EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0061(01)

Deċiżjoni (UE) 2015/287 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta' Diċembru 2014 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Lietuvos bankas lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/61)

OJ L 50, 21.2.2015, p. 44–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/287/oj

21.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/44


DEĊIŻJONI (UE) 2015/287 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta' Diċembru 2014

dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Lietuvos bankas lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/61)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 30.1, 30.3, 48.1 u 48.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE (1), b'mod konformi mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga mogħtija lil-Litwanja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003 (2) ser tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

(2)

L-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdi illi l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet irrevokata għandu jħallas is-sehem sottokritt tiegħu fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sal-istess grad daqs il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro ħallsu l-ishma tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE bis-sħiħ. (3) L-ippeżar ta' Lietuvos bankas fl-iskema kapitali tal-BĊE huwa ta' 0,4132 %, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/28 (4). Lietuvos bankas diġà ħallas parti minn sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2013/31 (5). Il-bilanċ huwa għalhekk ta' EUR 43 051 594,36, li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE (EUR 10 825 007 069,61) bl-ippeżar tal-iskema tal-kapital ta' Lietuvos bankas (0,4132 %), bit-tnaqqis ta' dik il-parti ta' sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġà ġiet imħallsa bis-sħiħ.

(3)

L-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jittrasferixxi ukoll assi ta' riżervi barranin lill-BĊE. Skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma li għandha tiġi ttrasferita tiġi ddeterminata billi l-valur f'euro bir-rati tal-kambju kurrenti tal-assi ta' riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, tiġi mmultiplikata bil-proporzjon bejn in-numru ta' ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numru ta' ishma li diġà tħallsu mill-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta jkunu qed jiġu ddeterminati l-“assi ta' riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1”, għandha tingħata d-debita kunsiderazzjoni lill-aġġustamenti preċedenti tal-iskema kapitali (6) skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali tal-BĊE skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ (7). Bħala riżultat ta' dan, skont id-Deċiżjoni BĊE/2013/26 (8), l-ekwivalenti f'euro tal-assi ta' riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa ta' EUR 338 656 541,82.

(4)

L-assi ta' riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti minn Lietuvos bankas għandhom ikunu f'dollari Amerikani jew deheb, jew iddenominati fihom.

(5)

L-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula 6illi l-BĊE għandu jikkredita lil kull BĊN ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi klejm ekwivalenti għall-assi ta' riżervi barranin illi ttrasferixxa lill-BĊE. Id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms li diġà ġew ikkreditati lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (9) għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tal-klejms ta' Lietuvos bankas.

(6)

L-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi approprjat fir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ fil-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta' Diċembru tas-sena li tippreċedi t-tħassir tad-deroga. L-ammont ta' din il-kontribuzzjoni hija ddeterminata skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(7)

B'analoġija mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (10), il-Gvernatur ta' Lietuvos bankas kellu l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel ma ġiet adottata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“assi ta' riżervi barranin” tfisser deheb jew dollari Amerikani;

(b)

“deheb” tfisser uqiji sħaħ ta' deheb fin fil-forma ta' ingotti tat-tip London Good Delivery, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association;

(c)

“Dollaru Amerikan” tfisser il-valuta legali tal-Istati Uniti.

Artikolu 2

Il-grad u l-forma ta' kapital imħallas

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2015, Lietuvos bankas għandu jħallas il-parti rimanenti ta' sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li tikkorrispondi għal EUR 43 051 594,36.

2.   Lietuvos bankas għandu jħallas l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 lill-BĊE fit-2 ta' Jannar 2015 permezz ta' trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2).

3.   Lietuvos bankas għandu jħallas lill-BĊE fit-2 ta' Jannar 2015, permezz ta' trasferiment separat b'TARGET2, l-imgħax akkumulat fl-1 ta' Jannar 2015 fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt il-paragrafu 2. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta' kuljum, permezz tal-metodu ta' kalkolu attwali fuq 360 jum b'rata ekwivalenti għar-rata ta' imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

Artikolu 3

Trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin

1.   Lietuvos bankas għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b'effett mill-1 ta' Jannar 2015 u skont dan l-Artikolu u l-arranġamenti meħuda bis-saħħa tiegħu, ammont ta' assi ta' riżervi barranin li huwa ekwivalenti għal EUR 338 656 541,82 skont kif ġej:

Ammont ta' dollari Amerikani ekwivalenti għal euro fil-forma ta' flus kontanti

Ammont ta' deheb ekwivalenti għal euro

Ammont aggregat ekwivalenti għal euro

287 858 060,55

50 798 481,27

338 656 541,82

2.   L-ammont ta' assi ta' riżervi barranin ekwivalenti għal euro li għandhom jiġu ttrasferiti minn Lietuvos bankas taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tar-rati tal-kambju bejn l-euro u d-dollaru Amerikan stabbiliti bħala riżultat tal-proċedura ta' konsultazzjoni f'24 siegħa tal-31 ta' Diċembru 2014 bejn l-Eurosistema u Lietuvos bankas u, fil-każ ta' deheb, fuq il-bażi tal-prezz ta' kull uqija sħiħa ta' deheb fin bid-dollaru Amerikan stabbilit fl-iffissar tal-prezz tad-deheb f'Londra fl-10.30 a.m., ħin ta' Londra, fil-31 ta' Diċembru 2014.

3.   Il-BĊE għandu jikkonferma lil Lietuvos bankas mill-aktar fis possibbli l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

4.   Skont il-paragrafu 1, Lietuvos bankas għandu jittrasferixxi lill-BĊE ammont ta' dollari Amerikani fil-forma ta' flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta' euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1.

5.   It-trasferiment tal-ammont ta' dollari Amerikani fil-forma ta' flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta' euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1 għandu jsir lejn dawk il-kontijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta' saldu għall-ammont ta' dollari Amerikani fil-forma ta' flus kontanti li jridu jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun il-5 ta' Jannar 2015. Lietuvos bankas għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta' dak it-trasferiment lill-BĊE.

6.   Il-valur tad-deheb li Lietuvos bankas jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 1 għandu jkun kemm jista' jkun qrib ta', iżda mhux aktar minn, EUR 50 798 481,27.

7.   Lietuvos bankas għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f'forma mhux investita lill-kontijiet u l-postijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta' saldu għad-deheb li għandu jiġi ttrasferit lill-BĊE għandha tkun il-5 ta' Jannar 2015. Lietuvos bankas għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta' dak it-trasferiment lill-BĊE.

8.   Jekk Lietuvos bankas jittrasferixxi deheb lill-BĊE b'valur inqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, fil-5 ta' Jannar 2015 huwa għandu mbagħad jittrasferixxi ammont ta' dollari Amerikani fil-forma ta' flus kontanti ekwivalenti għall-ammont nieqes lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. Kwalunkwe dollari Amerikani ta' dan it-tip m'għandhomx jiffurmaw parti mill-assi ta' riżervi barranin li Lietuvos bankas jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 4.

9.   Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammont aggregat ekwivalenti għal euro kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandha tiġi ssaldata skont il-Ftehim tal-31 ta' Diċembru 2014 bejn Lietuvos bankas u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Lietuvos bankas mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (11).

Artikolu 4

Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-klejms ekwivalenti għall-kontribuzzjoni

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2015, u bla ħsara għall-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 dwar id-dati għas-saldu tat-trasferimenti tal-assi ta' riżervi barranin, il-BĊE għandu jikkredita lil Lietuvos bankas bi klejm iddenominata f'euro, ekwivalenti għall-ammont aggregat f'euro tal-kontribuzzjoni tiegħu ta' assi ta' riżervi barranin. Din il-klejm tikkorrispondi għal EUR 239 453 709,58.

2.   Il-klejm ikkreditata mill-BĊE għal Lietuvos bankas għandha tiġi rremunerata sa mid-data tas-saldu. L-imgħax akkumulat għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta' kuljum, permezz tal-metodu ta' kalkolu attwali fuq għadd ta' 360 jum, b'rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta' imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

3.   L-imgħax akkumulat ikkalkulat skont il-paragrafu 2 għandu jitħallas lil Lietuvos bankas fit-tmiem ta' kull sena finanzjarja. Kull trimestru l-BĊE għandu jinforma lil Lietuvos bankas bl-ammont kumulattiv.

4.   Il-klejm m'għandhiex tkun tista' tiġi mifdija.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2015, Lietuvos bankas għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi assenjat lir-riżervi u l-provvedimenti korrispondenti għall-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta' Diċembru 2014.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu kkontribwiti minn Lietuvos bankas għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Ir-referenzi fl-Artikolu 48.2 għan-“numru ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat” u “in-numru ta' ishma li diġà tħallsu mill-banek ċentrali l-oħra” għandhom jirreferu għall-ippeżar rispettiv ta' Lietuvos bankas u l-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro fl-iskema kapitali tal-BĊE, skont id-Deċiżjoni BĊE/2013/26.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “ir-riżervi tal-BĊE” u “provvisti ekwivalenti għal riżervi” għandhom jinkludu l-fond ta' riżerva ġenerali tal-BĊE, bilanċi fuq kontijiet ta' rivalutazzjoni u provvisti għar-rata tal-kambju barrani, rata ta' imgħax, kreditu, prezz tas-suq u riskji tal-prezz tad-deheb.

4.   Mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2014, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil Lietuvos bankas l-ammont li għandu jiġi kkontribwit minn Lietuvos bankas taħt il-paragrafu 1.

5.   Fit-tieni jum tax-xogħol li jsegwi l-approvazzjoni mill-Kunsill Ġenerali tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2014, Lietuvos bankas għandu, permezz ta' TARGET2, iħallas lill-BĊE:

(a)

l-ammont dovut lill-BĊE taħt il-paragrafu 4, bin-nuqqas ta' kull ammont ittrasferit li jaqbeż il-klejm imsemmija fl-Artikolu 4(1) dwar id-dati għas-saldu stipulati fl-Artikoli 3(5) u 3(7) (“kontribuzzjoni bil-quddiem”), jekk hemm wieħed; u

(b)

l-imgħax akkumulat mill-1 ta' Jannar 2015 sad-data tal-ħlas fuq l-ammont dovut lill-BĊE ikkalkulat taħt il-paragrafu 4, bin-nuqqas ta' kull kontribuzzjoni bil-quddiem.

6.   Kull imgħax li jakkumula taħt il-paragrafu 5(b) għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta' kuljum, bil-metodu ta' kalkolu attwali fuq għadd ta' 360 jum, b'rata ugwali għar-rata ta' imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.

Artikolu 6

Kompetenzi

1.   Sa fejn ikun meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lil Lietuvos bankas sabiex jispeċifika aktar u jdaħħal fis-seħħ kull dispożizzjoni ta' din id-Deċiżjoni u jipprovdi għal rimedji xierqa sabiex tiġu indirizzata kwalunkwe problema li tista' tinqala'.

2.   Kull struzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jikkonforma ma' kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar dan.

Artikolu 7

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/509/UE tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 29).

(2)  L-Att dwar il-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti fit-Trattati li fuqhom hi msejsal-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33).

(3)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/30 tad-29 ta' Awwissu 2013 dwar il-ħlas fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 61).

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/28 tad-29 ta' Awwissu 2013 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 53).

(5)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/31 tat-30 ta' Awwissu 2013 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 63).

(6)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(7)  Deċiżjoni BĊE/2013/17 tal-21 ta’ Ġunju 2013 dwar l-ishma ta' persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 187, 6.7.2013, p. 15).

(8)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/26 tad-29 ta' Awwissu 2013 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali ekwivalenti għall-assi ta' riżervi barranin li ġew ittrasferiti (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 47).

(9)  Skont il-Linja Gwida BĊE/2000/15 tat-3 ta' Novembru 1998 kif emendata mil-Linja Gwida tas-16 ta' Novembru 2000 dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta' assi ta' riżervi barranin, u d-denominazzjoni u rremunerazzjoni ta' klejms ekwivalenti (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 114).

(10)  Deċizjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).

(11)  ĠU C 64, 21.2.2015, p. 5.


Top