EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R2157

Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4)

OJ L 264, 12.10.1999, p. 21–26 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Estonian: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Latvian: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Lithuanian: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Hungarian Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Maltese: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Polish: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Slovak: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Slovene: Chapter 01 Volume 003 P. 139 - 144
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 5 - 10
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 5 - 10
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 008 P. 3 - 8

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/06/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2157/oj

31999R2157



Official Journal L 264 , 12/10/1999 P. 0021 - 0026


Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999

tat-23 Settembru 1999

dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet

(BĊE/1999/4)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ it-Trattat) u b'mod partikolari l-Artikolu 110(3) tiegħu, l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ l-Istatut) u b'mod partikolari l-Artikoli 34.3 u 19.1 tiegħu, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet [1] (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-Regolament tal-Kunsill) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu;

Billi:

(1) skond l-Artikolu 34.3 ta' l-Istatut, b'għaqda ma' l-Artikolu 43.1 ta' l-Istatut, il-paragrafu 8 tal-Protokoll Nru 25 dwar ċerti disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq u l-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 26 dwar ċerti disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-Danimarka, dan ir-Regolament ma għandu jagħti l-ebda dritt u jimponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru non-parteċpanti;

(2) ir-Regolament tal-Kunsill stabbilixxa l-limiti u l-kondizzjonijiet li fuqhom il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt li jimponi multi jew pagamenti perjodiċi ta' penalità fuq impriżi li jonqsu milli jħarsu l-obbligi li jaqgħu taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tiegħu;

(3) l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill jipprovdi lill-BĊE bil-poter regolatorju sabiex jispeċifika l-arranġamenti li bihom is-sanzjonijiet jistgħu jkunu imposti bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill;

(4) Regolamenti oħra tal-Kunsill jew tal-BĊE jistgħu jipprovdu għal sanzjonijiet speċifiċi f'oqsma speċifiċi u jistgħu jirreferu għal dan ir-Regolament għall-prinċipji u l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' l-imposizzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet;

(5) meta jkun qiegħed iwettaq il-proċedura biex jistabbilixxi s-sanzjoni applikabbli, il-BĊE għandu jassigura l-iktar rispett wiesa' possibbli għad-drittijiet ta' difiża ta' partijiet terzi, bi qbil mal-prinċipji ġenerali tal-liġi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-materja, partikolarment ġurisprudenza eżistenti li għandha x'taqsam mal-poteri ta' inkjesti mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni;

(6) ma hemm l-ebda ostaklu legali għall-iskambju ta' tagħrif fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskoperta ta' ksur tar-Regolamenti jew Deċiżjonijiet tal-BĊE;

(7) il-prinċipju ne bis in idem rigward il-ftuħ ta' proċeduri ta' infrazzjoni għandu jkun rispettat;

(8) ir-regoli li jirregolaw il-poteri tal-BĊE u tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti fil-kwadru tal-proċedura ta' infrazzjoni għandhom jassiguraw it-twettieq effettiv ta' investigazzjoni bl-akbar reqqa ta' ksur allegat, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni għad-drittijiet ta' difiża ta' l-impriża interessata u l-kunfidenzjalità fil-proċedura ta' infrazzjoni;

(9) tista' tinħtieġ għajnuna mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri biex jassiguraw l-eżerċizzju effettiv tal-poteri tal-BĊE u tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti biex iwettqu l-proċedura ta' infrazzjoni;

(10) l-impriża interessata għandha jkollha d-dritt li tkun mismugħa ġaladarba l-istadju ta' inkjesta, jekk ikun hemm, tal-proċedura ta' infrazzjoni jitlesta u ġaladarba tkun irċeviet ir-riżultat fattwali ta' l-inkjesta u n-notifika ta' l-oġġezzjonijiet;

(11) proċedura ta' infrazzjoni għandha titwettaq bla ħsara għall-prinċipji ta' kunfidenzjalità u segretezza professjonali; il-kunfidenzjalità jew segretezza professjonali ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet ta' difiża ta' l-impriża interessata;

(12) deċiżjoni dwar infrazzjoni tista' tkun soġġetta għal iktar reviżjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE; il-kondizzjonijiet proċedurali li fuqhom issir din ir-reviżjoni oħra għandhom jiġu stabbiliti;

(13) għall-finijiet li jissaħħu it-trasparenza u l-effettività tal-poteri tiegħu li jimponi sanzjonijiet, il-BĊE jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet finali tiegħu dwar sanzjonijiet jew kull tagħrif ieħor li għandu x'jaqsam ma' dawn; minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq finanzjarji, il-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni li timponi sanzjoni għandha tkun miżura eċċezzjonali li għandha tittieħed mill-BĊE biss wara kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, l-effetti x'aktarx ta' din id-deċiżjoni fuq ir-reputazzjoni ta' l-impriża interessata u l-interess leġittimu kummerċjali ta' din ta' l-aħħar; din id-deċiżjoni ta' pubblikazzjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta' non- diskriminazzjoni u tiggarantixxi trattament ugwali; f'dan il-kuntest, hija mixtieqa konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet superviżorji rilevanti qabel ma tittieħed id-deċiżjoni għall-pubblikazzjoni; il-pubblikazzjoni ta' deċiżjoni li timponi sanzjoni għandha f'kull każ ma tiżvelax kwalunkwe tagħrif ta' natura kunfidenzjali;

(14) deċiżjoni li timponi obbligu pekunjarju għandha tkun infurzata bi qbil ma' l-Artikolu 256 tat-Trattat; billi l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jingħataw id-delega li jadottaw il-miżuri kollha li huma meħtieġa għal dan l-iskop;

(15) għall-ħtieġa ta' amministrazzjoni soda u effiċjenti, jidher xieraq li tkun prevista proċedura ta' infrazzjoni simplifikata għall-penalizzazzjoni ta' infrazzjoni minuri;

(16) dan ir-Regolament għandu japplika għal każi ta' non-konformità previsti mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta' riservi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew [2] (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ir-Regolament tal-Kunsill dwar riservi minimi) fil-limiti u l-kondizzjonijiet stabbilitii fl-istess l-Artikolu 7(2); il-karatteristiċi partikolari f'każi ta' nuqqas ta' konformità mal-ħtiġiet ta' riservi minimi kif stipulati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill dwar riservi minimi jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' reġim legali speċifiku li jipprovdi proċedura mħaffa għall-imposizzjoni ta' sanzjonijiet filwaqt li, fl-istess ħin, ma jiksirx id-dritt ta' difiża ta' l-impriża interessata;

(17) il-BĊE għandu jaġixxi bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill u dan ir-Regolament fl-eżerċizzju tal-poteri stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew [3],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "bank ċentrali nazzjonali kompetenti" għandu jfisser il-bank ċentrali ta' l-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu tkun seħħet l-infrazzjoni allegata. Termini oħra wżati għandu jkollhom l-istess tifsira kif definita fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-bidu tal-proċedura ta' infrazzjoni

1. Ma għandhiex tinbeda iktar minn proċedura waħda ta' infrazzjoni kontra l-istess impriża bbażata fuq l-istess fatti Għal dan l-iskop, l-ebda deċiżjoni dwar jekk tinbediex jew le proċedura ta' infrazzjoni ma għandha tittieħed mill-Bord Eżekuttiv ta' l-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti sakemm ikunu infurmaw u kkonsultaw wieħed lill-ieħor.

2. Qabel deċiżjoni tal-bidu ta' proċedura ta' infrazzjoni, il-BĊE u/jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti jistgħu jitolbu mingħand l-impriża interessata kull tagħrif li għandu x'jaqsam ma' l-infrazzjoni allegata.

3. Jew il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandhom, fuq talba, ikunu ntitolati li jgħinu u jikkoperaw wieħed ma' l-ieħor fit-twettiq tal-proċedura ta' infrazzjoni, partikolarment billi jittrasmettu kull tagħrif li jitqies rilevanti.

4. Jekk ma jkunx miftiehem xorta oħra bejn il-partijiet interessati, kull komunikazzjoni bejn il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, u l-impriża interessata għandha ssir fil-lingwa uffiċjali tal-Komunità (jew f'xi waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità) ta' l-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu tkun seħħet l-infrazzjoni allegata.

Artikolu 3

Poteri tal-BĊE u tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti

1. Il-poteri mogħtija bir-Regolament tal-Kunsill lill-BĊE u lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti fil-kors tat-twettieq ta' l-inkjesta għandhom jinkludu, għall-iskop li jinkiseb kull tagħrif li għandu x'jaqsam ma' l-infrazzjoni allegata, id-dritt tat-tfittxija ta' kull oġġett ta' informazzjoni u d-dritt li jagħmlu tfittxija mingħajr ma jinnotifikaw minn qabel lill-impriża interessata.

2. Il-membri tal-persunal tal-BĊE jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, li jkunu awtorizzati, bi qbil mar-regoli interni rispettivi tagħhom, li jfittxu tagħrif fil-bini ta' l-impriża interessata, għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom mal-preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni formali bil-miktub maħruġa bi qbil mar-regoli interni rispettivi tagħhom.

3. Kull talba magħmula lill-impriża interessata fuq il-bażi tal-poteri mogħtija lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni.

Artikolu 4

Għajnuna mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. L-għajnuna ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri tista' tintalab mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, bħala miżura prekawzjonarja.

2. L-ebda awtorita ta' Stat Membru ma tista' taġixxi bħala sostitut tal-BĊE jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għall-istima tal-ħtieġa ta' l-investigazzjonijiet.

Artikolu 5

Notifika ta' oġġezzjonijiet

1. Il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandhom jinnotifikaw lill-impriża interessata bil-miktub bir-riżultati fattwali ta' kull inkjesta mwettqa u bl-oġġezzjonijiet imqajjma kontra l-impriża interessata qabel ma tittieħed xi deċiżjoni dwar l-imposizzjoni ta' sanzjoni.

2. Il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandhom, meta jagħtu notifika ta' oġġezzjonijiet, jiffissaw limitu ta' żmien li fih l-impriża interessata tista' tinforma bil-miktub lill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, bil-veduti tagħha dwar l-oġġezzjonijiet imqajma, mingħajr preġudizzju għall-possibbilità li dawn il-veduti jkunu żviluppati f'seduta orali, jekk dan ikun mitlub fil-kummenti bil-miktub tagħha. Dan il-limitu ta' żmien ma għandux ikun inqas minn 30 jum ta' xogħol u għandu jibda jgħodd minn meta tkun irċevuta n-notifika imsemmija fil-paragrafu 1.

3. Barra t-tweġiba rċevuta mill-impriża interessata, il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandhom jiddeċiedu jekk iwettqux iktar inkjesti sabiex jirrisolvu xi kwistjonijiet pendenti. Notifika addizzjonali ta' oġġezzjonijiet konformi mal-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-impriża interessata biss jekk ir-riżultat ta' iktar investigazzjonijiet magħmula mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, ikun dak li jitqiesu fatti ġodda kontra l-impriża interessata jew li tinbidel l-evidenza dwar l-infrazzjonijiet kontestati.

4. Il-BĊE għandu, fid-deċiżjoni tiegħu li jimponi sanzjoni, jittratta biss dawk l-oġġezzjonijiet li kienu notifikati fil-manjiera deskritta fil-paragrafu 1 u li fir-rigward tagħhom l-impriża interessata tkun ingħatat l-opportunità li tagħti l-veduti tagħha.

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi ta' l-impriża interessata

1. L-impriża interessata għandha tikkopera mal-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, fl-istadju ta' inkjesta fil-proċedura ta' infrazzjoni. B'mod partikolari, l-impriża interessata għandha jkollha d-dritt li tissottometti kull dokument, ktieb jew reġistru jew kopja tagħhom jew siltiet minnhom, u li tagħti kull spjegazzjoni bil-kitba jew bil-fomm.

2. It-tfixkil, in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' osservanza mill-impriża interessata tad-dmirijiet imposti mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, fl-eżerċizzju tal-poteri tagħhom skond il-proċedura ta' infrazzjoni jistgħu jipprovdu raġunijiet biżżejjed sabiex tinfetaħ il-proċedura ta' infrazzjoni skond it-termini ta' dan ir-Regolament u jagħtu lok għall-imposizzjoni ta' pagamenti perjodiċi ta' penalità.

3. L-impriża interessata għandha jkollha d-dritt għal rappreżentanza legali matul il-proċedura ta' infrazzjoni.

4. Ġaladarba tkun notifikata skond l-Artikolu 5(1), l-impriża interessata għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti u tal-materjali kollha miġbura mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, li jservu bħala bażi għall-evidenza ta' infrazzjoni allegata.

5. Jekk l-impriża interessata titlob fil-kummenti tagħha bil-miktub li tkun mismugħa wkoll f'seduta orali, din is-seduta għandha ssir, fid-data fissata, mill-persuni maħtura għal dan l-iskop mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ. Seduti orali għandhom isiru fil-bini tal-BĊE jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku. Persuni għandhom ikunu mismugħa separatament jew fil-preżenza ta' persuni oħra msejjħa biex jattendu. L-impriża interessata tista' tipproponi, f'limiti raġjonevoli, li l-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, jisimgħu persuni li jistgħu jikkorroboraw kull aspett tal-kummenti bil-miktub tagħha.

6. Il-kontenut essenzjali tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna mismugħa għandu jkun reġistrat f'minuti li għandhom jinqraw u jkunu approvati minn din il-persuna biss f'dak li għandu x'jaqsam mad-dikjarazzjonijiet tagħha.

7. Informazzjoni u talbiet għall-attendenza f'seduti orali mill-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, kif ikun il-każ, għandhom jintbagħtu lil min hu indirizzatt, b'posta reġistrata b'rikonoxximent li jkunu riċevuti, jew jitwasslu bl-idejn fejn għandha tingħata rċevuta.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità fil-proċedura ta' infrazzjoni

1. Proċedura ta' infrazzjoni għandha titwettaq bla ħsara għall-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(4), l-impriża interessata ma għandhiex ikollha aċċess għal dokumenti jew materjali oħra fil-pussess tal-BĊE jew tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti li jkunu meqjusa kunfidenzjali għal dak li għandu x'jaqsam ma' partijiet terzi jew mal-BĊE jew mal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti. Dawn għandhom jinkludu, partikolarment, dokumenti jew materji oħra li jikkonsistu f'tagħrif li għandu x'jaqsam ma' interessi kummerċjali ta' impriżi oħra, jew dokumenti interni tal-BĊE, tal-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, ta' istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Komunità, jew ta' banek ċentrali nazzjonali oħra, bħalma huma noti, abbozzi u dokumenti ta' ħidma oħra.

Artikolu 8

Reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE

1. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista' jitlob lill-impriża interessata, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u/jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti sabiex jipprovdu tagħrif addizzjonali sabiex jirrevedi d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

2. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jiffissa limitu ta' żmien li fih it-tagħrif għandu jingħata, iżda dan ma għandux ikun inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol.

Artikolu 9

Infurzar tad-deċiżjoni

1. Ġaladarba d-deċiżjoni dwar l-imposizzjoni ta' sanzjoni tkun saret finali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet rilevanti ta' sorveljanza nazzjonali, jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjoni jew it-tagħrif li għandu x'jaqsam magħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Din id-deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni għandha tqis l-interess leġittimu ta' l-impriża interessata li tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha, kif ukoll kull interess individwali ieħor.

2. Id-deċiżjoni tal-BĊE għandha tistabilixxi f'liema manjiera għandu jsir il-ħlas tas-sanzjoni.

3. Il-BĊE jista' jitlob lill-bank ċentrali nazzjonali ta' l-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu is-sanzjoni għandha tkun infurzata li jadotta l-miżuri kollha metieġa għal dak l-iskop.

4. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE dwar l-infurzar tas-sanzjoni.

5. Il-BĊE għandu jerfa' it-tagħrif kollu rilevanti għad-determinazzjoni u l-infurzar tas-sanzjoni f'fajl li għandu jinżamm għal mill-inqas ħames snin mid-data li fiha tkun saret finali d-deċiżjoni dwar l-imposizzjoni tas-sanzjoni. Sabiex il-BĊE jwettaq dan id-dmir, il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti għandu jibgħat lill-BĊE l-oriġinali tad-dokumentazzjoni kollha u l-materjal kollu fil-pussess tiegħu li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura ta' infrazzjoni.

Artikolu 10

Proċedura simplifikata għall-infrazzjonijiet minuri

1. Fil-kas ta' infrazzjoni minuri l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jista' jiddeċiedi li japplika proċedura simplifikata infrazzjoni. Is-sanzjoni li għandha tkun imposta taħt din il-proċedura ma għandhiex teċċedi EUR 25000.

2. Il-proċedura simplifikata għandha tinvolvi l-passi li ġejjin:

(a) il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu jgħarraf lill-impriża interessata bl-allegata infrazzjoni;

(b) in-notifika għandu jkun fiha l-fatti kollha li jikkostitwixxu l-evidenza ta' l-allegata infrazzjoni u tas-sanzjoni korrespondenti;

(ċ) in-notifika għandha tinforma lill-impriża interessata bil-fatt li sejra tkun applikata l-proċedura simplifikata u bid-dritt tagħha li toġġezzjona għal din il-proċedura fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi n-notifika; u

(d) jekk titqajjem oġġezzjoni qabel it-terminu perentorju, stabbilit f'(ċ) hawn fuq, il-proċedura ta' infrazzjoni għandha titqies bħala li nbdiet u l-limitu ta' 30 jum tax-xogħol li fih huwa possibbli li jkun eżerċitat id-dritt għas-smigħ għandu jibda minn meta jintemm it-terminu perentorju stabbilit f' (c) hawn fuq. Jekk ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni qabel it-terminu perentorju f' (c) hawnfuq, id-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE dwar l-imposizzjoni ta' sanzjoni ssir finali.

3. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-proċedura applikabbli fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-ħtiġiet ta' riservi minimi kif stipulat fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Proċedura fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-ħtiġiet ta' riservi minimi

1. Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità kif previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill dwar riservi minimi, l-Artikolu 2(1) u (3), l-Artikoli 3, 4 u 5 u l-Artikolu 6, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3, ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu applikabbli. Il-limitu ta' żmien previst fl-Artikolu 8(2), għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem tax-xogħol.

2. Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jista' jispeċifika u jippubbliċizza l-kriterji ta' kif se japplika s-sanzjonijiet kif previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill dwar riservi minimi. Dawn il-kriterji jistgħu ikunu pubblikati permezz ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Qabel ma tkun imposta xi sanzjoni bi qbil ma' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill dwar riservi minimi, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, jew, f'ismu, il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-impriża interessata bl-allegat nuqqas ta' konformità u bis-sanzjoni korrispondenti. In-notifika għandu jkollha l-fatti rilevanti kollha dwar l-allegat nuqqas ta' konformità u għandha wkoll tgħarraf lill-impriża interessata li, jekk ma tissottometti ebdax oġġezzjoni, is-sanzjoni għandha tkun meqjusa bħala imposta b'deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

4. Kif tirċievi din in-notifika, l-impriża interessata għandha tingħata ħamest ijiem tax-xogħol biex jew:

- tirrikkonoxxi l-allegat nuqqas ta' konformità u taċċetta li tħallas is-sanzjoni speċifikata, f'liema każ il-proċedura ta' infrazzjoni għandha titqies bħala mitmuma,

jew

- tippreżenta kull tagħrif, spjegazzjonijiet jew oġġezzjonijiet miktuba li jistgħu jitqiesu rilevanti għal deċiżjoni dwar jekk għandiex tkun imposta sanzjoni jew le. L-impriża interessata tista' wkoll tehmeż kull dokument rilevanti bħala prova tal-kontentut tat-tweġiba tagħha. Il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti għandu mingħajr dewmien bla bżonn jgħaddi l-fajl lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, li għandu mbagħad jiddeċiedi jekk jimponix sanzjoni jew le.

5. Jekk l-impriża interessata ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni bil-miktub fil-limitu ta' żmien stabbilit, is-sanzjoni għandha titqies bħala imposta b'deċiżjoni tal-Bord Eekuttiv tal-BĊE. Wara li d-deċiżjoni ssir finali bi qbil mad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill, l-impriża interessata għandha tkun tenuta tħallas l-ammont tas-sanzjoni speċifikat fin-notifika.

6. Fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4, u fil-paragrafu 5, il-BĊE jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti, f'isem il-BĊE, kif ikun il-każ, għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti.

Artikolu 12

Limiti ta' żmien

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill, il-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament għandhom jibdew jgħoddu mill-jum ta' wara li komunikazzjoni tkun riċevuta jew mogħtija bl-idejn. Kull komunikazzjoni mill-impriża interessata għandha tkun riċevuta mill-indirizzat jew jew mibgħuta b'posta reġistrata qabel ma jgħaddi l-limitu ta' żmien rilevanti.

2. Fejn il-limitu ta' żmien jagħlaq nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew fi btala pubblika, għandu jkun estiż sat-tmiem tal-jum tax-xogħol li jiġi wara.

3. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, il-btajjel pubbliċi rilevanti għall-BĊE għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, fil-waqt li l-btajjel pubbliċi rilevanti għall-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikunu dawk stabbiliti bil-liġi fiż-żona rispettiva ta' l-Istat Membru li fih tkun lokata l-impriża interessata. It-terminu "jum tax-xogħol" għandu jiġi interpretat skond dan. Il-BĊE għandu jaġġorna l-Anness ta' dan ir-Rergolament kull meta jinħtieġ.

Magħmul fi Frankfurt am Main, fit-23 ta' Settembru 1999.

F'isem il-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President

Willem F. Duisenberg

[1] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 4.

[2] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 1.

[3] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 8.

--------------------------------------------------

ANNESS (Indikattiv)

Lista ta' btajjel pubbliċi (kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 12)

Il-btajjel pubbliċi li ġejjin jiġu osservati mill-EĊB

L-Ewwel tas-Sena | l-1 ta' Jannar |

It-Tlieta tal-Karnival (nofs ta' nhar) | id-data tvarja |

Il-Ġimgħa l-Kbira | id-data tvarja |

It-Tnejn ta' wara l-Għid | id-data tvarja |

Jum il-Ħaddiem | l-1 ta' Mejju |

Anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta' Robert Schuman | id-9 ta' Mejju |

Jum Lapsi | id-data tvarja |

Whit Monday | id-data tvarja |

Corpus Christi | id-data tvarja |

Il-Ġurnata ta' l-Unità tal-Ġermanja | it-3 ta' Ottubru |

Jum il-Qaddisin Kollha | l-1 ta'Novembru |

Lejlet il-Milied | l-24 ta' Diċembru |

Il-Milied | il-25 ta' Diċembru |

Is-26 ta' Diċembru | is-26 ta' Diċembru |

Lejlet l-Ewwel tas-Sena | il-31 ta' Diċembru |

--------------------------------------------------

Top