EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0029(01)

2014/477/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta' Lulju 2014 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta' dejta superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (BĊE/2014/29)

OJ L 214, 19.7.2014, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/08/2023; Imħassar b' 32023D1681 repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer|http://publications.europa.eu/resource/authority/fd_365/repealing.act.provisional.date.notification.disclaimer

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/477/oj

19.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/34


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta' Lulju 2014

dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta' dejta superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014

(BĊE/2014/29)

(2014/477/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament dwar il-Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 u l-Artikolu 140(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

L-istituzzjonijiet ta' kreditu huma soġġetti għal rekwiżiti ta' rapportar regolari skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (4).

(2)

FI ħdan il-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu kompetenza esklussiva biex iwettaq, għal skopijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti stipulati fl-Artikolu 4 ta' dak ir-regolament. Il-BĊE għandu, meta jwettaq dawk il-kompiti, jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li jimponu rekwiżiti prudenzjali fuq istituzzjonijiet ta' kreditu fir-rigward tar-rapportar.

(3)

B'mod konformi mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u l-Artikolu 21 tar-Regolament Qafas tal-MSU, kemm il-BĊE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma soġġetti għal obbligu li jiskambjaw l-informazzjoni. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament informazzjoni rrapportata, jew li jkollu aċċess dirett għal dik l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu speċifikament lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(4)

Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regolament Qafas dwar l-MSU, l-entitajiet taħt superviżjoni huma obbligati li jikkomunikaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali relevanti tagħhom kull informazzjoni li għandha tiġi rrapportata fuq bażi regolari, skont il-liġi tal-Unjoni relevanti. Ħlief jekk ikun ipprovdut speċifikament mod ieħor, kull informazzjoni rrapportata mill-entitajiet taħt superviżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawn l-awtoritajiet għandhom iwettqu l-verifiki tad-dejta inizjali u jagħmlu l-informazzjoni rrapportata mill-entitajiet taħt superviżjoni disponibbli għall-BĊE.

(5)

Sabiex jiġu eżerċitati l-kompiti tal-BĊE fir-rigward ta' rapportar superviżorju, jeħtieġ li jiġi speċifikat ulterjorment il-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jissottomettu lill-BĊE l-informazzjoni li huma jirċievu mingħand entitajiet taħt superviżjoni. B'mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati ulterjorment il-formats, il-frekwenza u l-waqt ta' kull sottomissjoni ta' informazzjoni, kif ukoll id-dettalji tal-kontrolli tal-kwalità li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu qabel ma jissottomettu informazzjoni lill-BĊE.

(6)

B'mod konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-membri tal-Bord Superviżorju, il-persunal tal-BĊE u l-persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji huma soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-liġi relevanti tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-iskambju ta' informazzjoni u segretezza professjonali stipulati fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Qafas tal-MSU, din id-Deċiżjoni tistipula l-proċeduri li jikkonċernaw is-sottomissjoni lill-BĊE ta' dejta rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni fuq il-bażi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament Qafas tal-MSU.

Artikolu 3

Dati ta' spedizzjoni

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu lill-BĊE d-dejta msemmija fl-Artikolu 1 u rrapportata lilhom mill-gruppi taħt superviżjoni u l-entitajiet taħt superviżjoni fid-dati ta' spedizzjoni li ġejjin:

(1)

sa 12.00 nofsinhar Ħin Ċentrali Ewropew (Central European Time — CET) (6) fl-għaxar jum ta' xogħol wara d-dati ta' spedizzjoni li ssir referenza għalihom fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 fir-rigward ta':

(a)

gruppi sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti;

(b)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li ma humiex parti minn grupp taħt superviżjoni;

(c)

gruppi taħt superviżjoni f'livell subkonsolidat u entitajiet taħt superviżjoni li huma parti minn grupp taħt superviżjoni meta jiġu kklassifikati bħala sinifikanti skont il-kriterju tal-aktar tliet istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti fl-Istat Membru tagħhom;

(d)

gruppi oħra taħt superviżjoni u entitajiet taħt superviżjoni li huma inklużi fil-lista ta' istituzzjonijiet koperti mir-rapportar lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ABE/DC/090 (7);

(2)

sal-ħin tal-għeluq tax-xogħol fil-25 jum tax-xogħol wara d-dati ta' spedizzjoni li għalihom issir referenza fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 fir-rigward ta':

(a)

gruppi sinifikanti taħt superviżjoni f'livell subkonsolidat sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1;

(b)

entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li jkunu parti minn grupp taħt superviżjoni sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1;

(3)

sal-ħin tal-għeluq tax-xogħol fil-25 jum tax-xogħol wara d-dati ta' spedizzjoni li għalihom issir referenza fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 fir-rigward ta':

(a)

gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1;

(b)

entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li ma jkunux parti minn grupp taħt superviżjoni sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1;

(4)

sal-ħin tal-għeluq tan-negozju fil-35 jum tax-xogħol wara d-dati ta' spedizzjoni li għalihom issir referenza fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 fir-rigward ta':

(a)

gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni f'livell subkonsolidat sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1;

(b)

entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni li jkunu parti minn grupp taħt superviżjoni sakemm dik id-dejta ma tkunx ġiet sottomessa b'mod konformi mas-subparagrafu 1.

Artikolu 4

Kontrolli tal-kwalità tad-dejta

(1)   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jimmonitorjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-BĊE. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom japplikaw ir-regoli ta' validazzjoni speċifikati fl-Anness XV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 żviluppat u mantnut mill-ABE u għandhom japplikaw il-kontrolli tal-kwalità tad-dejta addizzjonali ddefiniti mill-BĊE b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(2)   Minbarra l-konformità mar-regoli ta' validazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità, id-dejta għandha tiġi ppreżentata skont l-istandards minimi addizzjonali li ġejjin għall-finijiet ta' preċiżjoni:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu informazzjoni, jekk applikabbli, dwar l-iżviluppi implikati mid-dejta ppreżentata; u

(b)

l-informazzjoni għandha tkun kompluta: il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti, spjegati lill-BĊE u, jekk applikabbli, għandhom jiġu solvuti mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 5

Informazzjoni kwalitattiva

(1)   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed l-ispjegazzjonijiet korrispondenti f'każ li l-kwalità tad-dejta għal tabella partikolari fit-tassonomija ma tkunx iġġustifikata.

(2)   Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-BĊE r-raġunijiet għal kull reviżjoni sinifikanti ppreżentata.

Artikolu 6

Speċifikazzjoni tal-format tat-trażmissjoni

(1)   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu d-dejta speċifikata f'din id-Deċiżjoni skont l-eXtensible Business Reporting Language taxonomy sabiex jipprovdu format tekniku uniformi għall-iskambju ta' dejta li tirrigwarda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.

(2)   L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu identifikati fit-trażmissjoni korrispondenti bl-użu tal-(pre-) Legal Entity Identifier.

Artikolu 7

L-ewwel dati ta' referenza għar-rapportar

(1)   L-ewwel dati ta' referenza għar-rapportar deskritti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu dawk speċifikati fl-Artikolu 8.8.1 tad-Deċiżjoni ABE/DC/090.

(2)   L-ewwel data ta' referenza għar-rapportar deskritt fl-Artikolu 3(2), (3) u (4) għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 8

Dispożizzjoni tranżitorja

(1)   Għad-data ta' referenza għar-rapportar fl-2014, id-dati ta' spedizzjoni għar-rapportar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti deskritti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu dawk speċifikati fl-Artikolu 8.8.2 tad-Deċiżjoni ABE/DC/090.

(2)   Mid-data ta' referenza għar-rapportar tal-31 ta' Diċembru 2014 sad-data ta' referenza għar-rapportar tal-31 ta' Diċembru 2015, id-dati ta' spedizzjoni għar-rapportar mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti deskritti fl-Artikolu 3(3) għandhom ikunu l-ħin tal-għeluq tan-negozju tat-30 jum tax-xogħol wara l-jum meta l-entitajiet taħt superviżjoni jkunu ssottomettew dejta lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

(3)   Qabel l-4 ta' Novembru 2014, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu lill-BĊE d-dejta msemmija fl-Artikolu 1 fir-rigward ta':

(a)

gruppi taħt superviżjoni u entitajiet taħt superviżjoni li jkunu soġġetti għall-valutazzjoni komprensiva skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/3 (8);

(b)

gruppi oħrajn taħt superviżjoni u entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti meta jkunu inklużi fil-lista ta' istituzzjonijiet koperti mir-rapportar lill-ABE b'mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ABE/DC/090.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, it-2 ta' Lulju 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' rapportar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).

(5)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Is-CET iqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (Central European Summer Time).

(7)  Deċiżjoni ABE/DC/090 tal-24 ta' Jannar 2014 tal-Awtorità Bankarja Ewropew dwar rapportar mill-awtoritajiet kompetenti għall-ABE. Disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.eba.europa.eu

(8)  Deċiżjoni BĊE/2014/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma soġġetti għall-valutazzjoni komprensiva (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 107).


Top