EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014O0044

Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/280 tat- 13 ta' Novembru 2014 dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44)

OJ L 47, 20.2.2015, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/12/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/280/oj

20.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/29


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (UE) 2015/280

tat-13 ta' Novembru 2014

dwar l-istabbiliment ta' Sistema ta' Produzzjoni u Akkwisti tal-Eurosistema (BĊE/2014/44)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1, 14.3 u 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat Dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“Trattat”) u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdu li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt esklussiv jinkludi l-kompetenza li jiddefinixxi l-qafas legali għall-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro. Il-BĊE jista' jalloka r-responsabbiltà għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”) skont l-ishma perċentwali miżmuma mill-BĊNi fil-kapital sottoskritt tal-BĊE għas-sena finanzjarja rilevanti, ikkalkulati bl-użu ta' proporzjonijiet fl-iskema msemmija fl-Artikolu 29.1 tal-Istatut tas-SEBĊ (iktar 'il quddiem l-“iskema kapitali”). Il-qafas legali għall-produzzjoni u l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro għandu jikkonforma, minn naħa, mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 127(1) tat-Trattat u fl-Artikolu 2 tal-Istatut tal-SEBĊ sabiex l-Eurosistema taġixxi skont il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni ħielsa, fejn tiġi ffavorita l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u, min-naħa l-oħra, titqies in-natura partikolari tal-karti tal-flus tal-euro, li huma prodotti biex jinħarġu mill-Eurosistema bħala mezz sigur ta' ħlas. Il-qafas legali għall-produzzjoni u l-akkwist ta' karti tal-flus tal-euro għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti BĊNi jużaw l-istamperiji interni tagħhom biex jipproduċu karti tal-flus tal-euro.

(2)

Fl-isfond tal-prinċipji msemmija iktar 'il fuq, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fl-10 ta' Lulju 2003, li għandha tiġi applikata strateġija kompetittiva komuni tal-Eurosistema għal sejħiet għal offerti (iktar 'il quddiem “il-proċedura waħdanija ta' sejħa għal offerti tal-Eurosistema”) għall-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem, kif stabbilit fil-Linja gwida BĊE/2004/18 (1). F'Marzu 2011 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jipposponi l-bidu tal-proċedura waħdanija ta' sejħa għal offerti tal-Eurosistema sal-1 ta' Jannar 2014, sakemm fil-frattemp huwa ma jkunx stabbilixxa data tal-bidu differenti u bla ħsara għal rieżami ulterjuri tas-sitwazzjoni (2). F'Diċembru 2013, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-proċedura waħdanija ta' sejħa għal offerti tal-Eurosistema kienet se tibda f'data li jistabbilixxi minħabba bidla fl-assunzjonijiet li fuqhom kienet ġiet ibbażata l-proċedura waħdanija ta' sejħa għal offerti tal-Eurosistema (3).

(3)

Fid-dawl tal-fatt li mill-2004 s-suq sar iktar kompetittiv u bħalissa ma hemm l-ebda vantaġġ fl-użu tal-proċedura waħdanija ta' sejħa għal offerti tal-Eurosistema minflok l-arranġamenti kurrenti, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li sistema ta' produzzjoni u ta' akkwist tal-Eurosistema (iktar 'il quddiem l-“EPPS”) għandha tiġi kkunsidrata bħala alternattiva possibbli.

(4)

Biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-provvista, tinżamm il-kompetenza teknika interna ġewwa l-Eurosistema, titkattar il-kompetizzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż fil-livell tal-Eurosistema, u jittieħed vantaġġ mill-innovazzjoni fis-settur privat u pubbliku, l-EPPS għandha tikkonsisti f'żewġ pilastri: grupp ta' BĊNi li jipproduċu l-karti tal-flus tal-euro tagħhom bl-użu ta' stamperija interna (iktar 'il quddiem “BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni”) u grupp ta' BĊNi li jakkwistaw il-karti tal-flus tal-euro tagħhom (iktar 'il quddiem “il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti”). L-EPPS għandha tippromwovi l-produzzjoni effiċjenti ta' karti tal-flus tal-euro fl-Eurosistema. Barra minn hekk, l-EPPS tkun teħtieġ allinjament ulterjuri tar-rekwiżiti legali applikabbli għall-grupp ta' BĊNi li joħorġu sejħiet għal offerti, bħal fir-rigward tal-użu tal-kriterji tal-eliġibbiltà fil-proċess tas-sejħiet għal offerti u t-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali. Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward tal-EPPS għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ġusti fis-sejħiet għal offerti għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro.

(5)

Il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandhom jibqgħu responsabbli għall-produzzjoni u l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro li ġew allokati fil-konfront tagħhom skont l-iskema kapitali. Biex josservaw l-obbligi tagħhom, dawk il-BĊNi għandhom joħorġu sejħa għal offerti għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro, u jagħmlu l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti individwalment jew konġuntament ma' BĊNi oħrajn skont regoli ta' akkwisti applikabbli. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti, il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandhom jaraw li jallinjaw ir-rekwiżiti tas-sejħiet għal offerti tagħhom skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali dwar l-akkwisti.

(6)

Il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni għandhom jibqgħu responsabbli għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro li ġew allokati fil-konfront tagħhom skont l-iskema kapitali. Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti bejn l-istamperiji kollha, dawn il-BĊNi għandhom jiżguraw li l-istamperiji interni ma jipparteċipaw f'ebda proċedura ta' sejħiet għal offerti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro organizzati u magħmulin ġewwa l-Unjoni u ma jaċċettawx ordnijiet għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro minn terzi persuni barra mill-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni.

(7)

Jekk jidħlu f'xi xorta ta' kooperazzjoni, il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni għandhom jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali applikabbli u mad-dritt tal-Unjoni. Meta tiġi stabbilita persuna ġuridika separata biex tintlaħaq din il-kooperazzjoni, BĊN jista' jsir membru tal-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni jekk jikkontrolla konġuntament din il-persuna ġuridika fit-tifsira ta' din il-Linja Gwida.

(8)

Il-karti tal-flus euro huma ta' natura sensittiva u teknoloġikament avvanzati. Għaldaqstant, dawn għandhom jinħadmu b'mod għal kollox protett, ikkontrollat u kunfidenzjali li jiggarantixxi provvista affidabbli, ta' kwalità għolja u sostnuta fuq medda ta' żmien. Barra minn dan, huwa meħtieġ li l-Eurosistema tikkunsidra b'mod xieraq l-impatt possibbli tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika u fuq l-ambjent.

(9)

Il-Kunsill Governattiv għandu jissorvelja żviluppi fir-rigward tal-materja prima u l-fatturi tal-produzzjoni prinċipali kollha involuti fl-akkwist u l-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u, jekk ikun meħtieġ, jieħu miżuri adegwati sabiex jiżgura li jkunu magħżula u/jew akkwistati b'tali mod li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-karti tal-flus tal-euro, u, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u s-setgħat tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq minn xi kuntrattur jew fornitur.

(10)

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għandhom jiġu interpretati, meta jkun meħtieġ, skont ir-regoli li hemm fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, mit-18 ta' April 2016, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prinċipju ta' distakk” ifisser arranġamenti interni effettivi li jiżguraw separazzjoni sħiħa bejn stamperija pubblika u l-kontijiet ta' awtorità pubblika tagħha u r-rimborż minn stamperija pubblika tal-ispejjeż tal-appoġġ amministrattiv u organizzattiv kollu li tirċievi mill-awtorità pubblika tagħha. Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta meta stamperiji jwieġbu għal sejħa għal offerti, ikun meħtieġ li l-attivitajiet ta' stampar tal-karti tal-flus tal-euro jkunu separati finanzjarjament għal kollox mill-attivitajiet l-oħrajn tagħhom biex jiġi żgurat li ma tingħatax għajnuna mill-istat diretta jew indiretta li b'xi mod tkun inkompatibbli mat-Trattat. Din is-separazzjoni finanzjarja għandha tiġi vverifikata u ċċertifikata kull sena minn verifika esterna indipendenti u rrappurtata lill-Kunsill Governattiv;

(2)

“stamperija interna” tfisser kwalunkwe stamperija li tkun (a) parti minn BĊN mill-aspett legali u organizzattiv; jew (b) persuna ġuridika separata, iżda għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(i)

il-BĊN jew il-BĊNi jkollhom kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li jkollu fuq id-dipartimenti tiegħu stess;

(ii)

iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fl-eżekuzzjoni ta' kompiti fdati lilha mill-BĊN jew BĊNi li jikkontrolla t-80 %;

(iii)

ma hemmx parteċipazzjoni privata diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata.

Għad-determinazzjoni tal-perċentwali tal-attivitajiet imsemmijin fil-punt (b)(ii), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturat totali medju, jew alternattiva xierqa bbażata fuq attività, bħal spejjeż li tagħmel il-persuna ġuridika rilevanti fir-rigward ta' servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin ta' qabel l-għoti tal-kuntratt.

Meta, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika jew bdiet l-attivitajiet tagħha jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura alternattiva bbażata fuq attività bħall-ispejjeż, jew ma jkunux disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew ma għadhomx rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl tal-attività huwa kredibbli, b'mod partikolari permezz ta' projezzjonijiet tan-negozju.

BĊN jitqies li għandu kontroll fuq persuna ġuridika simili għal dak li għandu fuq id-dipartimenti tiegħu stess fit-tifsira tal-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu fejn ikollu influwenza deċiżiva fuq kemm l-għanijiet strateġiċi kif ukoll id-deċiżjonijiet sinjifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata.

Il-BĊNi għandhom jitqiesu li għandhom kontroll konġunt ta' persuna ġuridika meta l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin jiġu sodisfatti: (a) il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma komposti minn rappreżentanti tal-BĊNi parteċipanti kollha; rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw diversi BĊNi parteċipanti jew kollha kemm huma; (b) dawk il-BĊNi jkunu jistgħu konġuntament jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq għanijiet strateġiċi u deċiżjonijiet sinjifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; (c) il-persuna ġuridika kkontrollata ma jkollhiex interessi li jkunu kuntrarji għal dawk tal-BĊNi li jikkontrollawha;

(3)

“awtoritajiet pubbliċi” jfissru l-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi tal-Istat u l-awtoritajiet reġjonali, lokali jew territorjali oħra u banek ċentrali;

(4)

“stamperiji pubbliċi” tfisser kull stamperija pubblika li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi għandhom influwenza dominanti diretta jew indiretta bis-saħħa tas-sjieda tagħhom fiha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi preżunta meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fir-rigward ta' stamperija: (a) ikollhom f'idejhom il-parti l-kbira tal-kapital sottoskritt tagħha; (b) jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin mal-ishma maħruġa minnha; jew (c) jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħha.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   L-EPPS tistabbilixxi mudell b'żewġ pilastri għall-produzzjoni u l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro. Għandha tinkludi s-sejħa għal offerti tal-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro mill-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti, kif ukoll il-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro mill-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni bl-użu ta' stamperija interna.

2.   Il-BĊNi għandhom ikunu responsabbli għall-produzzjoni u l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro li ġew allokati fil-konfront tagħhom skont l-iskema kapitali.

TITOLU II

IL-BĊNi TAL-GRUPP LI JOĦROĠ SEJĦIET GĦAL OFFERTI

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

Il-BĊNi li ma għandhomx stamperiji interni għandhom ikunu parti mill-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti (il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti).

Artikolu 4

Proċeduri ta' sejħiet għal offerti

1.   Kull BĊN tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandu jkun responsabbli għas-sejħiet għal offerti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u jwettaq proċeduri ta' sejħiet għal offerti individwalment jew konġuntament mal-BĊNi l-oħrajn tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti skont ir-regoli ta' akkwist applikabbli u skont ir-rekwiżiti preskritti f'din il-Linja Gwida.

2.   Sabiex tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq għall-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, fil-prinċipju u bla ħsara għad-dritt nazzjonali dwar l-akkwisti, il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandhom jaqsmu s-sejħiet għal offerti f'diversi lottijiet u m'għandhomx jingħataw lottijiet multipli lill-istess offerent(i).

3.   Il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandhom jiddikjaraw fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti li sabiex ikunu eliġibbli għal kwalunkwe sejħa għal offerti, l-istamperiji pubbliċi jridu jkunu implimentaw il-prinċipju ta' distakk qabel ma jitfgħu offerta.

Artikolu 5

Armonizzazzjoni tar-rekwiżiti

Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti, il-BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti għandhom jaraw li jallinjaw ir-rekwiżiti tas-sejħiet tagħhom, inklużi l-kriterji tal-eliġibbiltà, skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali dwar l-akkwisti.

TITOLU III

IL-BĊNi TAL-GRUPP BI STAMPERIJI INTERNI

Artikolu 6

Prinċipji ġenerali

1.   BĊNi li jipproduċu karti tal-flus tal-euro bl-użu ta' stamperija interna għandhom ikunu parti mill-grupp intern (il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni).

2.   Il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni għandhom jiżguraw li l-istamperiji interni tagħhom ma jipparteċipaw fl-ebda proċeduri ta' sejħiet għal offerti għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro organizzati u magħmulin ġewwa l-Unjoni u ma jaċċettawx ordnijiet għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro minn terzi li ma jkunux fil-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni.

Artikolu 7

Kooperazzjoni fost il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni

1.   Sabiex titjieb il-kosteffiċjenza fil-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu forom xierqa ta' kooperazzjoni bħal xiri flimkien u skambju u implimentazzjoni tal-aħjar prattiċi għall-proċess ta' produzzjoni sabiex josservaw il-kompitu pubbliku tagħhom ta' produzzjoni tal-karti tal-flus bl-aħjar mod possibbli.

2.   Il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni jistgħu jiddeċiedu jekk jingħaqdux f'din ix-xorta ta' kooperazzjoni jew le, iżda jekk jagħmlu hekk jintrabtu li jibqgħu involuti fl-inizjattivi rilevanti għal mill-inqas 3 snin (sakemm ma jsirux BĊNi tal-grupp li joħroġ sejħiet għal offerti f'dak il-perijodu) minħabba l-bżonn ta' kontinwità u fid-dawl tal-investimenti magħmulin mill-partijiet.

Artikolu 8

Stabbiliment ta' persuna ġuridika separata, jew kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata, biex jitwettqu b'mod konġunt kompiti pubbliċi

1.   Sabiex jitwettqu l-kompiti pubbliċi konġuntament, BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni għandhom jesploraw l-istabbiliment ta' (a) persuna ġuridika separata li tikkonsisti fl-istamperiji interni tagħhom; jew (b) kooperazzjoni orizzontali mhux istituzzjonalizzata fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni.

2.   Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-forom ta' kooperazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

Jekk persuna ġuridika stabbilita skont l-Artikolu 8(1)(a) tingħata direttament kuntratt għall-produzzjoni ta' karti tal-flus tal-euro, għandha tkun ikkontrollata konġuntament mill-BĊNi kkonċernati skont it-tifsira tad-definizzjoni ta' kontroll konġunt taħt il-punt (2) tal-Artikolu 1.

(b)

Kull ftehim milħuq skont l-Artikolu 8(1)(b) għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin;

(i)

il-ftehim jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni bil-għan li jiġi żgurat li servizzi pubbliċi li jkollhom iwettqu jiġu pprovduti sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni li jkollhom;

(ii)

l-implimentazzjoni ta' dik il-kooperazzjoni hija rregolata biss b'kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku;

(iii)

il-BĊNi tal-grupp bi stamperiji interni jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni. Għad-determinazzjoni tal-perċentwali tal-attivitajiet imsemmijin iktar 'il fuq, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-punt (2) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 9

Revoka

Il-Linja gwida BĊE/2004/18 hija mħassra b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 11

Perijodu tranżitorju fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3)

B'deroga mill-Artikolu 4(3), il-proċeduri ta' sejħiet għal offerti mnedija qabel l-1 ta' Lulju 2015 jistgħu japplikaw rekwiżiti differenti fir-rigward tal-esklużjoni tal-parteċipanti tas-sejħa għal offerti.

Artikolu 12

Reviżjoni

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi din il-Linja ta' Gwida fil-bidu tal-2017 u wara kull sentejn li jibdew jgħoddu minn dik is-sena.

Artikolu 13

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-13 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2004/18 tas-16 ta' Settembru 2004 dwar l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 320, 21.10.2004, p. 21).

(2)  Linja Gwida BĊE/2011/3 tat-18 ta' Marzu 2011 li temenda l-Linja gwida BĊE/2004/18 tal-BĊE dwar l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 86, 1.4.2011, p. 77).

(3)  Linja Gwida BĊE/2013/49 tat-18 ta' Diċembru 2013 li temenda l-Linja gwida BĊE/2004/18 tal-BĊE dwar l-akkwist tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 32, 1.2.2014, p. 36).

(4)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132 — 262).

(5)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).


Top