill-kumpaniji u l-individwi eventwalment tagħti sehemha biex l-inflazzjoni terġa’ lura lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmien medju.

  • Effett indikattiv

    Fl-aħħar nett, ix-xiri ta’ assi jindika lis-suq li l-bank ċentrali jkun se jżomm ir-rati tal-imgħax ewlenin baxxi għal perjodu estiż ta’ żmien. L-effett indikattiv inaqqas il-volatilità u l-inċertezza fis-suq fir-rigward tal-iżviluppi fir-rati tal-imgħax għall-ġejjieni. Dan huwa importanti għaliex jinfluwenza diversi deċiżjonijiet marbutin mal-investiment. Hekk, ir-rati tal-imgħax imposti fuq self fit-tul jibqgħu iżjed baxxi billi l-banek jantiċipaw perjodu twil ta’ rati tal-imgħax baxxi.

L-akkwist ta’ assi jenfasizza l-impenn tal-BĊE li jwettaq il-mandat tiegħu billi juża dawn il-mezzi biex jindirizza b’mod attiv ir-riskji ta’ perjodu ta’ inflazzjoni baxxa li jdum ikarkar iżżejjed. Iservi biex iserraħ moħħ l-investituri li l-inflazzjoni se tkun f’livelli li jkunu taħt iżda qrib 2% għal żmien medju, kundizzjoni ewlenija għal tkabbir sostnut fi klima ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.