EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017HB0018

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/18) (ippreżentata mill-Bank Ċentrali Ewropew)

OJ C 212, 1.7.2017, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 212/14


Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2017/18)

(ippreżentata mill-Bank Ċentrali Ewropew)

(2017/C 212/04)

MEMORANDUM SPJEGATTIV

I.   INTRODUZZJONI

Fl-4 ta’ Marzu 2015, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fil-Kawża T-496/11 Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Bank Ċentrali Ewropew  (1). Il-Qorti Ġenerali qalet li l-Bank Ċentrali Ewropew (il-BĊE) m’għandux il-kompetenza meħtieġa biex jirregola l-attività ta’ sistemi tal-ikklerjar, inklużi kontropartijiet ċentrali (CCPs). Għal dik ir-raġuni, il-Qorti Ġenerali annullat il-Qafas tal-Politika ta’ Sorveljanza tal-Eurosistema li ġiet ippubblikata mill-BĊE fil-5 ta’ Lulju 2011, inkwantu din stabbilixxiet bħala rekwiżit li s-CCPs ikunu jinsabu fi Stat Membru taż-żona tal-euro.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Artikolu 129(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi għal proċedura emendatorja simplifikata fir-rigward ta’ ċerti artikoli tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”). Dan jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, hekk kif jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE jew proposta mill-Kummissjoni, biex jemendaw l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li huwa l-kompitu tal-BĊE biex jitlob lil-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea biex temenda l-Artikolu 22, jekk il-BĊE jidhirlu li huwa neċessarju li jkollu s-setgħa li jirregola s-CCPs sabiex ikun jista’ jwettaq kif suppost il-kompitu msemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat.

Żviluppi sinifikanti fuq livell kemm globali kif ukoll Ewropew huma mistennija li jżidu r-riskji li joħolqu s-sistemi tal-ikklerjar, b’mod partikolari s-CCPs, għat-tħaddim mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika, li finalment jaffettwaw l-objettiv ewlieni tal-Eurosistema li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-BĊE jissottometti din ir-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ. Skont l-Artikolu 40.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill GOvernattiv adotta r-rakkomandazzjoni b’unanimità. Ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

II.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Disturbi li jaffettwaw is-CCPs jista’ jkollhom impatt fuq l-objettiv ewlieni tal-Eurosistema li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet permezz ta’ diversi kanali. L-ewwel nett, dawk id-disturbi jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fiż-żona tal-euro, biex b’hekk potenzjalment iħarbtu t-tħaddim mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas taż-żona tal-euro. Dan jista’ jwassal għal domanda akbar għal likwidità tal-banek ċentrali u sfidi possibbli fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika tal-Eurosistema. It-tieni nett, dawk id-disturbi jistgħu jagħmlu ħsara lit-tħaddim ta’ segmenti tas-suq finanzjarju li jkunu kruċjali għat-trasmissjoni tal-politika monetarja.

Fl-2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) li jistabbilixxi, inter alia, il-qafas regolatorju u superviżorju sabiex jiġi żgurat li s-CCPs huma siguri u sodi u jikkonformaw f’kull ħin ma’ rekwiżiti strinġenti organizzazzjonali, tal-kondotta fin-negozju u prudenzjali. Dan il-qafas regolatorju jinkludi arranġamenti ta’ sorveljanza kollettivi fil-forma ta’ kulleġġi, li jipprovdu għall-involviment tal-Eurosistema, inkluż taħt sitwazzjonijiet ta’ stress fejn l-istabbiltà tal-munita tista’ tkun tinsab f’riskju. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza sistemika li qiegħda tikber tas-CCPs, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Regolament dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ CCPs (3).

Żviluppi sinifikanti fuq livell kemm globali kif ukoll Ewropew huma mistennija li jżidu r-riskji li joħolqu s-sistemi tal-ikklerjar, b’mod partikolari s-CCPs, għat-tħaddim mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika, li finalment jaffettwaw l-objettiv ewlieni tal-Eurosistema li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

L-ewwel nett, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ser ikollu impatt kbir fuq l-abbiltà tal-Eurosistema biex twettaq il-kompiti tagħha bħala bank ċentrali għall-ħruġ tal-euro. Preżentament, CCPs stabbiliti fir-Renju Unit jikklerjaw volumi sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro: il-valuri stmati ta’ kuljum ta’ repos iddenominati f’euro u pożizzjonijiet miftuħa fi swaps tar-rati tal-imgħax iddenominati f’euro huma rispettivament EUR 101 biljun u EUR 33 triljun (madwar 99 % tas-suq tal-Unjoni) (4). B’hekk, disturb sinifikanti li jaffettwa CCP ewlieni tar-Renju Unit jista’ jwassal għal tnaqqis drastiku fil-likwidità fi ħdan iż-żona tal-euro. L-abbiltà tal-Eurosistema li timmonitorja u tiġġestixxi r-riskji li jippreżentaw is-CCPs tar-Renju Unit ser jiġu affettwati b’mod avvers jekk is-CCPs tar-Renju Unit ma jibqgħux soġġetti għall-qafas regolatorju u superviżorju għas-CCPs tal-Unjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Barra minn hekk, l-arranġamenti preżenti bejn il-BĊE u l-Bank of England għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni fir-rigward ta’ CCPs tar-Renju Unit b’kummerċ sinifikanti ddenominat f’euro jibnu fuq, iżda ma jistgħux jissostitwixxu, arranġamenti superviżorji kollettivi fil-forma ta’ kulleġġi stabbiliti taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Fil-futur, is-CCPs tar-Renju Unit jistgħu minflok ikunu soġġetti biss għar-reġim applikabbli għal CCPs ta’ pajjiżi terzi taħt dak ir-Regolament.

It-tieni nett, l-ikklerjar ċentrali sar ta’ natura dejjem aktar transkonfinali u sistemikament importanti. Fis-summit ta’ Settembru 2009 f’Pittsburgh, il-mexxejja tal-G20 ftiehmu li l-kuntratti derivattivi OTC standardizzati kollha għandhom jiġu kklerjati permezz ta’ CCP. Dan l-impenn ġie affermat mill-ġdid mill-mexxejja tal-G20 f’Ġunju 2010, u implimentat fl-Unjoni bir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ swieq finanzjarji tal-Unjoni fissret li s-CCPs evolvew minn stat fejn primarjament kienu jaqdu bżonnijiet u swieq domestiċi għal stat fejn jikkostitwixxu infrastrutturi kritiċi fis-swieq finanzjarji tal-Unjoni. Dawn l-iżviluppi wasslu għal żieda drammatika fl-iskala u l-importanza tas-CCPs fl-Unjoni u globalment.

It-tielet nett, fit-13 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta leġiżlattiva tagħha sabiex tiżgura stabbiltà finanzjarja u s-sigurtà u s-sodezza ta’ CCPs li huma ta’ relevanza sistemika għas-swieq finanzjarji madwar l-Unjoni (5). Il-proposta tal-Kummissjoni trid tintroduċi superviżjoni aktar integrata mis-superviżuri u r-responsabbiltajiet għal bank ċentrali emittenti sabiex jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ swieq kapitali integrati b’mod aktar profond u aħjar. Hija qiegħda tfittex ukoll li tindirizza l-kwistjonijiet li jqumu mill-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni u sabiex tiżgura li s-CCPs li għandhom rwol sistemiku importanti għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni jkunu soġġetti għal salvagwardji pprovduti mill-qafas legali tal-Unjoni.

F’dan il-kuntest sabiex jiġi żgurat li l-Eurosistema bħala bank ċentrali ta’ ħruġ għall-euro jista’ jaqdi r-rwol previst mill-proposta leġiżlattiva, hija ta’ importanza primarja li jkollu s-setgħat rilevanti skont it-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ. L-Eurosistema għandu jkollha s-setgħa li timmonitorja u tevalwa r-riskji li jinħolqu minn CCPs li jikklerjaw ammonti sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, s-setgħat regolatorji li jiġu adottati valutazzjonijiet vinkolanti u li tkun meħtieġa azzjoni korrettiva, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħrajn tal-Unjoni b’risposta għal riskji li jaffettwaw il-kompiti bażiċi u l-objettiv ewlieni tal-Eurosistema. Barra minn hekk, fejn ikun meħtieġ sabiex tiġi protetta l-istabbiltà tal-euro, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat regolatorji barra mill-qafas tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jadotta rekwiżiti addizzjonali għal CCPs involuti fl-ikklerjar ta’ ammonti sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-BĊE jikkunsidra li huwa neċessarju li jingħata s-setgħa li jirregola s-sistemi tal-ikklerjar, b’mod partikolari s-CCPs, sabIex ikun jista’ jwettaq kif suppost il-kompiti bażiċi tiegħu msemmija fl-ewwel u fir-raba’ inċiżi tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat.

Rakkomandazzjoni għal

“DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 129(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 40.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (*1),

Waqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-kompiti bażiċi li għandhom jitwettqu permezz tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) jinkludu d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni u l-promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas. Infrastrutturi tas-suq finanzjarju siguri u effiċjenti, b’mod partikolari sistemi tal-ikklerjar, huma essenzjali għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti bażiċi.

(2)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, biex jiżgura sistemi tal-ikklerjar u ta’ ħlas effiċjenti u sodi fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħrajn.

(3)

Fl-4 ta’ Marzu 2015, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha f’Ir-Renju Unit vs il-BĊE, Kawża T-496/11 (6), li qalet li l-BĊE m’għandux il-kompetenza meħtieġa biex jirregola l-attività ta’ sistemi tal-ikklerjar. Il-Qorti Ġenerali stqarret li l-Artikolu 129(3) tat-Trattat jippermetti lill-Parlament u lill-Kunsill, hekk kif jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE, biex jemendaw l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali (iktar ‘il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”). Il-Qorti kkonkludiet li ‘huwa l-kompitu tal-BĊE, fil-każ li jqis li r-rikonoxximent favur tiegħu ta’ setgħa regolatorja tal-infrastrutturi li jwettqu clearing ta’ operazzjonijiet fuq titoli huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-ħidma prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, li jitlob lil-leġiżlatur tal-Unjoni emenda għall-Artikolu 22 tal-Istatuti, billi jiżdied riferiment espliċitu għas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli.’

(4)

Żviluppi sinifikanti fuq livell kemm globali kif ukoll Ewropew huma mistennija li jżidu r-riskji li disturbi li jaffettwaw is-sistemi tal-ikklerjar, b’mod partikolari kontropartijiet ċentrali (CCPs), jheddu t-tħaddim mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika, li finalment jaffettwaw l-objettiv ewlieni tal-Eurosistema li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(5)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-Intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Il-ħruġ tar-Renju Unit ser iwassal għal bidla fundamentali fil-mod kif ċerti attivitajiet ta’ kklerjar ddenominati f’euro li huma sistemikament importanti huma rregolati, issorveljati u miżmuma taħt superviżjoni, biex b’hekk tiġi affetwata b’mod avvers l-abbiltà tal-Eurosistema li timmonitorja u tiġġestixxi r-riskji għat-tħaddim mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas, u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(6)

L-ikklerjar ċentrali qiegħed isir dejjem aktar ta’ natura transkonfinali u sistemikament importanti. Minħabba s-sħubija diversa tagħhom u n-natura pan-Ewropea tas-servizzi finanzjarji li jipprovdu, is-CCPs huma ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni kollha kemm hi, u b’mod partikolari għaż-żona tal-euro. Dan huwa rifless fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li jistabbilixxi arranġamenti superviżorji kollettivi fil-forma ta’ kulleġġi, komposti mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni relevanti, inkluża l-Eurosistema fir-rwol tagħha bħala l-bank ċentrali emittenti tal-euro.

(7)

Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, fit-13 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta leġiżlattiva tagħha sabiex tiżgura l-istabbiltà finanzjarja u s-sigurezza u s-sodezza ta’ CCPs li huma ta’ relevanza sistemika għal swieq finanzjarji madwar l-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-Eurosistema bħala bank ċentrali ta’ ħruġ għall-euro jista’ jaqdi r-rwol previst fil-proposta leġiżlattiva, huwa ta’ importanza primarja li jkollha s-setgħat rilevanti skont it-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ. B’mod partikolari, l-Eurosistema għandu jkollha setgħat regolatorji biex tadotta valutazzjonijiet vinkolanti u biex teħtieġ azzjoni korrettiva, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħrajn tal-Unjoni. Barra minn hekk, meta jkun neċessarju biex tiġi protetta l-istabbiltà tal-euro, il-BĊE għandu jkollu wkoll is-setgħat regolatorji biex jadotta rekwiżiti addizzjonali għal CCPs involuti fl-ikklerjar ta’ ammonti sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro.

(8)

L-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa parti mill-Kapitolu IV “Funzjonijiet u operazzjonijiet monetarji tas-SEBĊ”. Il-kompiti mogħtijin minnu għandhom għalhekk jintużaw biss għall-finijiet tal-politika monetarja.

(9)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-BĊE għandu jingħata kompetenza regolatorja fuq sistemi tal-ikklerjar, b’mod partikolari CCPs, permezz ta’ emenda għall-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Sistemi tal-ikklerjar u sistemi ta’ ħlas

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, biex jiżgura sistemi tal-ikklerjar u tal-ħlas effiċjenti u sodi, u sistemi tal-ikklerjar għal strumenti finanzjarji, fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħrajn.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.”

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Ġunju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ECLI: EU:T:2015:133.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365 (COM(2016) 856 final).

(4)  LCH.Clearnet Ltd CPMI-IOSCO, informazzjoni pubblika dwar żvelar kwantitattiv, Jannar 2017.

(5)  COM(2017) 331 finali.

(*1)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ECLI: EU:T:2015:133.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


Top