EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0043(01)

Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti tal-euro (BĊE/2015/43)

OJ L 328, 12.12.2015, p. 123–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2332/oj

12.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/123


DEĊIŻJONI (UE) 2015/2332 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-4 ta' Diċembru 2015

dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti tal-euro (BĊE/2015/43)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel sentenza tal-Artikolu 128(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem l-“Istati Membri taż-zona tal-euro”) għandhom id-dritt li joħorġu muniti tal-euro soġġetti għal approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-volum tal-ħruġ.

(2)

Meta tiġi abrogata deroga favur Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun intitolat li jipparteċipa fil-proċedura ta' approvazzjoni fis-sena qabel il-bidla tal-flus sabiex ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joħroġ muniti tal-euro mill-jum meta jsir Stat Membru taż-żona tal-euro.

(3)

Kif meħtieġ fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-ħruġ ta' muniti għall-kolletturi għandu jiġi kkontabilizzat fuq bażi aggregata fil-volum ta' ħruġ ta' muniti li għandu jiġi approvat mill-BĊE.

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli relatati mal-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti.

(5)

Sabiex jiksbu l-approvazzjoni tal-BĊE, l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jissottomettu talbiet għal approvazzjoni lill-BĊE.

(6)

Waqt li l-metodoloġiji biex tiġi stmata d-domanda għall-muniti jistgħu jvarjaw sa ċertu grad bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-BĊE jeħtieġ li jingħata ċertu livell minimu ta' informazzjoni sabiex jivverifika d-domanda għall-volum ta' ħruġ ta' muniti mitluba għall-approvazzjoni.

(7)

Il-volumi ta' ħruġ ta' muniti approvati m'għandhomx jinqabżu mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE.

(8)

Sabiex l-Istati Membri taż-żona tal- euro jingħataw biżżejjed żmien biex jikkumpilaw id-dejta mitluba, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ biss fl-1 ta' Jannar 2016.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“muniti għaċ-ċirkolazzjoni” u “muniti kommemorattivi” għandhom l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 (2);

(2)

“muniti għall-kolletturi” għandha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 651/2012;

(3)

“volum ta' ħruġ ta' muniti” jirreferi għad-differenza netta, f'termini tal-valur nominali, bejn il-volum kumulattiv ta' muniti tal-euro maħruġa minn Stat Membru taż-żona tal-euro u l-volum kumulattiv ta' muniti tal-euro rritornati lil dak l-Istat Membru taż-żona tal-euro matul is-sena kalendarja rispettiva.

Artikolu 2

Talba annwali għal approvazzjoni

1.   Kull Stat Membru taż-żona tal-euro għandu, fuq bażi annwali, jissottometti talba lill-BĊE għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti attribwibbli lil dak l-Istat Membru fis-sena ta' wara. It-talba għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena ta' qabel is-sena li għaliha ssir it-talba.

2.   It-talba għandha tkun ibbażata fuq l-istima tad-domanda għall-muniti fl-Istat Membru taż-żona tal-euro rikjedenti u għandha tiddistingwi bejn muniti għaċ-ċirkolazzjoni u muniti għall-kolletturi. Kull talba għandha tinkludi spjegazzjoni ġenerali tal-metodoloġija użata biex tiġi stmata d-domanda.

3.   Għal muniti għaċ-ċirkolazzjoni, il-volum mitlub jista' jinkludi ammont addizzjonali li jaqbeż id-domanda stmata sabiex tiġi pprovduta marġni ta' sigurtà raġonevoli.

4.   Għal muniti għaċ-ċirkolazzjoni, it-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-figura ta' ċirkolazzjoni kif tkun fit-30 ta' Ġunju jew data alternattiva tas-sena ta' qabel is-sena li għaliha ssir it-talba u li tintuża biex tiġi stmata d-domanda għall-muniti għas-sena li għaliha ssir it-talba skont il-metodoloġija magħżula mill-Istat Membru taż-żona tal-euro rikjedenti;

(b)

kwalunkwe dejta relevanti oħra meħtieġa biex tiġi vvalutata t-talba li tkun saret mill-Istat Membru taż-żona tal-euro skont il-metodoloġija magħżula mill-Istat Membru taż-żona tal-euro rikjedenti;

(c)

jekk u sa liema grad il-volum mitlub jinkludi ammont addizzjonali skont il-paragrafu 3; u

(d)

il-volum ta' ħruġ ta' muniti li għalih tintalab approvazzjoni.

5.   Informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi pprovduta b'rabta ma' muniti għaċ-ċirkolazzjoni tista' tinkludi, meta tkun disponibbli u kkunsidrata importanti mill-Istat Membru taż-żona tal-euro rikjedenti biex tissostanzja t-talba għal approvazzjoni,

(a)

fatturi importanti li jkollhom impatt fuq id-domanda għall-muniti fuq livell nazzjonali;

(b)

informazzjoni aktar dettaljata dwar it-talba għal muniti mqassma skont id-denominazzjoni; u

(c)

jekk u sa liema grad id-domanda għall-muniti f'livell nazzjonali hija influwenzata mid-domanda għall-muniti minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro.

6.   Għal muniti għall-kolletturi, it-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-volum totali, imkejjel skont il-valur nominali aggregat, ta' ħruġ ta' muniti għall-kolletturi, inkluża lista tad-denominazzjonijiet tal-muniti għall-kolletturi; u

(b)

jekk ġietx inkluża marġni ta' sigurtà fit-talba sabiex tilqa' għal avvenimenti li jkunu għadhom mhux magħrufa li jkunu ser jiġu kkommemorati b'muniti tal-euro għall-kolletturi.

7.   Meta jkun ġie konkluż ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u stat jew territorju li ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-intitolament tal-istat jew territorju biex juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu (iktar 'il quddiem “ftehim monetarju”) u dak il-ftehim monetarju jkun jagħti lill-istat jew territorju d-dritt li joħroġ muniti tal-euro, il-volum ta' ħruġ ta' muniti minn dak l-istat jew territorju għandu jiġi miżjud mat-talba annwali tal-Istat Membru taż-żona tal-euro speċifikata fil-ftehim monetarju.

8.   Meta tiġi abrogata deroga favur Stat Membru, il-BĊE għandu jipproċessa, fis-sena qabel il-bidla tal-flus, talba li tkun saret volontarjament minn dak l-Istat Membru skont ir-rekwiżiti ta' dan l-artikolu għall-approvazzjoni tal-volum ta' ħruġ ta' muniti attribwibbli lil dak l-Istat Membru wara l-bidla tal-flus.

9.   Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-volum annwali ta' ħruġ ta' muniti għaż-żona tal-euro qabel it-tmiem tas-sena kalendarja li tiġi qabel is-sena li għaliha jsiru t-talbiet għal approvazzjoni.

Artikolu 3

Notifika u talba għal approvazzjoni ad hoc

1.   Il-volum ta' ħruġ ta' muniti approvat mill-BĊE għal kull Stat Membru taż-żona tal-euro f'sena kalendarja m'għandux jinqabeż fi kwalunkwe żmien matul dik is-sena kalendarja mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-BĊE.

2.   L-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jimmonitorjaw kontinwament id-domanda għall-muniti. Jekk id-domanda attwali għal muniti tal-euro fi Stat Membru taż-żona tal-euro aktarx li taqbeż il-volum approvat ta' ħruġ ta' muniti għak dik s-sena kalendarja, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-BĊE minnufih.

3.   In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-denominazzjoni jew denominazzjonijiet tal-munita li għaliha t-talba tkun ogħla minn dik mistennija; u

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-fatturi ewlenin li jikkawżaw iż-żieda mhux mistennija fid-domanda għall-munita.

4.   Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol tal-BĊE minn meta tiġi rċevuta n-notifika, il-BĊE, f'livell operazzjonali li ma jeħtiġx l-involviment tal-korpi tal-BĊE responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet, jista' jivvaluta minn qabel in-notifika u jipprovdi gwida mhux vinkolanti lill-Istat Membru taż-żona tal-euro li jagħti n-notifika. B'mod partikolari, il-BĊE jista' jirrakkomanda li jiżdied il-volum addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti meta d-domanda ogħla nnotifikata għall-muniti tkun tidher li hija insuffiċjenti biex tissodisfa d-domanda attwali, biex b'hekk twassal għall-possibbiltà ta' ksur tal-obbligu taħt il-paragrafu 1.

5.   Meta d-domanda akbar għall-muniti tkompli teżisti wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-paragrafu 4, l-Istat Membru taż-żona tal-euro għandu jagħmel talba għal approvazzjoni ad hoc għal volum addizzjonali ta' ħruġ ta' muniti lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed.

6.   It-talba għal approvazzjoni ad hoc għandha tispeċifika ż-żieda proposta fil-volum ta' ħruġ ta' muniti u tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-fatturi ewlenin li jikkawżaw iż-żieda mhux mistennija fid-domanda għall-muniti li ma tkunx antiċipata fit-talba għal approvazzjoni annwali.

7.   Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba għal approvazzjoni ad hoc.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-4 ta' Diċembru 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 135).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 194, 2.7.2014, p. 1).


Top