EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014O0031

2014/528/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (BĊE/2014/31)

OJ L 240, 13.8.2014, p. 28–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/06/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/528/oj

13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 240/28


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta' Lulju 2014

dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9

(riformulazzjoni)

(BĊE/2014/31)

(2014/528/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK CENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5.1, 12.1, 14.3 u 18.2 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BCE/2013/4 (1) ġiet emendata b'mod sostanzjali. Peress li jridu jsiru emendi ulterjuri, il-Linja Gwida BĊE/2013/4 għandha tiġi rriformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn 'il quddiem il-'BĊNi') jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kundizzjonijiet ġenerali li taħthom il-BĊE u l-BĊNi jinsabu lesti biex jidħlu f'operazzjonijiet ta' kreditu, inklużi l-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, huma stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 (2).

(3)

Fit-8 ta' Diċembru 2011 u fl-20 ta' Ġunju 2012 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar miżuri addizzjonali ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-kreditu biex jappoġġjaw is-self mill-banek u l-likwidità fis-suq monetarju taż-żona tal-euro, inkluż miżuri stipulati fid-Deċiżjoni BĊE/2011/25 (3). Barra minn hekk, kien meħtieġ li r-referenzi għall-proporzjon ta' riżerva fil-Linja Gwida BĊE/2007/9 (4) jiġu allinjati mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9) (5) li ddaħħlu bir-Regolament (UE) Nru 1358/2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2011/26) (6).

(4)

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/4 (7) ipprovdiet li l-BĊNi ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw bħala kollateral f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema bonds tal-bank eliġibbli ggarantiti minn Stat Membru taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali jew minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tissodisfax il-parametru referenzjarju tal-Eurosistema biex jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu tiegħu għal standards ta' kreditu għoljin.

(5)

Id-Deċiżjoni BĊE/2012/12 (8) irrivediet ukoll l-eċċezzjoni mill-projbizzjoni ta' rabtiet mill-qrib stabbilita fit-Taqsima 6.2.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 fir-rigward ta' bonds tal-bank iggarantiti mill-gvern użati mill-kontropartijiet stess bħala kollateral.

(6)

Fit-2 ta' Awwissu 2012, id-Deċiżjoni BĊE/2011/25 ġiet issostitwita bil-Linja Gwida BĊE/2012/18 (9), li ġiet implimentata mill-BĊNi fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tagħhom. Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 ippermettiet ukoll li l-kontropartijiet jipparteċipaw f'operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema sabiex iżidu l-livelli tal-użu proprju ta' bonds ta' bank iggarantiti mill-gvern li kellhom fit-3 ta' Lulju 2012 bla ħsara għal approvazzjoni ex ante mill-Kunsill Governattiv f'ċirkustanzi eċċezzjonali. It-talbiet ippreżentati mill-Kunsill Governattiv għal approvazzjoni ex ante għandhom ikunu akkumpanjati minn pjan ta' finanzjament.

(7)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 ġiet emendata fl-10 ta' Ottubru 2012 bil-Linja Gwida BĊE/2012/23 (10), li wessgħet temporanjament il-kriterji sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà ta' assi li għandhom jintużaw bħala kollateral f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, billi jiġu aċċettati strumenti ta' dejn negozjabbli ddenominati f'lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan bħala assi eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja. Ġie applikat tniżżil fil-valur li jirrifletti l-volatilità storika tar-rati tal-kambju relevanti għal dawn l-istrumenti ta' dejn negozjabbli.

(8)

Il-Linja Gwida BĊE/2013/2 (11) tispeċifika l-proċedura applikabbli għall-ripagament bikri ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal minn kontropartijiet sabiex jiġi żgurat li l-istess kundizzjonijiet jiġu applikati mill-BĊNi kollha. B'mod partikolari, ir-reġim ta' sanzjonijiet stabbilit fl-Appendiċi 6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 japplika fejn kontroparti li tkun għażlet li tagħmel ripagament bikri tonqos, totalment jew parzjalment, milli tagħmel saldu tal-ammont li jkollu jitħallas lura lill-BĊN relevanti sad-data dovuta.

(9)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 ġiet emendata iktar biex tinkorpora l-kontenut tad-Deċiżjoni ECB/2012/34 (12) u sabiex jiġi żgurat li l-BĊNi ma jkunux obbligati li jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema bonds tal-bank skoperti eliġibbli li huma: (a) maħruġa mill-kontropartijiet li jużawhom jew minn entitajiet marbuta mill-qrib mal-kontroparti; u (b) iggarantiti bis-sħiħ minn Stat Membru li l-valutazzjoni tal-kreditu tiegħu ma tkunx tissodisfa l-istandards ta' kreditu għoljin tal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv iqishom li jikkonformaw ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

(10)

Fl-interess taċ-ċarezza u s-sempliċità, fl-20 ta' Marzu 2013, il-Linja Gwida BĊE/2012/18 ġiet issostitwita bil-Linja Gwida BĊE/2013/4, li ġiet implimentata mill-BĊNi fl-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tagħhom.

(11)

Fl-interess taċ-ċarezza u s-sempliċità, il-kontenut tad-Deċiżjonijiet BĊE/2011/4 (13), BĊE/2011/10 (14) u BĊE/2012/32 (15) ġie inkluż fil-Linja Gwida BĊE/2013/4 mal-miżuri temporanji l-oħra kollha għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u eliġibbiltà ta' kollateral.

(12)

Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 (16) ġiet emendata fil-5 ta' Lulju 2013 bid-Deċiżjoni BĊE/2013/22 (17) u fit-12 ta' Marzu 2014 bil-Linja Gwida BĊE/2014/12 biex jiġu kkunsidrati l-Istati Membri taż-żona tal-euro li l-Kunsill Governattiv ikkunsidra bħala konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll biex jiġu riflessi emendi mal-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Wara bidliet sussegwenti fil-lista tal-Istati Membri taż-żona tal-euro Stati Membri li jikkonformaw ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, huwa meħtieġ aġġustament ulterjuri tal-Linja Gwida BĊE/2013/4.

(13)

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/36 (18) taġġusta t-telf impost tal-valutazzjoni u d-dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz applikabbli għal titoli ggarantiti minn assi aċċettati bis-saħħa ta' miżuri temporanji addizzjonali dwar l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema stipulati fil-Linja Gwida BĊE/2013/4 u temenda l-kriterji ta' eliġibbiltà applikati għal talbiet ta' kreditu addizzjonali taħtha.

(14)

Fl-interess taċ-ċarezza u tas-sempliċità, il-kontenut tad-Deċiżjonijiet BĊE/2013/22 u BĊE/2013/36 għandu jiġi inkluż f'din il-Linja Gwida.

(15)

Fit-22 ta' Mejju 2014 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, flimkien ma' ċertu klejms ta' kreditu addizzjonali li diġà hemm ipprovdut dwarhom fil-Linja Gwida BĊE/2013/4, il-BĊNi jistgħu jaċċettaw ċerti strumenti ta' dejn għal żmien qasir maħruġin minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji li ma jissodisfawx il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-Eurosistema għal assi negozjabbli, iżda dawn għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà u l-miżuri ta' kontroll tar-riskju speċifikati mill-Kunsill Governattiv. Din id-deċiżjoni teħtieġ aġġustament ulterjuri tal-Linja Gwida BĊE/2013/4.

(16)

Il-miżuri addizzjonali stipulati f'din il-Linja Gwida għandhom japplikaw temporanjament, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li m'għadhomx meħtieġa sabiex jiġi żgurat mekkaniżmu xieraq għat-trażmissjoni tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament u kollateral eliġibbli

1.   Ir-regoli għat-tmexxija ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-kollateral stabbiliti f'din il-Linja Gwida għandhom japplikaw flimkien mal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   F'każ ta' kwalunkwe diskrepanza bejn din il-Linja Gwida u l-Linja Gwida BĊE/2011/14, kif implimentata fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, din il-Linja Gwida għandha tipprevali. Il-BĊNi għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 mingħajr tibdil sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'din il-Linja Gwida.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta' Ċipru għandhom jitqiesu bħala Stati Membri taż-żona tal-euro li jikkonformaw ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

Artikolu 2

Għażla biex jitnaqqas l-ammont ta', jew jiġu tterminati, operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal

1.   L-Eurosistema tista' tiddeċiedi illi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kontropartijiet jistgħu jnaqqsu l-ammont ta', jew jitterminaw, ċerti operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal qabel il-maturità (dan it-tnaqqis jew terminazzjoni minn hawn 'il quddiem flimkien huma msejħin “ripagament bikri”). L-avviż tas-sejħa għal offerti għandu jispeċifika jekk tapplikax l-għażla biex jitnaqqas l-ammont ta', jew jiġu tterminati, l-operazzjonijiet ikkonċernati qabel tapplika l-maturità, kif ukoll id-data minn meta din l-għażla tista' tiġi eżerċitata. Alternattivament, din l-informazzjoni tista' tingħata wkoll f'format ieħor meqjus xieraq mill-Eurosistema.

2.   Kontroparti tista' teżerċita l-għażla li jitnaqqas l-ammont ta', jew jiġu tterminati, ċerti operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal qabel il-maturità billi tinnotifika lill-BĊN relevanti bl-ammont li fiħsiebha tħallas lura taħt il-proċedura ta' ripagament bikri, kif ukoll bid-data li fiha fiħsiebha tagħmel dan ir-ripagament bikri, tal-anqas ġimgħa qabel dik id-data tar-ripagament bikri. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Eurosistema, ripagament bikri jista' jsir f'kull jum li jikkoinċidi mal-jum tas-saldu ta' operazzjoni ta' rifinanzjament ewlenija tal-Eurosistema, iżda l-kontroparti għandha tagħmel in-notifika msemmja f'dan il-paragrafu tal-anqas ġimgħa qabel dik id-data.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir torbot fuq il-kontroparti ġimgħa qabel id-data tar-ripagament bikri li tirreferi għaliha. In-nuqqas tal-kontroparti milli tħallas, totalment jew parzjalment, l-ammont dovut taħt il-proċedura ta' ripagament bikri sad-data dovuta jista' jirriżulta fl-impożizzjoni ta' penali finanzjarja kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Appendiċi 6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Appendiċi 6 li japplikaw għal ksur tar-regoli relatati ma' operazzjonijiet ta' sejħiet għall-offerti għandhom japplikaw meta kontroparti tonqos milli tagħmel saldu, totali jew parzjali, tal-ammont dovut fid-data tar-ripagament bikri msemmija fil-paragrafu 2. L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-BĊN biex jeżerċita r-rimedji pprovduti meta jseħħ avveniment ta' inadempjenza kif stabbilit fl-Anness II tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

Artikolu 3

Ammissjoni ta' ċerti titoli addizzjonali ggarantiti minn assi

1.   Minbarra t-titoli ggarantiti minn assi (ABS) eliġibbli taħt il-Kapitolu 6 ta' Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, ABS li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà kollha applikabbli għall-ABS skont l-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom ikunu eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, sakemm ikollhom żewġ gradazzjonijiet ta' mill-anqas “triple B” (19) minn kwalunkwe istituzzjoni ta' valutazzjoni ta' kreditu esterna aċċettata għall-ħruġ. Huma għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jappoġġaw l-ABS għandhom jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta' assi li ġejjin: (i) ipoteki residenzjali; (ii) self lil impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); (iii) ipoteki kummerċjali fuq immobbli; (iv) self fuq ix-xiri ta' karozzi; (v) krediti fuq kiri; (vi) self għal finanzjament għall-konsumatur; (vii) kreditu fuq karti ta' kreditu;

(b)

ma għandu jkun hemm ebda taħlit ta' klassijiet ta' assi differenti fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(c)

l-assi li jiġġeneraw il-likwidità li jiggarantixxu l-ABS m'għandhomx ikun fihom self illi huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ma jkunx jirrendi fil-ħin tal-ħruġ tal-ABS,

(ii)

ma jkunx jirrendi meta inkorporat fl-ABS matul il-ħajja tal-ABS, pereżempju permezz ta' sostituzzjoni jew bidla fl-assi li jiġġeneraw il-likwidità;

(iii)

fi kwalsiasi żmien, huwa strutturat, sindakat jew leveraged;

(d)

id-dokumenti tat-tranżazzjoni tal-ABS għandu jkollhom dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz;

2.   L-ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li għandhom żewġ gradazzjonijiet ta' mill-anqas single A (20) għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta' 10 %.

3.   L-ABS li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li ma għandhomx żewġ gradazzjonijiet ta' mill-anqas single A għandhom ikunu suġġetti għal telf impost fil-valutazzjoni ta' 22 %.

4.   Kontroparti ma tistax tippreżenta ABS li huma eliġibbli skont il-paragrafu 1 bħala kollateral, jekk il-kontroparti, jew kwalunkwe parti terza li magħha għandha rabtiet mill-qrib, taġixxi bħala fornitur ta' ħeġġ ta' rata ta' imgħax fir-rigward tal-ABS.

5.   BĊN jista' jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema ABS li l-assi sottostanti tagħhom jinkludu ipoteki fuq immobbli residenzjali jew self lil SMEs jew it-tnejn u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-kreditu taħt it-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u r-rekwiżiti li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 1(a) sa (d) u l-paragrafu 4 aktar 'il fuq, imma li mill-bqija jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà applikabbli għall-ABS skont il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u għandhom żewġ gradazzjonijiet ta' mill-anqas triple B. Dawn l-ABS għandhom ikunu limitati għal dawk maħruġin qabel l-20 ta' Ġunju 2012 u għandhom ikunu suġġetti għal tnaqqis impost fil-valutazzjoni ta' 22 %.

6.   L-ABS b'dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz li jikkonformaw tal-Linja Gwida BĊE/2013/4 li kienu fil-lista tal-assi eliġibbli qabel l-1 ta' Ottubru 2013 għandhom jibqgħu eliġibbli sal-1 ta' Ottubru 2014.

7.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“ipoteka residenzjali”, minbarra self appoġġat minn ipoteka fuq proprjetà immobbli residenzjali, għandha tinkludi self iggarantit fuq immobbli residenzjali (mingħajr ipoteka fuq proprjetà immobbli) jekk il-garanzija hija pagabbli minnufih mal-inadempjenza. Garanzija bħal din tista' tingħata f'forom kuntrattwali differenti, inkluż kuntratti ta' assigurazzjoni, sakemm huma jkunu ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku jew istituzzjoni finanzjarja suġġetta għas-superviżjoni pubblika. Il-valutazzjoni tal-kreditu tal-garanti għall-finijiet ta' dawn il-garanziji għandha tkun konformi mal-istadju 3 tal-kwalità tal-kreditu tal-iskala tal-Eurosistema għall-klassifika armonizzata tul il-ħajja tat-tranżazzjoni;

(b)

“impriża żgħira” u “impriża ta' daqs medju” għandhom ifissru entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-forma legali tagħha, fejn il-bejgħ irrapportat għall-entità, jew jekk l-entità hija parti minn grupp ikkonsolidat, għall-grupp ikkonsolidat, huwa ta' anqas minn EUR 50 miljun;

(c)

“self li ma jirrendix” għandha tinkludi self fejn il-ħlas ta' imgħax jew ta' kapital huwa tard b'90 jum jew aktar u d-debitur huwa inadempjenti, kif definit fl-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), jew fejn hemm raġunijiet tajbin biex ikun hemm dubju dwar jekk il-ħlas huwiex se jsir kollu.

(d)

“self strutturat” tfisser struttura li tinvolvi talbiet ta' kreditu subordinati;

(e)

“self mingħand konsorzju” tfisser self mogħti minn grupp ta' selliefa f'konsorzju li jislef;

(f)

“self leveraged” tfisser self mogħti lil kumpanija li diġà għandha ammont konsiderevoli ta' dejn, bħal finanzjament għal akkwist mill-maniġment jew għal takeover, fejn is-self jintuża għall-akkwist tal-ekwità ta' kumpanija li hija wkoll id-debitur tas-self;

(g)

“dispożizzjonijiet dwar il-kontinwità tas-servizz” tfisser dispożizzjonijiet fid-dokumentazzjoni legali ta' titolu ggarantit minn assi li jikkonsistu jew f'dispożizzjonijiet dwar il-provditur sostitut jew dispożizzjonijiet dwar il-faċilitatur tal-provditur sostitut (jekk ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni dwar il-provditur sostitut). F'każ ta' dispożizzjonijiet dwar il-faċilitatur tal-provditur sostitut, għandu jiġi nnominat faċilitatur tal-provditur sostitut u l-faċilitatur għandu jingħata l-mandat li jsib provditur sostitut xieraq fi żmien 60 jum minn meta jseħħ avveniment ta' skatt sabiex jiżgura pagament fil-ħin u s-servizz tat-titolu ggarantit minn assi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu wkoll skatti tas-sotituzzjoni ta' provditur għall-ħatra ta' provditur sostitut. Dawn l-iskatti jistgħu jkunu bbażati fuq il-klassifikazzjoni u/jew mhux ibbażati fuq il-klassifikazzjoni, pereżempju n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi mill-provditur kurrenti.

Artikolu 4

Ammissjoni ta' ċerti talbiet ta' kreditu addizzjonali

1.   Il-BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijet ta' politika monetarja tal-Eurosistema talbiet ta' kreditu li ma jissodisfawx il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-Eurosistema.

2.   Il-BĊNi li jiddeċiedu li jaċċettaw talbiet ta' kreditu skont il-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għal dan il-għan billi jispeċifikaw devjazzjonijiet mir-rekwiżiti tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14. Dawn il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom jinkludu l-kriterju li t-talbiet ta' kreditu huma rregolati mil-liġijiet tal-Istat Membru tal-BĊN li jistabbilixxu l-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju. Il-kriterji għall-eliġibbiltà u miżuri għall-kontroll tar-riskju għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

3.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali il-BĊNi jistgħu, sakemm ikollhom l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv, jaċċettaw talbiet ta' kreditu:

(a)

fl-applikazzjoni tal-kriterji għall-eliġibbiltà u l-miżuri għall-kontroll tar-riskju stabbiliti minn BĊN ieħor bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2; jew

(b)

regolati bil-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih il-BĊN aċċettanti huwa stabbilit, jew

(c)

li huma inklużi fil-ġabra tat-talbiet ta' kreditu jew sostnuti minn assi tal-proprjetà immobbli, jekk il-liġi li tirregola t-talba ta' kreditu jew id-debitur relevanti (jew garanti, fejn dan japplika) hija dik ta' kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex wieħed li fih il-BĊN huwa stabbilit.

4.   BĊN ieħor għandu jipprovdi assistenza biss lil BĊN li qed jaċċetta talbiet ta' kreditu skont il-paragrafu 1 jekk ikun ġie miftiehem bilateralment bejn iż-żewġ BĊNi u bla ħsara għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

Artikolu 5

Aċċettazzjoni ta' ċerti strumenti tad-dejn għal żmien qasir

1.   Il-BĊNi jistgħu jaċċettaw bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema ċerti strumenti ta' dejn għal żmien qasir li ma jissodisfawx il-kriterji ta' eliġibbiltà tal-Eurosistema għal assi negozjabbli kif stabbilit fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   BCNi li jiddeċiedu li jaċċettaw strumenti ta' dejn għal żmien qasir skont il-paragrafu 1, għandhom jistabbilixxu l-kriterji ta' eliġibbiltà u l-miżuri tal-kontroll tar-riskju għal dan l-iskop iżda għandhom jissodisfaw l-istandards minimi speċifikati mill-Kunsill Governattiv. Dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà u miżuri ta' kontroll tar-riskju għandhom jinkludu l-kriterji li ġejjin applikabbli għall-istrumenti tad-dejn għal żmien qasir.

(a)

Huma jinħarġu minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji (22) li huma stabbiliti fiż-żona tal-euro. Il-garanti tal-istrument ta' dejn għal żmien qasir (jekk hemm) għandu jkun ukoll korporazzjoni mhux finanzjarja stabbilita fiż-żona tal-euro sakemm ma tkunx meħtieġa garanzija għall-istrument ta' dejn għal żmien qasir biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet fuq it-twaqqif ta' standards ta' kreditu għoljin kif imsemmi fis-subparagrafu (d).

(b)

M'humiex ammessi għan-negożju f'suq meqjus bħala aċċettabbli mill-Eurosistema kif stabbilit fit-Taqsima 6.2.1.5 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(c)

Huma ddenominati f'euro.

(d)

Huma jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar standards ta' kreditu għoljin stabbiliti mill-BĊN rilevanti li għandhom japplikaw minflok ir-rekwiżiti tat-Taqsimiet 6.3.2 u 6.3.3 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(e)

Minbarra dak stipulat fis-subparagrafi (a) sa (d), huma jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-Eurosistema għal assi negozjabbli stabbiliti fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

3.   BĊN ma jistax jaċċetta, sakemm ma jagħmilx hekk bis-saħħa ta' ftehim bilaterali ma' BĊN ieħor, strumenti ta' dejn għal żmien qasir li jinħarġu fiż-żona tal-euro bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2:

(a)

ma' dak il-BĊN l-ieħor; jew

(b)

ma' depożitorju ċentrali ta' titoli li (i) ġie vvalutat b'mod pożittiv mill-Eurosistema bis-saħħa tal-istandards u proċeduri ta' valutazzjoni deskritti fil-“Qafas għall-valutazzjoni tas-sistemi ta' ħlas ta' titoli u rabtiet għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom għall-użu ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema” (23); u (ii) huwa stabbilit fi Stat Membru taż-żona tal-euro fejn il-BĊN l-ieħor huwa stabbilit.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu “strumenti ta' dejn għal żmien qasir” tfisser strumenti ta' dejn b'maturità ta' mhux iżjed minn 365 jum mal-ħruġ u kull żmien sussegwenti ieħor.

Artikolu 6

Aċċettazzjoni ta' ċerti bonds tal-bank iggarantiti mill-gvern

1.   BĊN m'għandux ikun obbligat jaċċetta bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema bonds ta' bank eliġibbli mhux koperti li:

(a)

ma jissodisfawx ir-rekwiżit tal-Eurosistema ta' standards ta' kreditu għoljin;

(b)

jinħarġu mill-kontroparti li tużahom jew minn entitajiet marbutin mill-qrib mal-kontroparti; u

(c)

huma ggarantiti għal kollox mill-Istat Membru:

(i)

li l-valutazzjoni tal-kreditu ma tikkonformax mar-rekwiżit tal-Eurosistema ta' standards għoljin ta' kreditu għal emittenti u garanti ta' assi negozjabbli kif preskritt fit-Taqsimiet 6.3.1 u 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14; u

(ii)

li huwa konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, kif evalwat mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-Kunsill Governattiv kull meta jiddeċiedu li ma jaċċettawx it-titoli deskritti fil-paragrafu 1 bħala kollateral.

3.   Il-kontropartijiet ma jistgħux jippreżentaw bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema bonds ta' bank mhux koperti maħruġin minnhom stess jew maħruġin minn entitajiet b'rabtiet mill-qrib u ggarantiti minn entità fis-settur pubbliku taż-Żona Ekonomika Ewropea bid-dritt li timponi taxxi li jaqbżu l-valur nominali ta' dawn il-bonds diġa' ppreżentati bħala kollateral fit-3 ta' Lulju 2012.

4.   F'każijiet eċċezzjonali, il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi dwar derogi temporanji mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3 għal massimu ta' tliet snin. Talba għal deroga għandha tkun akkumpanjata minn pjan ta' finanzjament li jindika kif l-użu proprju ta' bonds ta' bank mhux koperti ggarantiti mill-gvern mill-kontroparti li tagħmel it-talba għandu jinqata' f'fażijiet sa mhux aktar tard minn tliet snin wara l-approvazzjoni tad-deroga. Kull deroga mogħtija diġà sa mit-3 ta' Lulju 2012 għandha tkompli tapplika sakemm jasal iż-żmien għar-reviżjoni tagħha.

Artikolu 7

Ammissjoni ta' certi assi ddenominati f'lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan bħala kollateral eliġibbli

1.   Strumenti ta' dejn negozjabbli kif deskritti fit-Taqsima 6.2.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, jekk iddenominati f'lira sterlina, yen jew dollaru Amerikan, għandhom jikkostitwixxu kollateral eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, iżda: (a) għandhom jinħarġu u jinżammu/jitħallsu fiż-żona tal-euro; (b) l-emittent għandu jkun stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea; u (c) għandhom jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà l-oħrajn kollha inklużi fit-Taqsima 6.2.1 tal-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   L-Eurosistema għandha tapplika t-tniżżil fil-valur li ġej għal dawk l-istrumenti ta' dejn negozjabbli: (a) tniżżil ta' 16 % fuq assi ddenominati f'lira sterlina jew dollaru Amerikan; u (b) tniżżil ta' 26 % fuq assi ddenominati f'yen.

3.   Strumenti ta' dejn negozjabbli deskritti fil-paragrafu 1, li jkollhom kupuni marbutin ma' rata waħda tas-suq tal-flus fil-munita tad-denominazzjoni tagħhom, jew ma' indiċi ta' inflazzjoni li ma jkun fiha ebda medda diskreta, akkumulazzjoni ta' meded, ratchet jew strutturi kumplessi simili oħrajn għall-pajjiż rispettiv, għandhom jikkostitwixxu wkoll kollateral eliġibbli għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

4.   Il-BĊE jista' jippubblika lista ta' rati ta' imgħax ta' referenza aċċettabbli ta' muniti barranin oħrajn, flimkien ma' dawk imsemmija fil-paragrafu 3, fuq is-sit elettroniku tiegħu fuq www.ecb.europa.eu, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv.

5.   L-Artikoli 1, 3, 6, 7 u 9 biss ta' din il-Linja Gwida japplikaw għal assi negozjabbli ddenominati f'muniti barranin.

Artikolu 8

Sospensjoni tar-rekwiżiti għal livelli minimi ta' kwalità tal-kreditu għal xi strumenti negozjabbli

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal livelli minimi ta' kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-Eurosistema dwar il-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu għal assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 għandhom jiġu sospiżi skont il-paragrafu 2.

2.   Il-livell minimu ta' kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema m'għandux japplika għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi li l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew il-programm makroekonomiku.

3.   Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika jew ir-Repubblika ta' Ċipru għandhom ikunu soġġetti għat-tnaqqis impost speċifiku stabbilit fl-Annessi I u II ta' din il-Linja Gwida rispettivament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ, implimentazzjoni u applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fid-9 ta' Lulju 2014.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(3), l-Artikolu 3(2), (3), (5) u (6), l-Artikolu 3(7)(g), l-Artikolu 4(3)(c) u l-Artikolu 8(3) u japplikaw din il-Linja Gwida mill-20 ta' Awwissu 2014. Għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi dwar il-miżuri li jirrigwardaw l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 3(2), (3), (5) u (6), l-Artikolu 3(7)(g), l-Artikolu 4(3)(c) u l-Artikolu 8(3) sa mhux iktar tard mis-6 ta' Awwissu 2014, u kull miżura dwar l-Artikolu 5 skont il-proċeduri speċifikati mill-Kunsill Governattiv.

3.   L-Artikolu 6 għandu japplika sat-28 ta' Frar 2015.

Artikolu 10

Emenda għal Linja Gwida BĊE/2007/9

Fil-Parti 5 tal-Anness III l-paragrafu li jsegwi Tabella 2 huwa sostitwit b'li ġej:

“Kalkolu tal-konċessjoni f'somma waħda għal finijiet ta' kontroll (R6):

Konċessjoni f'somma waħda: Il-konċessjoni hija applikata għal kull istituzzjoni ta' kreditu. Kull istituzzjoni ta' kreditu tnaqqas somma waħda massima intiża biex tnaqqas il-kost amministrattiv tal-ġestjoni ta' ħtiġijiet ta' riżerva żgħira ħafna. Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] tkun anqas minn EUR 100 000, allura l-konċessjoni f'somma waħda għandha tkun [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva]. Jekk [bażi tar-riżerva × proporzjon tar-riżerva] tkun akbar minn jew ugwali għal EUR 100 000, allura l-konċessjoni f'somma waħda għandha tkun ugwali għal EUR 100 000. Istituzzjonijiet li jitħallew jirrapportaw dejta statistika fir-rigward tal-bażi ta' rizerva kkonsolidata tagħhom bħala grupp (kif definit fil-Parti 2, Taqsima 1 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32)) iżommu r-riżervi minimi permezz ta' waħda mill-istituzzjonjiet fil-grupp li qed taġixxi bħala intermedjarja esklussivament għal dawn l-istituzzjonijiet. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (*), huwa biss f'dan l-aħħar każ li l-grupp sħiħ huwa intitolat li jnaqqas il-konċessjoni f'somma waħda.

Ir-riżervi minimi (jew ‘meħtieġa’) jinħadmu kif ġej:

Riżervi minimi (jew ‘meħtieġaf’) = bażi ta' riżerva × proporzjon ta' riżerva — konċessjoni f'somma waħda

Il-proporzjon ta' riżerva japplika skont Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 11

Revoka

1.   Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 hija revokata mill-20 ta' Awwissu 2014.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida BĊE/2013/4 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw b'mod konformi mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 12

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Il-Linja Gwida BĊE/2013/4 tal-20 ta' Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 ġiet emendata b'mod sostanzjali (ĠU L 95, 5.4.2013, p. 23).

(2)  Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).

(3)  Deċiżjoni BĊE/2011/25 tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 341, 22.12.2011, p. 65).

(4)  Linja Gwida BĊE/2007/9 tal-1 ta' Awwissu 2007 dwar l-istatistika monetarja, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq (ĠU L 341, 27.12.2007, p. 1.).

(5)  Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 300-306).

(6)  Regolament (UE) Nru 1358/2011 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 14 ta' Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (BĊE/2011/26) (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 51).

(7)  Deċiżjoni BĊE/2012/4 tal-21 ta' Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 91, 29.3.2012, p. 27).

(8)  Deċiżjoni BĊE/2012/12 tat-3 ta' Lulju 2012 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2011/25 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 186, 29.3.2012, p. 38).

(9)  Il-Linja Gwida BĊE/2012/18 tat-2 ta' Awwisu 2012 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 218, 15.8.2012, p. 20).

(10)  Linja Gwida BĊE/2012/23 tal-10 ta' Ottubru 2012 li temenda il-Linja Gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 284, 17.10.2012, p. 14).

(11)  Linja Gwida BĊE/2013/2 tat-23 ta' Jannar 2013 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/18 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 34, 29.3.2012, p. 18).

(12)  DeċiżjoniBĊE/2012/34 tad-19 ta' Diċembru 2012 dwar bidliet temporanji fir-regoli li jirrigwardaw l-eliġibbiltà ta' kollateral denominat f'munita barranija (OJ L 14, 18.1.2013, p. 22).

(13)  Deċiżjoni BĊE/2011/4 tal-31 ta' Marzu 2011 dwar mizuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Irlandiż (ĠU L 94, 8.4.2011, p. 33).

(14)  Deċiżjoni BĊE/2011/10 tas-7 ta' Lulju 2011 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Portugiż (ĠU L 182, 12.7.2011, p. 31).

(15)  Deċiżjoni BĊE/2012/32 tad-19 ta' Diċembru 2012 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika (ĠU L 359, 29.12.2012, p. 74).

(16)  Deċiżjoni BĊE/2013/22 tal-5 ta' Lulju 2013 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mir-Repubblika ta' Ċipru (ĠU L 195, 18.7.2013, p. 27).

(17)  Linja Gwida BĊE/2014/12 tat-12 ta' Marzu 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/4 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 166, 5.6.2014, p. 42).

(18)  Deċiżjoni BĊE/2013/36 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 13).

(19)  Gradazzjoni ta' “triple B” hija gradazzjoni ta' mill-anqas “Baa3” minn Moody's, “BBB-” minn Fitch jew Standard & Poor's, jew “BBBL” minn DBRS.

(20)  Gradazzjoni ta' “single A” hija gradazzjoni ta' mill-anqas “A3” minn Moody's, “A-” minn Fitch jew Standard & Poor's, jew “AL” minn DBRS.

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(22)  Korporazzjonijiet mhux finanzjarji huma ddefiniti kif ipprovdut fis-Sistema Ewropea ta' Kontijiet 1995 (ESA 95).

(23)  Jinsab fis-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.


ANNESS I

Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika

Bonds tal-Gvern Grieg (GGBs — Greek Government bonds)

Medda ta' maturità

Tnaqqis impost għal kupuni fissi u floaters

Tnaqqis impost għal kupun żero

0-1

15,0

15,0

1-3

33,0

35,5

3-5

45,0

48,5

5-7

54,0

58,5

7-10

56,0

62,0

> 10

57,0

71,0

Bonds ta' bank iggarantiti minn Gvern (GGBBs) u bonds korporattivi mhux finanzjarji ggarantiti minn gvern

Medda ta' maturità

Tnaqqis impost għal għal kupuni fissi u floaters

Tnaqqis impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

42,5

45,0

3-5

55,5

59,0

5-7

64,5

69,5

7-10

67,0

72,5

> 10

67,5

81,0


ANNESS II

Skeda ta' telf impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika ta' Ċipru

Bonds tal-Gvern

Medda ta' maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

14,5

14,5

1-3

27,5

29,5

3-5

37,5

40,0

5-7

41,0

45,0

7-10

47,5

52,5

> 10

57,0

71,0

Bonds tal-bank iggarantiti mill-Gvern u bonds ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji iggarantiti mill-gvern

Medda ta' maturità

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

37,0

39,0

3-5

47,5

50,5

5-7

51,5

55,5

7-10

58,0

63,0

> 10

68,0

81,5


ANNESS III

LINJA GWIDA REVOKATA BL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

Linja Gwida BĊE/2013/4 (ĠU L 95, 5.4.2013, p. 23)

Linja Gwida BĊE/2014/12 (ĠU L 166, 5.6.2014, p. 42)


ANNESS IV

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Linja Gwida BĊE/2013/4

Din il-Linja Gwida

Artikoli 1 u 2

Artikoli 1 u 2

Artikolu 3(4) u (5)

Artikolu 3(4) u (5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 3(7)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 3(6)(1)

Artikolu 3(7)(a)

Artikolu 3(6)(2)

Artikolu 3(7)(b)

Artikolu 3(6)(3)

Artikolu 3(7)(c)

Artikolu 3(6)(4)

Article 3(7)(d)

Artikolu 3(6)(5)

Artikolu 3(7)(e)

Artikolu 3(6)(6)

Artikolu 3(7)(f)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Linja Gwida BĊE/2014/12

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(2)

Artikolu 3(1)

Deċiżjoni BĊE/2013/22

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(2)

Artikolu 8(3)

Anness

Anness II

Deċiżjoni BĊE/2013/36

Din il-Linja Gwida

Artikolu 2(1)(a)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(1)(b)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(7)(g)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(6)

Artikolu 4(c)

Artikolu 4(3)(ċ)


Top