EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0039(01)

2014/723/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 17 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/39)

OJ L 300, 18.10.2014, p. 57–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/723/oj

18.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/57


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta' Settembru 2014

dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2014/39)

(2014/723/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(1), (2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (iktar 'il quddiem ir-“Regolament MSU”) jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kompost mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) tal-Istati Membri parteċipanti.

(2)

L-Artikolu 25(2) tar-Regolament MSU jitlob li l-BĊE jwettaq il-kompiti supervi\orji tiegħu mingħajr preġudizzju għal u b'mod separat mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor. Il-kompiti superviżorji tal-BĊE la għandhom jinterferixxu ma', u lanqas jiġu determinati mill-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja. Barra minn hekk, dawn il-kompiti superviżorji m'għandhomx jinterferixxu mal-kompiti tal-BĊE relatati mal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (BERS) jew kwalunkwe kompitu ieħor. Il-BĊE huwa meħtieġ li jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kif ikkonforma ma' din id-dispożizzjoni. Il-kompiti superviżorji tal-BĊE ma jistgħux ibiddlu l-monitoraġġ kontinwu tas-solvenza tal-kontropartijiet tiegħu fil-politika monetarja. Barra minn hekk, il-persunal involut fit-twettiq ta' kompiti superviżorji għandu jkun separat mill-aspett organizzattiv mill-persunal involut fit-twettiq ta' kompiti oħrajn mogħtija lill-BĊE u soġġetti għal linji ta' rapportar separati.

(3)

L-Artikolu 25(3) tar-Regolament MSU jeħtieġ li l-BĊE, għall-finijiet tal-Artikolu 25(1) u (2), jadotta u jippubblika kwalunkwe regola interna neċessarja, inklużi regoli li jirrigwardaw is-segretezza professjonali u l-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ oqsma funzjonali.

(4)

L-Artikolu 25(4) tar-Regolament MSU jeħtieġ li l-BĊE jiżgura li l-operat tal-Kunsill Governattiv ikun kompletament differenzjat fir-rigward tal-funzjonijiet monetarji u superviżorji. Dak id-differenzjament għandu jinkludi separazzjoni stretta bejn il-laqgħat u l-aġendi.

(5)

Sabiex tiġi żgurata separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji, l-Artikolu 25(5) tar-Regolament MSU jeħtieġ li l-BĊE jistabbilixxi panel ta' medjazzjoni sabiex jirrisolvi d-differenzi fl-opinjonijiet li jesprimu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti kkonċernati fir-rigward ta' oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv għal abbozz ta' deċiżjoni mill-Bord Superviżorju. Dan għandu jinkludi membru wieħed minn kull Stat Membru parteċipanti, magħżul minn kull Stat Membru minn fost il-membri tal-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju. Id-deċiżjonijiet tiegħu għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi, b'kull membru jkollu vot wieħed. Il-BĊE huwa obbligat li jadotta u jippubblika regolament li jistabbilixxi l-panel ta' medjazzjoni u r-regoli ta' proċedura tiegħu; f'dak il-kuntest, il-BĊE adotta r-Regolament (UE) Nru 673/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/26) (2).

(6)

Ir-Regoli tal-Proċedura ġew emendati (3) sabiex l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u l-korpi tiegħu responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jiġu aġġustati għar-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mir-Regolament MSU u sabiex tiġi ċċarata l-interazzjoni bejn il-korpi involuti fil-proċess tat-tħejjija u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji.

(7)

L-Artikoli 13g sa 13j tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jipprovdu dettalji dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill Governattiv dwar kwistjonijiet relatati mar-Regolament MSU. B'mod partikolari, l-Artikolu 13g jikkonċerna l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament MSU, u l-Artikolu 13h jikkonċerna l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament MSU, li jimplimenta r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament MSU.

(8)

L-Artikolu 13k tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jipprovdi li l-BĊE għandu jwettaq kompiti superviżorji mingħajr preġudizzju għall-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor, u b'mod separat minnhom. F'dan ir-rigward, il-BĊE huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura separazzjoni bejn funzjonijiet tiegħu ta' politika monetarja u superviżorji. Fl-istess ħin, is-separazzjoni tal-politika monetarja u l-funzjonijiet superviżorji ma għandhiex tipprekludi l-iskambju bejn dawn iż-żewġ oqsma ta' informazzjoni funzjonali li huma neċessarji għall-kisba tal-kompiti tal-BĊE u tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ).

(9)

L-Artikolu 13l tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE jipprovdi li l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv dwar il-kompiti superviżorji għandhom iseħħu separatament minn laqgħat regolari tal-Kunsill Governattiv u jkollhom aġendi separati.

(10)

Skont l-Artikolu 13m tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE dwar l-istruttura interna tal-BĊE fir-rigward tal-kompiti superviżorji, il-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-istruttura interna u l-persunal tal-BĊE tinkludi kompiti superviżorji. Il-Bord Eżekuttiv għandu jikkonsulta lill-President u lill-Viċi President tal-Bord Superviżorju dwar l-istruttura interna tiegħu. Il-Bord Superviżorju, bi qbil mal-Bord Eżekuttiv, jista' jistabbilixxi u jxolji substruttura ta' natura temporanja, bħal gruppi ta' ħidma jew task forces. Dawn għandhom jgħinu f'ħidma li tirrgwarda kompiti superviżorji u jirrapportaw lill-Bord Superviżorju. L-Artikolu 13m jipprovdi wkoll għall-ħatra tas-Segretarju tal-Bord Superviżorju u l-Kumitat ta' Tmexxija mill-President tal-BĊE, wara li jkun ikkonsulta lill-President tal-Bord Superviżorju. Is-Segretarju għandu jikkoordina mas-Segretarju tal-Kunsill Governattiv meta jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv fir-rigward tal-kompiti superviżorji u jkun responsabbli għall-abbozzar tal-minuti ta' dawn il-laqgħat.

(11)

Il-Premessa 66 tar-Regolament MSU tgħid li s-separazzjoni organizzattiva tal-persunal għandha tikkonċerna s-servizzi kollha meħtieġa għal skopijiet ta' politika monetarja indipendenti u għandha tiżgura li l-eżerċitar tal-kompiti superviżorji jkun totalment soġġett għal kontabilità u sorveljanza demokratiċi kif ipprovdut fir-Regolament MSU. Il-persunal involut fit-twettiq ta' kompiti superviżorji għandu jirrapporta lill-President tal-Bord Superviżorju. Fi ħdan dan il-qafas, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament MSU (4), il-BĊE stabbilixxa struttura ta' erba' Direttorati Ġenerali għat-twettiq ta' kompiti superviżorji u Segretarjat għall-Bord Superviżorju, li jirrapporta funzjonalment lill-President u lill-Viċi President tal-Bord Superviżorju. Il-BĊE identifika ulterjorment bosta oqsma ta' negozju biex jipprovdu appoġġ kemm lill-funzjoni tal-politika monetarja kif ukoll dik superviżorja tal-BĊE bħala servizzi kondiviżi, fejn dak l-appoġġ ma jwassalx għal kunflitti ta' interess bejn l-objettivi superviżorji u tal-politika monetarja tal-BĊE. Taqsimiet iddedikati għal kompiti superviżorji ġew stabbiliti fi ħdan bosta oqsma ta' negozju b' “servizz kondiviż”.

(12)

L-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jistabbilixxi l-obbligu ta' segretezza professjonali għal membri tal-korpi governattivi u l-persunal tal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. Il-Premessa 74 tar-Regolament MSU tipprovdi li l-Bord Superviżorju, il-kumitat ta' tmexxija u l-persunal tal-BĊE li jwettqu dmirijiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa ta' segretezza professjonali. L-Artikolu 27 tar-Regolament MSU jestendi l-obbligu ta' segretezza professjonali għal membri tal-Bord Superviżorju, u persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji.

(13)

L-iskambju ta' informazzjoni bejn il-funzjoni ta' politika monetarja u dik superviżorja tal-BĊE għandu jiġi organizzat b'konformità stretta mal-limiti stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni (5), waqt li jitqies il-prinċipju ta' separazzjoni. L-obbligi li jipproteġu l-informazzjoni kunfidenzjali, kif stipulat f'liġijiet u regolamenti applikabbli, bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (6) dwar il-ġbir ta' dejta statistika kunfidenzjali u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) dwar l-iskambju ta' informazzjoni superviżorja, għandhom japplikaw. Soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni, il-prinċipju ta' separazzjoni japplika għall-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali kemm mill-politika monetarja għall-funzjoni superviżorja kif ukoll mill-funzjoni superviżorja għal dik tal-politika monetarja tal-BĊE.

(14)

Skont il-premessa 65 tar-Regolament MSU, il-BĊE huwa responsabbli biex iwettaq funzjonijiet tal-politika monetarja bil-għan li tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-objettiv tal-kompiti superviżorji tiegħu huwa li jiġu protetti s-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabilità tas-sistema finanzjarja. Dawn b'hekk għandhom jitwettqu b'separazzjoni sħiħa mill-funzjoni tal-politika monetarja sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess u sabiex jiġi żgurat li kull waħda minn dawn il-funzjonijiet ta' politika tiġi eżerċitata skont l-objettivi partikolari tagħha. Fl-istess ħin, separazzjoni effettiva bejn il-funzjoni tal-politika monetarja u dik superviżorja ma għandhiex tipprevjeni l-kisba, kull fejn ikun possibbli u mixtieq, tal-benefiċċji kollha mistennija bħala riżultat tal-għaqda ta' dawn iż-żewġ funzjonijiet ta' politika fi ħdan l-istess istituzzjoni, inkluż l-użu tal-ħila esperta estensiva tal-BĊE dwar kwistjonijiet makroekonomiċi u ta' stabilità finanzjarja u t-tnaqqis tax-xogħol doppju meta tinġabar l-informazzjoni. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu fluss adegwat ta' dejta u informazzjoni kunfidenzjali oħra bejn iż-żewġ funzjonijiet tal-politika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u objettivi

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti li jikkonformaw mar-rekwiżit li tiġi sseparata l-funzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE mill-funzjoni superviżorja tiegħu (flimkien imsejħa “il-funzjonijiet ta' politika”), b'mod partikolari b'ħarsien tas-segretezza professjonali u l-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ funzjonijiet ta' politika.

2.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu mingħajr preġudizzju għall-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u kwalunkwe kompitu ieħor, u b'mod separat minnhom. Il-kompiti superviżorji tal-BĊE la għandhom jinterferixxu mal-kompiti tiegħu relatati mal-politika monetarja u lanqas m'għandhom jinterferixxu magħha. Barra minn hekk, dawn il-kompiti superviżorji m'għandhomx jinterferixxu mal-kompiti tal-BĊE relatati mal-BERS jew kwalunkwe kompitu ieħor. Il-kompiti superviżorji tal-BĊE u l-monitoraġġ kontinwu tas-sodezza finanzjarja u s-solvenza tal-kontropartijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema għandhom jiġu artikulati b'tali mod li ma jwassalx għal distorsjoni tal-għan finali ta' xi waħda minn dawn il-funzjonijiet.

3.   Il-BĊE għandu jiżgura li l-operat tal-Kunsill Governattiv ikun kompletament differenzjat fir-rigward tal-funzjonijiet monetarji u superviżorji. Dak id-differenzjament għandu jinkludi separazzjoni stretta bejn il-laqgħat u l-aġendi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(1)

“informazzjoni kunfidenzjali” tfisser informazzjoni kklassifikata bħala “ECB-CONFIDENTIAL” jew “ECB-SECRET” taħt ir-reġim tal-kunfidenzjalità tal-BĊE; informazzjoni kunfidenzjali oħra, inkluża informazzjoni koperta minn regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta jew mill-obbligu ta' segretezza professjonali, maħluqa fi ħdan il-BĊE jew mgħoddija lilu minn korpi jew individwi oħrajn; kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali oħra li taqa' taħt ir-regoli dwar is-segretezza professjonali tad-Direttiva 2013/36/UE; kif ukoll informazzjoni statistika kunfidenzjali skont ir-Regolament (KE) 2533/98;

(2)

“ħtieġa ta' għarfien” tfisser il-ħtieġa li wieħed ikollu aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għat-twettiq ta' funzjoni statutorja jew kompitu tal-BĊE, li fil-każ ta' informazzjoni mmarkata bħala “ECB-CONFIDENTIAL” għandha tkun wiesgħa biżżejjed biex tippermetti lill-persunal biex jaċċessaw informazzjoni relevanti għall-kompiti tagħhom u jassumu responsabbiltà għal kompiti mingħand kollegi bl-inqas dewmien possibbli;

(3)

“dejta primarja” tfisser dejta mibgħuta minn aġenti li jirrapportaw, wara proċessar statistiku u validazzjoni, jew dejta iġġenerata mill-BĊE permezz tat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu;

(4)

“Reġim ta' Kunfidenzjalità tal-BĊE” tfisser ir-reġim tal-BĊE li jiddefinixxi kif għandha tiġi kklassifikata, immaniġġjata u protetta informazzjoni kunfidenzjali tal-BĊE.

Artikolu 3

Separazzjoni organizzattiva

1.   Il-BĊE għandu jżomm proċeduri awtonomi għat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-funzjonijiet tiegħu superviżorji u tal-politika monetarja.

2.   L-unitajiet tax-xogħol kollha tal-BĊE għandhom jitqiegħdu taħt id-direzzjoni maniġerjali tal-Bord Eżekuttiv. Il-kompetenza tal-Bord Eżekuttiv fir-rigward tal-istruttura interna tal-BĊE u l-persunal tal-BĊE għandha tinkludi l-kompiti superviżorji. Il-Bord Eżekuttiv għandu jikkonsulta l-President u l-Viċi-President tal-Bord Superviżorju fuq din l-istruttura interna.

3.   Il-persunal tal-BĊE involut fit-twettiq ta' kompiti superviżorji għandu jkun separat mill-aspett organizzattiv mill-persunal involut fit-twettiq ta' kompiti oħrajn mogħtija lill-BĊE. Persunal involut fit-twettiq ta' kompiti superviżorji għandu jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv fir-rigward ta' kwistjonijiet organizzattivi, relatati ma' riżorsi umani u amministrattivi, iżda għandu jkun soġġett għal rapportar funzjonali lill-Presidenza u l-Viċi Presidenza tal-Bord Superviżorju, soġġett għall-eċċezzjoni fil-paragrafu 4.

4.   Il-BĊE jista' jistabbilixxi servizzi kondiviżi li jipprovdu appoġġ kemm lill-funzjoni tal-politika monetarja kif ukoll dik superviżorja sabiex jiġi żgurat li dawn il-funzjonijiet ta' appoġġ ma jkunux iddupplikati, sabiex b'hekk jgħin biex jiġi ggarantit għoti effiċjenti u effettiv ta' servizzi. Dawk is-servizzi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikolu 6 fir-rigward ta' kwalunkwe skambju ta' informazzjoni minnhom mal-funzjonijiet ta' politika relevanti.

Artikolu 4

Segretezza professjonali

1.   Il-Membri tal-Bord Superviżorju, tal-Kumitat ta' Tmexxija u ta' kwalunkwe sottostruttura oħra stabbilita mill-Bord Superviżorju, persunal tal-BĊE u issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji għandhom ikunu meħtieġa, anki wara li jkunu ntemmu d-dmirijiet tagħhom, biex ma jiżvelawx informazzjoni tat-tip li taqa' taħt is-segretezza professjonali.

2.   Persuni li jkollhom aċċess għal dejta li taqa' taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi obbligu ta' segretezza għandhom ikunu soġġetti għal dik il-leġiżlazzjoni.

3.   Il-BĊE għandu jissoġġetta lil individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b'mod permanenti jew okkażjonali, relatat mal-qadi ta' dmirijiet superviżorji għal rekwiżiti ekwivalenti ta' segretezza professjonali permezz ta' arranġamenti kuntrattwali.

4.   Ir-regoli dwar is-segretezza professjonali li jinsabu fid-Direttiva 2013/36/UE għandhom japplikaw għall-persuni speċifikati fil-paragrafi 1 sa 3. B'mod partikolari, informazzjoni kunfidenzjali li dawk il-persuni jistgħu jirċievu matul il-qadi ta' dmirijiethom tista' tiġi żvelata biss f'forma sommarja jew aggregata b'tali mod li istituzzjonijiet ta' kreditu individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għal każijiet li jaqgħu taħt il-liġi kriminali.

5.   Madankollu, meta istituzzjoni ta' kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qiegħda tiġi stralċata b'mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax terzi involuti f'tentattivi biex isalvaw lil dik l-istituzzjoni ta' kreditu tista' tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf il-funzjoni superviżorja tal-BĊE milli tiskambja informazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn tal-Unjoni jew nazzjonali b'mod konformi mal-liġi tal-Unjoni applikabbli. Informazzjoni skambjata b'dan il-mod għandha tkun soġġetta għall-paragrafi 1 sa 5.

7.   Ir-reġim ta' kunfidenzjalità tal-BĊE għandu japplika għall-membri tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, persunal tal-BĊE u persunal issekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.

Artikolu 5

Prinċipji ġenerali għall-aċċess għal informazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika u klassifikazzjoni

1.   Minkejja l-Artikolu 4, l-informazzjoni tista' tiġi skambjata bejn il-funzjonijiet ta' politika sakemm dan ikun permess taħt il-liġi tal-Unjoni relevanti.

2.   Informazzjoni ħlief għal dejta primarja għandha tiġi kklassifikata skont ir-reġim ta' kunfidenzjalità tal-BĊE mill-funzjoni ta' politika tal-BĊE li tkun il-proprjetarja tal-informazzjoni. Dejta primarja għandha tiġi kklassifikata b'mod separat. L-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali bejn iż-żewġ funzjonijiet ta' politika għandu jkun soġġett għar-regoli ta' governanza u proċedurali stipulati għal dan l-iskop, u għal rekwiżit tal-ħtieġa ta' għarfien, li għandu jintwera mill-funzjoni ta' politika tal-BĊE li tagħmel it-talba.

3.   Aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali mill-funzjoni ta' politika superviżorja jew monetarja mill-funzjoni rispettiva tal-politika l-oħra għandu jiġi ddeterminat mill-funzjoni ta' politika tal-BĊE li tkun il-proprjetarja tal-informazzjoni skont ir-reġim ta' kunfidenzjalità tal-BĊE, sakemm ma jingħadx mod ieħor f'din id-Deċiżjoni. F'każ ta' kunflitt bejn iż-żewġ funzjonijiet ta' politika tal-BĊE fir-rigward ta' aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali, l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali għandu jiġi ddeterminat mill-Bord Eżekuttiv b'mod konformi mal-prinċipju ta' separazzjoni. Il-konsistenza ta' deċiżjonijiet dwar drittijiet ta' aċċess u r-reġistrazzjoni adegwata ta' dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu żgurati.

Artikolu 6

Skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali bejn il-funzjonijiet ta' politika

1.   Il-funzjonijiet ta' politika tal-BĊE għandhom jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali fil-forma ta' dejta mhux anonimizzata ta' rapportar komuni (common reporting — COREP) u rapportar finanzjarju (finanzjal reporting — FINREP) (8) kif ukoll dejta primarja oħra lill-funzjoni ta' politika rispettiva l-oħra tal-BĊE fuq talba fuq il-bażi tal-ħtieġa ta' għarfien, soġġett għal approvazzjoni mill-Bord Eżekuttiv, ħlief meta l-liġi tal-Unjoni tipprovdi mod ieħor. Il-funzjoni superviżorja tal-BĊE għandha tiżvela informazzjoni kunfidenzjali fil-forma ta' dejta anonimizzata COREP u FINREP lill-funzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE fuq talba abbażi tal-ħtieġa ta' għarfien, ħlief meta l-liġi tal-Unjoni tipprovdi mod ieħor.

2.   Il-funzjonijiet ta' politika tal-BĊE ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali li tkun tinkludi valutazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-funzjoni ta' politika rispettiva l-oħra, ħlief fuq talba abbażi tal-ħtieġa ta' għarfien, u għandu jiġi żgurat li kull funzjoni ta' politika tiġi eżerċitata skont l-objettivi applikabbli, u fejn dak l-iżvelar ikun ġie awtorizzat b'mod espress mill-Bord Eżekuttiv.

Il-funzjonijiet ta' politika tal-BĊE jistgħu jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali aggregata li la tkun tinkludi informazzjoni bankarja individwali u lanqas informazzjoni sensittiva għall-politika relatata mat-tħejjija ta' deċiżjonijiet lill-funzjoni ta' politika rispettiva l-oħra fuq talba abbażi tal-ħtieġa ta' għarfien, u għandu jiġi żgurat li kull funzjoni ta' politika tiġi eżerċitata skont l-objettivi applikabbli.

3.   Analiżi tal-informazzjoni kunfidenzjali riċevuta taħt dan l-Artikolu għandha ssir b'mod awtonomu mill-funzjoni ta' politika li tirċievi skont dan l-objettiv. Kull deċiżjoni sussegwenti għandha tittieħed biss fuq din il-bażi.

Artikolu 7

Skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali li jinvolvi dejta personali

L-iskambju ta' informazzjoni li jinvolvi dejta personali għandu jkun soġġett għal-liġi tal-Unjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta.

Artikolu 8

Skambju ta' informazzjoni kunfidenzjali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza

Minkejja l-Artikolu 6, f'sitwazzjoni ta' emerġenza kif iddefinita fl-Artikolu 114 tad-Direttiva 2013/36/UE, il-funzjonijiet ta' politika tal-BĊE għandhom jikkomunikaw, mingħajr dewmien, informazzjoni kunfidenzjali lill-funzjoni ta' politika oħra rispettiva tal-BĊE, meta dik l-informazzjoni tkun relevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-emerġenza partikolari li jkollha quddiemha.

Artikolu 9

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta' Settembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament (UE) Nru 673/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta' Ġunju 2014 dwar l-istabbiliment ta' Panel ta' Medjazzjoni u r-Regoli ta' Proċedura Tiegħu (BĊE/2014/26) (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 72).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2014/1 tat-22 ta' Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 95, 29.3.2014, p. 56).

(4)  Ara wkoll il-premessa O tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċitar ta' kontabilità u superviżjoni demokratiċi fuq l-eżerċitar tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2013/694/UE) (ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1); u l-premessa G tal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-kooperazzjoni dwar proċeduri relatati mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

(5)  Ara l-premessa H tal-Ftehim Interistituzzjonali. Skont il-Premessa 74 tar-Regolament MSU, ir-rekwiżiti għall-iskambju ta' informazzjoni mal-persunal mhux involut f'attivitajiet superviżorji ma għandhomx iżommu lill-BĊE milli jiskambja informazzjoni fi ħdan il-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relevanti, inkluż mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-kompiti tagħha taħt l-Artikoli 107 u 108 TFUE u taħt il-liġi tal-Unjoni dwar sorveljanza ekonomika u baġitarja mtejba.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p. 23).

(7)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Ara r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.


ANNESS

SILTA MIR-REĠIM TA' KUNFIDENZJALITÀ TAL-BĊE

Id-dokumenti kollha maħluqa mill-BĊE għandhom jiġu assenjati waħda mill-ħames klassifikazzjonijiet ta' sigurtà mogħtija hawn isfel.

Dokumenti riċevuti mingħand partijiet barra mill-BĊE għandhom jiġu mmaniġġjati skont it-tikketta ta' klassifikazzjoni fuq id-dokument. Jekk dak id-doku ma jkollux tikketta ta' klassifikazzjoni, jew jekk il-klassifikazzjoni tkun ivvalutata mir-riċevitur bħala baxxa wisq, id-dokument għandu jingħata tikketta ġdida, b'livell ta' klassifikazzjoni tal-BĊE adattata indikata b'mod ċar ta' mill-inqas fuq l-ewwel paġna. Il-klassifikazzjoni tista' titniżżel għal livell aktar baxx biss bil-permess bil-miktub tal-organizzazzjoni oriġinanti.

Il-ħames klassifikazzjonijiet ta' sigurtà tal-BĊE bid-drittijiet ta' aċċess tagħhom huma elenkati hawn isfel.

ECB-SECRET

:

Aċċess fi ħdan il-BĊE huwa llimitat għal dawk bi “ħtieġa ta' għarfien”, approvat minn senior manager tal-BĊE tal-qasam ta' negozju oriġinanti, jew superjuri.

ECB-CONFIDENTIAL

:

Aċċess fi ħdan il-BĊE limitat għal dawk bi “ħtieġa ta' għarfien” li jkun wiesa' biżżejjed biex jippermetti lill-persunal biex jaċċessaw informazzjoni relevanti għall-kompiti tagħhom u li jassumu kompiti mingħand kollegi tagħhom bl-inqas dewmien possibbli.

ECB-RESTRICTED

:

Jista' jingħata aċċess lill-persunal tal-BĊE u, jekk xieraq, lil persunal tas-SEBĊ b'interess leġittimu.

ECB-UNRESTRICTED

:

Jista' jingħata aċċess lill-persunal kollu tal-BĊE u, jekk xieraq, lill-persunal tas-SEBĊ.

ECB-PUBLIC

:

Awtorizzat li jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali.


Top