EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0047

Deċiżjoni (UE) 2016/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2015 dwar l-aċċess u l-użu ta' applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/47)

OJ L 37, 12.2.2016, p. 104–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/188/oj

12.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/104


DEĊIŻJONI (UE) 2016/188 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta' Diċembru 2015

dwar l-aċċess u l-użu ta' applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/47)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti,

Billi:

(1)

Għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi li jikkonċernaw il-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, kif mogħtija lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE juża l-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Eurosistema, kif ukoll l-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizziġodda speċifiċi għat-twettiq tal-kompiti fdati lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fuq il-bażi tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-Artikolu 25.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropew tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(2)

Huwa neċessarju għall-funzjonament bla xkiel, effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan l-MSU jkunu jinkludu arranġamenti għall-użu ta' dawk l-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi li jkunu meħtieġa għat-twettiq tar-responsabbiltajietr tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(3)

L-infrastruttura taċ-ċavetta pubblika għas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (iktar 'il quddiem is-“SEBĊ-PKI”) ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni BĊE/2013/1 (2). Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2013/1, l-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tas-SEBĊ u tal-Eurosistema bi kritikalità ta' livell medju jew 'il fuq mill-medju għandhom jiġu aċċessati u użati biss jekk utent ikun ġie awtentikat permezz ta' ċertifikat elettroniku maħruġ u mmaniġġjat minn awtorità għaċ-ċertifikazzjoni aċċettata mis-SEBĊ skont il-qafas ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati SEBĊ/MSU, mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni tas-SEBĊ-PKI jew minn awtoritajiet għaċ-ċertifikazzjoni aċċettati mis-SEBĊ għal TARGET2 u TARGET2 Securities għal dawk iż-żewġ applikazzjonijiet.

(4)

Il-Kunsill Governattiv identifika l-ħtieġa għal servizzi avvanzati għas-sigurtà tal-informazzjoni, bħal awtentikazzjoni b'saħħitha, firem elettroniċi u kriptaġġ, bl-użu ta' ċertifikati elettroniċi għall-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi li huma meħtieġa għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-ANK, bħala awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-MSU, taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għaldaqstant, ċertifikati maħruġa mis-SEBĊ-PKI jistgħu jintużaw għall-aċċess u l-użu ta' applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi użati għall-funzjonament tal-MSU.

(5)

Il-BĊE u l-ANK tal-MSU jistgħu jiddeċiedu li jużaw ċertifikati u servizzi pprovduti mis-SEBĊ-PKI biex jaċċessaw u jużaw l-applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

“awtorità nazzjonali kompetenti” (ANK) tfisser awtorità nazzjonali kompetenti maħtura minn Stat Membru parteċipanti skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Din it-tifsira hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li ma jkunx innominat bħala ANK. Fir-rigward ta' dawn l-arranġamenti, referenza għal ANK f'din id-Deċiżjoni għandha tirreferi wkoll għall-BĊN fir-rigward tal-kompiti superviżorji assenjati lilu bil-liġi nazzjonali;

2.

“awtorità kompetenti” tfisser jew ANK jew il-BĊE;

3.

“applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tas-SEBĊ u tal-Eurosistema”, “ċertifikat” jew “ċertifikat elettroniku”, “awtorità għaċ-ċertifikazzjoni tas-SEBĊ-PKI”, “awtorità għar-reġistrazzjoni”, “utent”, “bank ċentrali tal-Eurosistema” u “parti dipendenti” għandhom it-tifsiriet iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/1;

4.

“applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU” tfisser applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi li jintużaw għat-twettiq tar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-ANK taħt ir-Regolament (UE) Nru 2014/2013;

5.

“Qafas ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tas-SEBĊ/MSU” tfisser il-kriterji stabbiliti mill-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni tas-SEBĊ sabiex jiġu identifikati l-awtoritajiet għaċ-ċertifikazzjoni, kemm interni kif ukoll esterni għas-SEBĊ, li jistgħu jiġu fdati b'rabta mas-SEBĊ u applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tas-SEBĊ u tal-Eurosistema u b'rabta ma' applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU.

Artikolu 2

Użu ta' u aċċess għal applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU

1.   Applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU bi kritikalità ta' livell medju jew 'il fuq mill-medju għandhom jiġu aċċessati u użati biss jekk utent ikun ġie awtentikat permezz ta' ċertifikat elettroniku maħruġ u mmaniġġjat minn awtorità għaċ-ċertifikazzjoni aċċettata mis-SEBĊ skont il-qafas ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati SEBĊ/MSU, inkluż mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni tas-SEBĊ-PKI.

2.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni tas-SEBĊ-PKI għandha toħroġ ċertifikati elettroniċi u tipprovdi servizzi ta' ċertifikazzjoni oħrajn lill-awtoritajiet kompetenti li jipparteċipaw fis-SEBĊ-PKI skont l-Artikolu 3 għall-abbonati taċ-ċertifikati tagħhom u għall-abbonati taċ-ċertifikati ta' partijiet terzi li jaħdmu magħhom sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw b'mod sigur applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU.

3.   Parti dipendenti tista' tiddependi fuq dawk iċ-ċertifikati taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/1.

Artikolu 3

Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti b'rabta mas-SEBĊ-PKI

1.   Awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tuża servizzi tas-SEBĊ-PKI sabiex taċċessa u tuża applikazzjonijiet elettroniċi, sistemi, pjattaformi u servizzi tal-MSU u/jew tista' taġixxi għal dak l-iskop bħala awtorità ta' reġistrazzjoni għall-utenti interni tagħha kif ukoll għal utenti ta' partijiet terzi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għal banek ċentrali tal- Eurosistema.

2.   L-awtorità kompetenti parteċipanti għandha tkun soġġetta għall-obbligi stipulati fl-Artikoli 6, 7 u 12 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/1 u għandha tissottometti dikjarazzjoni lill-Kunsill Governattiv li permezz tagħha tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha u l-konformità mal-obbligi stipulati fil-Ftehim tal-Livell 2 — Livell 3 imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta' Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2013/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2013 li tistabbilixxi l-qafas għall-infrastruttura taċ-ċavetta pubblika għas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ĠU L 74, 16.3.2013, p. 30).


Top