EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014O0025

2014/340/UE: Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Linja Gwida ECB/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2) (BĊE/2014/25)

OJ L 168, 7.6.2014, p. 120–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/03/2023; Impliċitament imħassar minn 32022O0912

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2014/340/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/120


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Ġunju 2014

li temenda l-Linja Gwida ECB/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system (TARGET2)

(BĊE/2014/25)

(2014/340/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel u r-raba' inċiżi tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi minn żmien għal żmien li jnaqqas ir-rata tal-faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija.

(2)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar ċerti limiti massimi għar-remunerazzjoni fuq depożiti tal-gvern, li huma speċifikati fil-Linja Gwida BĊE/2014/9 (1).

(3)

Il-limitazzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-Gvern miżmuma minn BĊNi bħala aġenti fiskali skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu speċifikati sabiex tinkiseb il-politika monetarja unika, b'mod partikolari sabiex jiġu pprovduti inċentivi għat-tqegħid ta' depożiti tal-gvern fis-suq, li jiffaċilita l-ġestjoni tal-likwidità u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta' limitu massimu fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern ibbażati fuq rati tas-suq monetarju tikkjarifika l-kriterji u tiffaċilita l-immonitorjar tal-konformità min-naħa tal-BĊNi mal-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju mwettaq mill-BĊE b'mod konformi mal-Artikolu 271(d) tat-Trattat.

(4)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (2) tispeċifika r-remunerazzjoni fuq il-kontijiet tal-Modulu tal-Ħlasijiet u s-sottokontijiet tagħhom, li jistgħu jinterferixxu mal-prinċipji ġenerali dwar ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern kif approvati mill-Kunsill Governattiv u d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex titbaxxa r-rata tal-faċilità ta' depożitu għal taħt iż-żero fil-mija kif imsemmi fil-premessa 1.

(5)

Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2012/27 għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(6)

Għall-finijiet tal-limitazzjoni fuq ir-remunerazzjoni għal depożiti tal-gvern, il-Linja Gwida BĊE/2012/27 għandha titqies bħala lex specialis b'rabta mal-Linja Gwida BĊE/2014/9. F'każ ta' diskrepanza mal-prinċipji ġenerali dwar ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern kif approvati mill-Kunsill Governattiv, din tal-ewwel għandha tirbaħ. B'hekk, il-kontijiet tal-PM u s-sottokontijiet tagħhom għandhom neċessarjament jiġu rremunerati b'żero fil-mija jew bir-rata tal-faċilità ta' depożitu, skont liema tkun l-aktar baxxa, waqt li ma jitqiesux għal dawn il-finijiet kwalunkwe remunerazzjonijiet li possibbilment jistgħu jkunu ogħla li jkunu disponibbli għall-gvernijiet taħt il-Linja Gwida BĊE/2014/9,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2012/27 hija emendata skont kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2, huma miżjuda d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(54)

‘faċilità ta' depożitu’ tfisser faċilità permanenti tal-Eurosistema li l-kontropartijiet jistgħu jużaw biex jagħmlu depożiti matul il-lejl ma' BĊN bir-rata ta' depożitu speċifikata minn qabel;

(55)

‘rata tal-faċilità ta' depożitu’ tfisser ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-faċilità ta' depożitu.”

2.

fl-Anness II, huma miżjuda d-definizzjonijiet li ġejjin:

“—

‘faċilità ta' depożitu’ tfisser faċilità permanenti tal-Eurosistema li l-kontropartijiet jistgħu jużaw biex jagħmlu depożiti matul il-lejl ma' BĊN bir-rata ta' depożitu speċifikata minn qabel.

‘rata tal-faċilità ta' depożitu’ tfisser ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-faċilità ta' depożitu.”

3.

fl-Anness II, l-Artikolu 12(5) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“5.   il-kontijiet PM u s-sottokontijiet tagħhom għandhom jiġu rremunerati bir-rata ta' żero fil-mija jew ir-rata tal-faċilità ta' depożitu, skont liema tkun l-aktar baxxa, ħlief jekk jintużaw biex iżommu r-riżervi minimi meħtieġa. F'dak il-każ, il-kalkolu u l-ħlas ta' remunerazzjoni għaż-żamma ta' riżervi minimi għandhom jiġu rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru 1998 li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni ta' riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (*) u r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta' riżervi minimi (BĊE/2003/9) (**).

(*)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1."

(**)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.”"

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-BĊNi li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-jum sitt ġimgħat wara l-jum meta din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar it-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-jum erba' ġimgħat wara l-jum meta din il-Linja Gwida tidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Ġunju 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Il-Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56).

(2)  Il-Linja Gwida BĊE/2012/27 tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (ĠU L 30, 30.1.2013, p. 1).


Top