EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004O0018

Linja ta' Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta' Settembru 2004 dwar l-akkwist tal-karti tal-flus euro (BĊE/2004/18)

OJ L 320, 21.10.2004, p. 21–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 267M, 12.10.2005, p. 212–224 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 10 Volume 005 P. 271 - 283
Special edition in Romanian: Chapter 10 Volume 005 P. 271 - 283
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 007 P. 8 - 20

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014O0044

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2004/703/oj

12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

212


LINJA TA' GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Settembru 2004

dwar l-akkwist tal-karti tal-flus euro

(BĊE/2004/18)

(2004/703/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ċENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 106(1),

Wara li kkunsidra l-iStatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikolu 16,

Billi:

(1)

L-Artikolu 16 ta' l-iStatut jagħti lill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) id-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ tal-karti tal-flus euro fi ħdan il-Komunità. Dan id-dritt esklussiv jinkludi l-kompetenza li jiddefinixxi l-qafas legali għall-akkwist tal-karti tal-flus euro.

(2)

Skond l-Artikolu 106(1) tat-Trattat u l-Artikolu 12.1 ta' l-iStatut, il-BĊE jista' jalloka r- responsabbiltà tal-ħruġ tal-karti tal-flus euro lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri li addottaw il-euro (il-“BĊNi”), skond l-ishma perċentwali tal-BĊNi fil-kapital sottoskritt tal-BĊE għas-sena finanzjarja relevanti kkalkulati bl-użu tal-weightings tal-BĊNi fl-iskema msemmija fl-Artikolu 29.1 ta' l-iStatut (hawnhekk iżjed “il quddiem 'l-iskema kapitali”). Barra minn dan, il-BĊE għandu jalloka r-responsabbiltà għall-iffinalizzar u l-ġestjoni ta' ftehim ta' forniment għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro billi jqis il-prinċipju tad-diċentralizzazzjoni u l-ħtieġa għal qafas ta' ġestjoni effettiv.

(3)

Il-qafas għall-akkwist tal-karti tal-flus euro għandu jikkonforma, min-naħa l-waħda, ma' l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 105(1) tat-Trattat u fl-Artikolu 2 ta' l-iStatut, sabiex l-Ewrosistema taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni ħielsa, fejn tiffavorixxi l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u, min-naħa l-oħra, tqis in-natura partikolari tal-karti tal-flus euro li huma stampati biex jinħarġu biss mill-Ewrosistema bħala mezz żgur ta' ħlas. Barra minn dan, skond il-prinċipju tad-diċentralizzazzjoni, il-qafas għall-akkwist tal-karti tal-flus euro għandu wkoll iqis il-fatt illi xi BĊNi għandhom stamperija ta' ġewwa tagħhom stess jew jużaw stamperija pubblika sabiex jipproduċu l-karti tal-flus euro.

(4)

Fl-isfond tal-prinċipji msemmija hawn fuq, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fl-10 ta' Lulju 2003, li għandha tiġi applikata strateġija kompetittiva komuni ta' l-Ewrosistema għas-sejħiet għall-offerti (hawnhekk iżjed 'il quddiem “il-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema”) għall-akkwist tal-karti tal-flus euro mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem. Il-BĊNi li għandhom stamperija ta' ġewwa, jew dawk li jużaw stamperija pubblika jistgħu jagħżlu li ma jieħdux sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema. F'dawn il-każijiet, dawn l-istamperiji jibqgħu responsabbli għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro li jkunu ġew allokati għall-BĊNi tagħhom skond l-iskema kapitali iżda jiġu esklużi milli jieħdu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

(5)

Perjodu tranżitorju, li jippermetti kemm lill-BĊNi kif ukoll lill-istamperiji biex jippreparaw għal din l-istreteġija fuq medda twila ta' żmien, għandu jibda mill-aktar fis malli jiġi aċċertat li ta' mill-inqas nofs il-ħtieġa totali annwali ta' karti tal-flus euro ta' l-Ewrosistema ser tkun soġġetta għal sejħa għall-offerti u ta' mill-inqas nofs il-BĊNi kollha jkunu se joħorġu sejħa għall-offerti għall-karti tal-flus euro allokati lilhom. Matul il-perjodu tranżitorju l-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema għandha tapplika għal dawk il-BĊNi li joħorġu sejħa għall-offerti għall-produzzjoni ta' karti tal-flus euro li l-ħruġ tagħhom ikun ġie allokat lilhom.

(6)

Il-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema se tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn l-istamperiji kollha li jieħdu sehem fil-proċedura billi tippermetti kompetizzjoni bejn stamperiji ta' ġewwa, dawk pubbliċi kif ukoll dawk privati b'mod trasparenti u ekwu li ma jagħti l-ebda vantaġġ kompetittiv u nġust lil xi parti involuta. Sabiex jiġu żgurati dawn il-kundizzjonijiet ugwali, huma meħtieġa regoli speċifiċi dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Waħdieni ta' l-Akkwisti ta' l-Ewrosistema (hawnhekk iżjed “il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat ta' l-Akkwisti”), l-imġieba tal-membri tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-istamperiji li jieħdu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

(7)

Il-karti tal-flus euro huma ta' natura sensittiva w innovattiva. Għaldaqstant, dawn għandhom jinħadmu b'mod għal kollox protett, ikkontrollat u kunfidenzjali li jiggarantixxi provvista affidabbli, ta' kwalità għolja u sostenuta fuq medda ta' żmien. Barra minn dan, huwa meħtieġ li l-Ewrosistema tikkunsidra b'mod xieraq l-impatt possibbli tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro fuq is-saħħa u s-sigurtà pubblika u fuq l-ambjent. Dawn l-obbligi kollha ser jiġu kkunsidrati mill-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

(8)

Il-Kunsill Governattiv għandu jissorvelja l-materja prima u l-fatturi tal-produzzjoni prinċipali kollha tal-karti tal-flus euro u, jekk ikun meħtieġ, jieħu miżuri adegwati sabiex jiżgura li jkunu magħżula w akkwistati b'tali mod li tiġi żgurata l-kontinwità tal-forniment tal-karti tal-flus euro, u, mingħajr preġudizzju għal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni u l-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat li l-Ewrosistema ssofri minħabba l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq minn xi kuntrattur jew fornitur.

(9)

Il-ftehim ta' forniment konklużi wara l-għeluq ta' proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema bejn l-awtorità kontraenti u l-istamperiji individwali għandhom jikkonformaw mal-karatteristiċi komuni minimi stabbiliti mill-BĊE sabiex jiżguraw termini u kundizzjonijiet armonizzati għal-istamperiji kuntrattati kollha.

(10)

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi t-tħaddim ta' din il-Linja ta' Gwida wara d-dħul fis-seħħ tagħha fid-dawl ta' l-esperjenza prattika ta' l-Ewrosistema f'dan ir-rigward. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja ta' Gwida għandhom jiġu interpretati, fejn xieraq, skond ir-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' forniment pubbliċi u kuntratti ta' servizzi pubbliċi (1).

(11)

B'mod konformi mal-politika ta' trasparenza ġenerali tal-BĊE, l-informazzjoni dwar il-proċedura tas-sejħa għall-offerti, bħall-kriterji ta' l-eliġibbilità u ta' l-għoti u r-riżultati ta' dawn il-proċeduri għandhom jiġu ppubblikati.

(12)

Skond l-Artikolu 12.1 u l-Artikolu 14.3 ta' l-iStatut, il-linji ta' gwida tal-BĊE jagħmlu parti integrali mil-liġi tal-Komunità,

ADDOTTA DIN IL-LINJA TA' GWIDA:

TITOLU I

DIŻPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Linja ta' Gwida:

1.

“il-prinċipju ta”arms length' għandu jfisser il-prinċipju skond liema għandu jkun hemm separazzjoni sħiħa bejn il-kontijiet ta' stamperija ta' ġewwa u dawk tal-BĊN tagħha, u r-rimborż minn stamperija ta' ġewwa ta' l-appoġġ kollu ta' natura amministrattiva u organizzattiva li hija tirċievi mingħand il-BĊN tagħha. B'mod partikolari, dan ir-rimborż għandui jkopri (a) l-ispejjeż addizzjonali u varjabbli li jintefqu minn BĊN fl-għoti ta' appoġġ ta' natura amministrattiva u organizzattiva lill-istamperija ta' ġewwa tagħha; (b) kontribuzzjoni xierqa mill-istamperija ta' ġewwa għall-ispejjeż fissi relatati ma' l-appoġġ ta' natura amministrattiva u organizzattiva tal-BĊN; u (ċ) redditu adwegwat fuq l-investiment kapitali tal-BĊN fl-istamperija ta' ġewwa. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati bir-rati tas-suq. Din id-definizzjoni għandha tqis il-każistika relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll il-prinċipji komuni u relevanti tal-kontabilita' ta' l-ispejjeż iddefiniti separatament mill-Kunsill Governattiv;

2.

“informazzjoni kunfidenzjali” għandha tfisser (a) kull informazzjoni mhux pubblika dwar il-proċedimenti u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta' l-Akkwisti; u (b) kull informazzjoni li tinsab f'dokumenti ta' offerti ppreżentati mill-istamperiji u/jew partijiet terzi oħrajn lill-Kumitat ta' l-Akkwisti; u (ċ) kull informazzjoni li tikkonsisti f'sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew proprietary teknika u/jew tan-negozju li għandha x'taqsam mal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro; u (d) l-informazzjoni mniżżla fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ghal kull denominazzjoni tal-karta tal-flus euro; u (e) kwalunkwe informazzjoni oħra dwar il-produzzjoni tal-karti tal-flus euro li hija indikata bħala kunfidenzjali jew li minħabba n-natura tagħha hija meqjusa minn bonus paterfamilias bħala kunfidenzjali;

3.

“awtoritajiet kontraenti” għandha tfisser jew il-BĊNi li jikkonkludu ftehim ta' forniment ma' stamperiji li jkunu ngħataw ordnijiet ta' produzzjoni skond il-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema, jew il-BĊE li jaġixxi f'isem dawn il-BĊNi;

4.

“kontroll” għandha tfisser ir-relazzjoni bejn intrapriża parent u sussidjarja, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) tas-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar kontijiet ikkonsolidati (2), jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna ġuridika u xi intrapriża, fejn kwalunkwe sussidjarja ta' xi intrapriża sussidjarja għandha titqies ukoll bħala sussidjarja ta' l-intrapriża parent li tinsab fil-quċċata ta' dawk l-intrapriżi;

5.

“obbligi tal-kwalità tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro (EBQR)” għandha tfisser id-dokumentazzjoni li tiddefinixxi l-obbligi komuni tal-kwalità għall-produzzjoni, l-aċċettazzjoni u l-validazzjoni tal-karti tal-flus euro kif irriveduti regolarment mill-Kunsill Governattiv;

6.

“elementi protetti ta' l-euro” għandha tfisser karti tal-flus euro stampati b'mod sħiħ jew parzjali, komponenti tal-karta tal-flus euro u materjali w informazzjoni oħra li jeħtieġu l-protezzjoni tas- sigurtà, li t-telf, is-serq, il-komunikazzjoni jew il-pubblikazzjoni tagħhom jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità tal-karti tal-flus euro u/jew jistgħu jgħinu fil-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus euro jew tal-komponenti tagħhom ;

7.

“stamperija ta' ġewwa” għandha tfisser kwalunkwe stamperija li tkun (a) mil-lat legali kif ukoll dak organizzattiv parti minn xi BĊNi; jew (b) intrapriża separata li fiha xi BĊN jkun is-sid, direttament jew permezz ta' kontroll, ta' mhux anqas minn 50 % tad-drittijiet ta' votazzjoni jew tal-kapital ta' l-istamperija; jew (ċ) intrapriża separata li fiha xi BĊN jaħtar aktar min-nofs il-membri tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-istamperija;

8.

“awtoritajiet pubbliċi” għandha tfisser l-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali;

9.

“stamperija pubblika” għandha tfisser kull stamperija li fiha l-awtoritajiet pubbliċi (a) ikollhom, direttament jew permezz ta' kontroll, ta' mhux anqas minn 50 % tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital; jew (b) jaħtru aktar minn nofs il-membri tal-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet;

10.

“proċedura ristretta” għandha tfisser il-proċedura ta' l-akkwisti li fiha jistgħu jippreżentaw offerti biss dawk l-istamperiji li jikkonformaw mal-kriterji ta' l-eliġibbiltà ddefiniti f'din il-Linja ta' Gwida;

11.

“ftehim ta' forniment” għandu jfisser kuntratt konkluż bil-miktub bejn awtorità kontraenti u stamperija li tkun ingħatat xi ordni għall-produzzjoni ta' karti tal-flus euro bi ħlas.

12.

“perjodu tranżitorju” għandu jfisser il-perjodu li jibda l-aktar kmieni fl-1 ta' Jannar, 2008, jew f'xi data aktar tard deċiża mill-Kunsill Governattiv ladarba jkun stabbilixxa, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, li ta' mill-inqas nofs il-ħtieġa totali annwali tal-karti tal-flus euro ta' l-Ewrosistema ser tkun suġġetta għal sejħa għall-offerti u li ta' mill-inqas nofs il-BĊNi kollha ser joħorġu sejħa għall-offerti għall-karti tal-flus euro allokati lilhom. Il-perjodu tranżitorju għandu jintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011.

Artikolu 2

Skop ta' applikazzjoni

1.   Il-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema għandha tibda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar, 2012.

2.   L-akkwist f'xi perjodu ta' sitt xhur ta' karti tal-flus iddenominati fl-euro li jaqbeż il-valur ta' EUR 249 000, jew kwalunkwe valur ieħor speċifikat fid-Direttiva 2004/18/KE għandu jkun suġġett għall-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema stabbilita f'din il-Linja ta' Gwida.

3.   Il-valur imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi kkalkulat billi jingħaddu l-ispejjeż ta' dak kollu li huwa meħtieġ għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro matul proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema, inklużi l-ispejjeż anċillari bħal, fost l-oħrajn, dawk relatati mal-qerda ta' l-iskart tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro, imma esklużi l-VAT u l-ispejjeż tat-trasport.

4.   Il-valur tal-ftehim tal-forniment m'għandux jiġi kkalkulat b'tali mod li tiġi evitata l-applikazzjoni ta' din il-Linja ta' Gwida, u b'dan l-istess skop lanqas m'għandha tiġi maqsuma xi ħtieġa ta' akkwist għal ammont partikolari ta' karti tal-flus euro b'dan l-istess skop.

5.   Il-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema m'għandhiex tapplika għar-riċerka u l-iżvilupp, inkluż id-disinn u t-tnissil, tal-karti tal-flus euro. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu suġġetti għal regoli separati dwar l-akkwisti ta' l-Ewrosistema.

TITOLU II

PARTIJIET FIL-PROĊEDURA WAĦDANIJA TA' SEJĦA GĦALL-OFFERTI TA' L-EWROSISTEMA

Artikolu 3

It-twaqqif u l-kompożizzjoni tal-Kumitat ta' l-Akkwisti

1.   Għandu jiġi mwaqqaf Kumitat ta' l-Akkwisti, li għandu jikkonsisti minn seba' esperti b'esperjenza professjonali relevanti, maħtura mill-Kunsill Governattiv li jaġixxi fuq proposti mill-BĊE u mill-BĊNi, magħżula minn fost il-personal kwalifikat ta' grad għoli tal-membri ta' l-Ewrosistema għal karigi b'tul ta' żmien iffissat bil-quddiem.

2.   Il-BĊE għandu jipprovdi għajnuna segretarjali lill-Kumitat ta' l-Akkwisti.

Artikolu 4

Il-kodiċi ta' l-imġieba tal-Kumitat ta' l-Akkwisti

1.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jiżguraw li kull membru tal-personal taghhom maħtur fil-Kumitat ta' l-Akkwisti jiffirma d-dikjarazzjoni li tinsab fl-Anness I ma' din il-Linja ta' Gwida.

2.   Jekk xi membru tal-Kumitat ta' l-Akkwisti jikser il-kodiċi ta' l-imġieba li tinsab fl-Anness I, il-Kunsill Governattiv għandu (a) jkeċċih mill-Kumitat ta' l-Akkwisti; u (b) jgħarraf b'dan b'mod xieraq lil min iħaddimhom, għal skopijiet dixxiplinarji; u (ċ) jaħtar suċċessur fil-Kumitat ta' l-Akkwisti.

3.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom jintroduċu dispożizzjonijiet xierqa fid-dokumentazzjoni legali li tirregola r-relazzjoni ta' l-impjieg mal-membri rispettivi tagħhom tal-Kumitat ta' l-Akkwisti, li jippermettulhom li jissanzjonaw, b'mod xieraq, u li jissorveljaw, fi ħdan il-limiti tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-konformità tal-membri tagħhom fil-Kumitat ta' l-Akkwisti mal-kodiċi ta' l-imġieba li jinsab fl-Anness I.

Artikolu 5

Ir-rwol tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jżomm il-kondizzjonijiet għall-bidu tal-perjodu tranżitorju taħt reviżjoni u għandu jiddeċiedi dwar id-data tal-bidu tal-perjodu tranżitorju.

2.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jiddeċiedi jekk l-istamperiji humiex eliġibbli skond l-Artikoli 7 u 8 biex jipparteċipaw fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

3.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kumitat ta' l-Akkwisti permezz tal-Bord Eżekuttiv, għandu jaddotta r-regoli interni tal-proċedura, inklużi d-drittijiet tal-votazzjoni, tal-Kumitat ta' l-Akkwisti.

4.   Qabel kull proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema l-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi liema membri ta' l-Ewrosistema għandhom jiġu nominati bħala awtoritajiet kontraenti.

5.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kumitat ta' l-Akkwisti permezz tal-Bord Eżekuttiv, għandu jaddotta d-deċiżjoni dwar l-għoti ta' l-ordnijiet tal-produzzjoni.

6.   Il-Kunsill Governattiv għandu, fuq it-talba ta' xi stamperija li tkun eliġibbli skond l-Artikoli 7 u 8, jirrevedi kull deċiżjoni ta' din ix-xorta qabel ma jiġi preżentat ilment lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

7.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jiżgura li l-konformità tal-partijiet kollha mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida tiġi vverifikata.

Artikolu 6

Il-BĊE u l-BĊNI

1.   Il-BĊNi, jew il-BĊE li jaġixxi f'isem il-BĊNi, għandhom jidħlu fi ftehim ta' forniment ma' l-istamperiji li jkunu ngħataw ordnijiet ta' produzzjoni u għandhom jissorveljaw it-twettiq kif suppost ta' dawn il-ftehim.

2.   Il-BĊNi li għandhom stamperiji ta' ġewwa u l-BĊNi li jużaw stamperiji pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li ma jiħdux sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema. F'dawn il-każijiet dawn l-istamperiji ta' ġewwa jew dawk pubbliċi għandhom jiġu esklużi mill-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema u għandhom jipproduċu l-karti tal-flus euro allokati lill-BĊNi tagħhom skond l-iskema kapitali. Madankollu, jistgħu jiddeċiedu li jieħdu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema f'data aktar tard. Din id-deċiżjoni għandha tkun irriversibbli.

3.   Qabel ma tiġi konkluża proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema, il-BĊE u l-BĊNi m'għandhom jipprovdu l-ebda informazzjoni kunfidenzjali lill-istamperiji, inklużi (a) l-istamperiji pubbliċi; u (b) l-istamperiji ta' ġewwa, sakemm il-BĊNi tagħhom ma jiħdux sehem f'xi proċeduri waħdanin ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

Artikolu 7

Eliġibbiltà ta' l-istamperiji

1.   L-istamperiji, inklużi dawk ta' ġewwa u dawk pubbliċi, għandhom ikunu eliġibbli biex jieħdu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema skond il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istamperiji għandu jkollhom is-sede legali tagħhom fi Stat membru ta' l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-karti tal-flus euro għandhom jinħadmu f'faċilitajiet li jinsabu fiżikament fi Stat Membru;

(b)

l-istamperiji għandhom jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità pprovdut mill-BĊE;

(ċ)

l-istamperiji għandhom ikunu akkreditati mill-Kunsill Governattiv, li jaġixxi skond l-evalwazzjoni tal-Bord Eżekuttiv dwar il-konformità tagħhom ma':

i.

ir-regoli tas-sigurtà għall-produzzjoni u l-ħżin ta' elementi protetti tal-euro, li jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv wara li jikkunsidra l-fehma tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus; u

ii.

il-EBQR, li jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv wara li jikkunsidra l-fehma tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus; u

iii.

ir-rekwiżiti ta' saħħa u sigurtà, li jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv wara li jikkunsidra l-fehma tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus; u

iv.

ir-rekwiżiti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro b'mod li tagħmel l-inqas ħsara għall-ambjent, li jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv wara li jikkunsidra l-fehma tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus;

(d)

l-istamperiji, inklużi dawk ta' ġewwa u dawk pubbliċi, m'għandhom jirċievu l-ebda għajnuna mingħand xi Stat membru, xi BĊN, jew b'xi mod ieħor mir-riżorsi ta' l-Istat li jkun b'xi mod inkompatibbli mat-Trattat;

(e)

l-istamperiji mhux suppost tiġu allokata lilhom il-produzzjoni tal-karti tal-flus euro kollha jew parti minnha ta' xi Stat Membru ta' l-UE mingħajr proċedura ta' sejħa għall-offerti.

2.   Awdituri indipendenti esterni għandhom jivverifikaw il-konformità mal-projbizzjoni li tinsab fil-paragrafu 1(d). L-istamperiji vverifikati għandhom jirrappurtaw kull sena is-sejbiet ta' l-awdituri indipendenti esterni lill-Kumitat ta' l-Akkwisti. Għal dan l-iskop, l-istamperiji kollha li jieħdu sehem fil-proċeduri waħdanin ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema għandhom jidentifikaw bi sħiħ id-dħul u l-ispejjeż tagħhom u għandhom jipprovdu b'mod partikolari informazzjoni dwar: (a) it-tpaċija ta' xi telf mill-operat; u (b) jekk xi BĊN jew xi awtorità pubblika tkunx ipprovdiet lill-istamperija b'xi ċapital, għotjiet mhux rifondibbli jew self b'kundizzjonijiet preferenzjali; u (ċ) kull rinunzja ta' qliegħ minn xi BĊN jew kwalunkwe awtorità pubblika jew l-irkupru ta' l-ammonti dovuti; u (d) kull rinunzja minn xi BĊN jew kwalunkwe awtorità pubblika ta' redditu normali fuq fondi pubbliċi pprovduti lill-istamperija; u (e) kull kumpens mogħti għal piżijiet finanzjarji jew ħidmiet imposti fuqhom minn xi BĊN jew minn kwalunkwe awtorità pubblika.

3.   L-intrapriżi konġunti, il-konsortja jew kwalunkwe intrapriża kooperattiva oħra permessa bil-liġi, kif ukoll stamperiji li jużaw sottokuntratturi għandhom jikkwalifikaw għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' l — akkwist kemm-il darba:

(a)

kull membru ta' intrapriża kooperattiva u kull sottokuntrattur jikkonforma individwalment mal-kriterji ta' l — eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2; u

(b)

kuntrattur ewlieni jew mexxej ta' konsortjum għandu jibqa' responsabbli għall-proċess kollu tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro meħtieġ sabiex jiġi mwettaq il-kuntratt; u

(ċ)

il-membri ta' intrapriża kooperattiva huma lkoll responsabbli in solidum fil-konfront ta' l-awtorità kontraenti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro; u

(d)

l-offerent għandu jgħarraf lill-Kumitat ta' l-Akkwisti dwar l-identità u r-rwoli speċifiċi tal-membri kollha ta' intrapriża kooperattiva u ta' kull sottokuntrattur.

4.   L-istamperiji kollha li jkunu għadhom ma ġewx akkreditati skond il-paragrafu 1(ċ) u li jkollhom is-sede legali tagħhom fl-UE jistgħu jiksbu informazzjoni mill-BĊE fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu. Qabel ma joħroġ din l-informazzjoni, jew parti minnha, il-Kunsill Governattiv għandu, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, jevalwa jekk l-istamperija li titlob l-informazzjoni tkunx bona fide. B'mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu jivverifika, b'mod konformi ma' kull liġi u regolament nazzjonali applikabbli, ir-rekords personali tas-sidien u l-maniġers ta' l-istamperiji involuti. Jekk dawn il-verifiki jiżvelaw illi xi sid jew maniġer ta' l-istamperija li titlob l-informazzjoni kien instab ħati ta' xi reat li għandu x'jaqsam ma' l-imġieba professjonali tiegħu, din l-informazzjoni m'għandhiex tingħata lill-istamperija li titlob l-informazzjoni. L-istamperiji bona fide għandhom jiffirmaw ftehim ta' kunfidenzjalità provdut mill-BĊE.

5.   Il-BĊE għandu jinforma lill-istamperiji akkreditati kollha ta' mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema dwar il-ħtiġijiet tal-karti tal-flus euro ta' l-Ewrosistema kif imsemmi fil-paragrafu 1(ċ)(i) sa (iv).

Artikolu 8

Kriterji addizzjonali ta' eliġibbiltà għal stamperiji ta' ġewwa u dawk pubbliċi

1.   L-istamperiji ta' ġewwa u dawk pubbliċi għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 7, u mal-kriterji addizzjonali ta' eliġibbiltà li ġejjin:

(a)

għandu jkollhom arranġamenti interni effettivi li jimplimentaw il-prinċipju ta' arms length; u

(b)

id-dħul u l-ispejjeż tagħhom għandhom jiġu assenjati skond il-bażi ta' prinċipji komuni tal- kontabilità ta' l-ispejjeż li jiġu ddefiniti separatament mill-Kunsill Governattiv li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv; u

(ċ)

awdituri independenti esterni għandhom jissorveljaw il-konformità ta' l-istamperiji ta' ġewwa u dawk pubbliċi mal-kriterji addizzjonali ta' eliġibbiltà hawn fuq imsemmija. L-istamperiji ta' ġewwa u dawk pubbliċi għandhom ta' kull sena jirrappurtaw is-sejbiet ta' l-awdituri indipendenti esterni lill-Kumitat ta' l-Akkwisti.

2.   Mill-ħin li xi BĊN jiddeċiedi li l-istamperija ta' ġewwa tiegħu jew dik pubblika ser tipparteċipa fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema, ir-rappreżentant(i) ta' dik l-istamperija ta' ġewwa jew ta' dik pubblika għandu jirreżenja mill-Kumitat tal-Karti tal-Flus u mis-sottogruppi tiegħu.

Artikolu 9

Esklużjoni mill-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema

1.   Jekk, għal xi akkwist partikolari, l-offerti jidhru li huma baxxi żżejjed fir-rigward tal-karti tal-flus euro li għandhom jiġu pprovduti, il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu, qabel ma jiċħad dawk l-offerti, jitlob bil-miktub dettalji dwar l-elementi kostitwenti relevanti u għandu jivverifika dawk l-elementi kostitwenti waqt li jikkunsidra l — ispjegazzjonijiet li jirċievi. Meta l-Kumitat ta' l-Akkwisti jistabbilixxi li xi offerta hija baxxa żżejjed minħabba li l-offerent ikun kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista' tiġi miċħuda għal dawk ir-raġunijiet biss wara konsultazzjoni ma' l-offerent meta dan ta' l-aħħar ma jkunx jista' jġib prova, fi żmien suffiċjenti stabbilit mill-Kumitat ta' l-Akkwisti, li l-għajnuna in kwistjoni kienet ingħatat b'mod legali.

2.   Il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kumitat ta' l-Akkwisti, permezz tal-Bord Eżekuttiv, jew fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jiskwalifika lil stamperija milli tieħu sehem fil-futur fi proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema jekk tonqos milli tikkonforma mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8. Din l-esklużjoni għandha tibqa' fis-seħħ sakemm jiġu sodisfatti l-kriterji ta' l-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8. Jekk xi stamperija ta' ġewwa jew pubblika li tieħu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema tiġi skwalifikata, għandha tinħareġ sejħa għall-offerti għall-karti tal-flus euro allokati lill-BĊN tagħha skond l-iskema kapitali, b'mod konformi mal-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

3.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti jista' jiċħad l-offerta jekk xi stamperija ma tkunx aktar tikkonforma mal-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida. Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jaddotta u jiddokumenta kwalunkwe deċiżjonijiet f'dan ir-rigward.

TITOLU III

PROĊEDURA WAĦDANIJA TA' SEJĦA GĦALL-OFFERTI TA' L-EWROSISTEMA

Artikolu 10

Separazzjoni tal-proċeduri ta' sejħa għall-offerti

Il-kwantità meħtieġa ta' kull denominazzjoni tal-karta tal-flus euro għandu jkun l-għan tal-proċedura waħdanija u separata ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

Artikolu 11

Proċedura ristretta

1.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu japplika proċedura ristretta għall-akkwist tal-ftehim ta' forniment għall-karti tal-flus euro.

2.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jippubblika l-intenzjoni tiegħu li jagħti bidu għal proċedura ristretta fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan l-avviż għandu jinkludi ta' mill-inqas dan li ġej:

(a)

informazzjoni dwar l-ammont totali ta' karti tal-flus euro meħtieġa, kif ukoll il-volum tal-kwantitajiet ta' produzzjoni li jistgħu jkunu soġġetti għal sejħa għall-offerti, u ż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni u l-kunsinna; u

(b)

il-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8; u

(ċ)

id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet sabiex wieħed jieħu sehem u l-indirizz fejn iridu jintbagħtu; u

(d)

it-talba sabiex jinġiebu provi dwar il-qagħda finanzjarja soda u l-pożizzjoni professjonali skond il-paragrafu 3; u

(e)

il-lingwa uffiċjali tal-Komunità li għandha tintuża fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

3.   L-istamperiji li japplikaw sabiex jieħdu sehem fi proċedura ristretta għandhom jippreżentaw flimkien ma' l-applikazzjonijiet tagħhom, il-provi li ġejjin dwar il-qagħda finanzjarja soda u l-pożizzjoni professjonali tagħhom:

(a)

kopji tar-rendikonti annwali tagħhom għall-aħħar tlett snin; u

(b)

dikjarazzjoni ffirmata mill-iStamperija u ċċertifikata mill-awditur estern tagħha li (i) fis-sitt xhur ta' qabel l-akkwist l-ebda bidla sostanzjali fil-parteċipazzjoni fil-kapital tagħha, jew fil-kontroll fuqu, ma tkun seħħet; u (ii) matul dan il-perjodu ma tkun seħħet ebda diterjorazzjoni fil-qagħda finanzjarja tiegħu; u

(ċ)

dikjarazzjoni ffirmata mill-iStamperija u ċċertifikata mill-awditur estern tagħha li ma tinsabx għaddejja minn proċedimenti ta' dikjarazzjoni ta' falliment, jew ta' stralċ bil-qorti jew ta' xi amministrazzjoni mill-qorti, jew li ma tinsabx f'xi arranġament mal-kredituri jew f'xi proċedimenti simili taħti il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali; u

(d)

dikjarazzjoni ffirmata mill-iStamperija li tafferma li l-ebda membru tal-korpi tat-teħid tad-deċiżonijiet tagħha ma qatt instab ħati ta' xi reat relatat ma' l-imġieba professjonali tiegħu permezz ta' sentenza li għandha s-saħħa ta' res judiċata; u

(e)

dikjarazzjoni bil-miktub mill-iStamperija u ċċertifikata mill-awditur estern tagħha li tafferma illi din wettqet (i) l-obbligi tagħha dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skond id-dispożizzjonijiet legali ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita; u (ii) l-obbligi tagħha dwar il-ħlas tat-taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

4.   Fir-rigward tal-paragrafi 3(b), (ċ), (d) u (e), il-Kumitat ta' l-Akkwisti jista' f'ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġ illi xi Stamperija tippreżenta provi suffiċjenti kif speċifikat fl- Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2004/18/KE.

5.   Il-limitu ta' żmien sa meta jiġu milqugħa l-applikazzjonijiet ta' parteċipazzjoni m'għandux ikun inqas minn 37 jum kalendarju mid-data meta l-avviż tas-sejħa għall-offerti jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu simultanjament u bil-miktub, jistieden lis-servizzi kollha ta' l-istampar li jkunu ppreżentaw dokumentazzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 3, il-kriterji ta' l-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 u mat-terminu ta' skadenza fil-paragrafu 5, sabiex jippreżwentaw offerti. L-ittra ta' stedina għandha tintbagħat flimkien ma' dokumentazzjoni ta' appoġġ fir-rigward tal-karti tal-flus euro li għandhom jiġu akkwistati. Din għandha tinkludi bħala minimu:

(a)

fejn xieraq, l-indirizz minn fejn tista' tintalab aktar informazzjoni dwar is-sejħa għall-offerti u d-data ta' l-għeluq sa meta tista' ssir din it-talba; u

(b)

id-data ta' l-għeluq sa meta jiġu milqugħa l-offerti, l-indirizz fejn iridu jintbagħtu u l-lingwa li biha għandhom jinkitbu; u

(ċ)

ir-referenza għall-avviż tas-sejħa għall-offerti ippubblikat; u

(d)

indikazzjoni ta' l-informazzjoni u d-dokumenti li jridu jiġu pprovduti mill-istamperiji. B'mod partikolari, offerta għandha tkun konformi mar-rekwiżiti kollha tas-sejħa għall-offerti ddefiniti minn qabel bħall-istandards tal-kwalità, il-volumi magħmula, l-iskedi tal-produzzjoni u tal-kunsinna, u għandha tispeċifika l-prezz offrut għal kull kwantità ta' produzzjoni kif iddefinit mill-Kumitat ta' l-Akkwisti; u

(e)

il-kriterji għall-għoti ta' ftehim ta' forniment stabbilit fl-Artikolu 13.

7.   Kemm-il darba tkun intalbet fil-ħin, informazzjoni addizzjonali relatata ma' akkwist speċifiku għandha tiġi pprovduta lill-istamperija sa mhux aktar tard minn sitt ijiem kalendarji qabel id-data finali stabbilita għar-riċeviment ta' l-offerti.

8.   Il-limitu ta' żmien għar-riċeviment ta' offerti bil-miktub m'għandux ikun inqas minn 40 jum kalendarji mid-data minn meta tintbagħat l-istedina bil-miktub.

9.   Meta l-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 5 u 7 ma jkunux prattiċi minħabba kwistjonijeit ta' urġenza, il-Kumitat ta' l-Akkwisti jista' jistabbilixxi t-termini ta' skadenza li ġejjin:

(a)

limitu ta' żmien għar-riċeviment ta' applikazzjonijiet sabiex wieħed jieħu sehem flimkien ma' l-informazzjoni meħtieġa speċifikata fil-paragrafi 3 u 4, li m'għandux ikun inqas minn 15-il jum kalendarju mid-data minn meta tintbagħat l-istedina oriġinali; u

(b)

limitu ta' żmien għar-riċeviment ta' l-offerti, li m'għandux ikun inqas minn 10-ijiem kalendarji mid-data tas-sejħa għall-offerti.

10.   L-offerti m'għandhomx jinfetħu qabel il-limitu ta' żmien imħabbar għar-riċeviment tagħhom. L-offerti kollha għandhom jinfetħu fl-istess ħin u l-kontenut tagħhom għandu jitniżżel bil-miktub. Fil-ħin tal-ftuħ aktar minn nofs il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti għandhom ikunu preżenti.

11.   Flimkien mal-każ msemmi fl-Artikolu 9(3), l-offerti mibgħuta jistgħu jiġu miċħuda (a) jekk il-limitu ta' żmien ma jiġux rispettati; jew (b) meta ma jiġux ippreżentati l-informazzjoni jew id-dokumenti kollha speċifikati fl-ittra ta' l-istedina. Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jaddotta u jiddokumenta kull deċiżjoni f'dan ir-rigward.

Artikolu 12

Eżenzjonijiet

1.   Il-Kunsill Governattiv jista', waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kumitat ta' l-Akkwisti permezz tal- Bord Eżekuttiv, jew mill-Bord Eżekuttiv, japprova eżenzjonijiet għall-proċedura stabbilita fl- Artikolu 11, jew għal aspetti speċifiċi ta' din il-proċedura. Kull deċiżjoni ta' din ix-xorta għandha tkun debitament motivata u sostanzjata bis-sħiħ bil-miktub.

2.   Kull eżenzjoni ta' din ix-xorta għandha titħalla ssir biss f'waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Fin-nuqqas ta' offerti jew offerti xierqa bi tweġiba għall-proċedura kif stabbilita fl-Artikolu 11 kemm-il darba l-kundizzjonijiet oriġinali tas-sejħa għall-offerti ma jiġux mibdula b'mod sostanzjali; jew

(b)

Jekk għal raġunijiet ta' urġenza estrema ikkawżati minn avvenimenti li ma setgħux jiġu mbassra mill-Kumitat ta' l-Akkwisti, l-akkwist tal-karti tal-flus euro jkun jinsab f'riskju.

Artikolu 13

Kriterji ta' l-għoti

1.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jevalwa u jikklassifika l-offerti kollha kontra l-offerta li hija l-aktar vantaġġjuża ekonomikament. L-evalwazzjoni għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-prezz ex-works offrut għall-kwantità indikata tal-produzzjoni; u

(b)

il-konformità mar-rekwiżiti kollha tas-sejħa għall-offerti b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istandards tal-kwalità u tas-sigurtà, il-volumi maħduma, u l-iskedi tal-produzzjoni u tal-kunsinna.

2.   L-importanza li għandha tingħata lill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandha tkun tali illi l-kriterju tal-prezz offrut għall-kwantità tal-produzzjoni indikata jkun predominanti.

3.   Qabel kull proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema l-Kunsill Governattiv jista', waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, jispeċifika regoli dwar kriterji addizzjonali ta' l-għoti. Dawn il-kriterji addizzjonali għandhom jiżguraw l-istabbilità u l-kontinwità tal-provvista ta' karti tal-flus euro fit-tul u jevitaw dipendenza fuq fornitur wieħed. B'mod partikolari, il-Kunsill Governattiv jista' jistabbilixxi l-volum massimu ta' l-ammont totali offrut li offerent, inklużi negozji bi sħab, konsortja jew kull negozju ieħor kooperattiv legalment ammissibbli, jistgħu jiksbu.

Artikolu 14

Deċiżjoni ta' l-għoti

1.   Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jħejji lista ta' l-istamperiji eliġibbli li huwa jipproponi għal ftehim ta' forniment, billi jindika l-ammonti u d-denominazzjonijiet rispettivi tal-karti tal-flus euro li għandhom jiġu stampati minnhom. Ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbbażata din il-lista proposta għandhom jiġu dokumentati b'mod ċar u kif suppost. Il-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jippreżenta din il-lista għall-approvazzjoni lill-Kunsill Governattiv permezz tal-Bord Eżekuttiv. Il- Kunsill Governattiv jista' jirreferi l-proposta lura lill-Kumitat ta' l-Akkwisti għal spjegazzjonijiet ulterjuri jew għal konsiderazzjoni mġedda qabel ma jieħu deċiżjoni.

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jieħu deċiżjoni dwar liema stamperiji għandha jingħataw ftehim ta' forniment, u dwar l-ammonti u d-denominazzjonijiet rispettivi ta' karti tal-flus euro li għandhom jinħadmu minn dawn l-istamperiji, sa mhux aktar tard minn xagħrejn wara li l-Kumitat ta' l-Akkwisti jkun ippreżenta proposta lill-Bord Eżekuttiv.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(3) id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv għandha tiġi nnotifikata lill-istamperiji li jieħdu sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema u lill-BĊNi kollha. Għandhom jiġu mgħarrfa wkoll dwar (a) il-prezz ta' l-offerti magħżula; u (b) il-klassifikazzjoni ta' l-offerti rispettivi tagħhom; u (ċ) il-marġni tal-prezz ta' l-offerti kollha; u (d) kwalunkwe kunsiderazzjoni relevanti oħra li tkun influwenzat id-deċiżjoni ta' l-għoti.

Artikolu 15

Reviżjoni tad-deċiżjoni ta' l-għoti

1.   Stamperija li tkun ħadet sehem fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema skond din il-Linja ta' Gwida tista' titlob lill-Kunsill Governattiv sabiex jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu. Din it-talba għandha ssir bil-miktub fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data minn meta tintbagħat id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv u għandha tinkludi l-argumentazzjoni u d-dokumentazzjoni pertinenti kollha.

2.   F'każijiet bħal dawn, il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jew jikkonferma mill-ġdid il-lista ta' l-istamperiji mogħtija ftehim ta' forniment, jew jirreferi l-ilment lura lill-Kumitat ta' l-Akkwisti għal rikonsiderazzjoni fid-dawl tar-regoli dwar l-akkwist speċifikati f'din il-Linja ta' Gwida.

3.   Id-deċiżjoni finali tal-Kunsill Governattiv, li jew tikkonferma mill-ġdid jew temenda l-lista ta' stamperiji, għandha tittieħed fi żmien 30 jum tal-kalendarju mill-preżentazzjoni ta' l-ilment u għandha tkun debitament motivata. Notifika bil-miktub dwarha għandha tingħata lill-istamperiji konċernati.

Artikolu 16

Ftehim ta' forniment

1.   Wara l-konklużjoni ta' proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema u malli l-limiti ta' żmien ta' l-Artikolu 15 għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' l-għoti jkunu skadew, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkonkludu ftehim ta' forniment ma' l-istamperiji li jkunu ingħataw ordnijiet ta' produzzjoni. Dawn il-ftehim ta' forniment għandhom jikkonformaw ma' l-elementi minimi komuni stabbiliti fl-Anness II ta' din il-Linja ta' Gwida. Il-Bord Eżekuttiv għandu jiġi pprovdut b'kopji tal-ftehim ta' forniment iffirmati mill-awtoritajiet kontraenti ma' l-istamperiji hawn fuq imsemmija.

2.   Ftehim ta' forniment għandu jiġi konkluż għal perjodu ddefinit minn qabel mill-Kunsill Governattiv, u l-ftehim ta' forniment għandu jispeċifika l-għadd ta' karti tal-flus euro li għandhom jiġu kkunsinnati perjodikament. Il-ftehim ta' forniment għandu jippermetti lill-awtorità kontraenti sabiex tkun tista' temenda perjodikament l-għadd ta' karti tal-flus speċifikati fih għall-produzzjoni, madanakollu, dawn l-emendi għandhom jibqgħu fil-limiti speċifikati fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti (inkella tista' tiġi emendata l-iskeda tal-kunsinna).

TITOLU IV

REGOLI APPLIKABBLI QABEL IL-PERJODU TRANŻITORJU

Artikolu 17

Il-produzzjoni tal-karti tal-flus ewro qabel il-perjodu tranżitorju

Mingħajr preġudizzju għall-Artiklu 6(2), qabel il-bidu tal-perjodu tranżitorju l-BĊNi għandhom jew jipproduċu l-karti tal-flus allokati lilhom fl-istamperiji tagħhom ta' ġewwa jew f'dawk pubbliċi rispettivi, jew inkella għandhom jagħtu din il-produzzjoni, skond il-leġiżlazzjoni applikabbli, lill-istamperiji akkreditati.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

Artikolu 18

Parteċipazzjoni ta' stamperiji ta' ġewwa jew dawk pubbliċi fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema matul il-perjodu tranżitorju

1.   Il-proċeduri stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida għandhom japplikaw matul il-perjodu tranżitorju għal dawk il-BĊNi kollha li joħorġu sejħa għall-offerti għall-produzzjoni tal-karti tal-flus ewro allokati lilhom.

2.   Matul il-perjodu tranżitorju l-istamperiji ta' ġewwa jew dawk pubbliċi jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema bil-kundizzjoni li :

(a)

il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Bord Eżekuttiv, jikkonferma li dawk l-istamperiji jikkonformaw mal-kriterji ta' l-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8; u

(b)

il-BĊN ta' l-istamperija in kwistjoni ma jeżerċitax id-dritt stabbilit fl-Artikolu 6(2) li jiddeċiedi li ma jipparteċipax fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema.

3.   Deċiżjoni favur il-parteċipazzjoni fil-proċedura waħdanija ta' sejħa għall-offerti ta' l-Ewrosistema għandha tkun irriversibbli.

Artikolu 19

Il-kompożizzjoni u l-funzjoni tal-Kumitat ta' l-Akkwisti matul il-perjodu tranżitorju

1.   Matul il-perjodu tranżitorju l-Kumitat ta' l-Akkwisti għandu jikkonsisti f'ħames membri.

2.   Matul il-perjodu tranżitorju r-regoli u l-proċeduri ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw b'deroga minn dawk imniżżla fit-Titoli I, II u III. Il-bqija tar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din il-Linja ta' Gwida għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-perjodu tranżitorju.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja ta' Gwida għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Reviżjoni

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi din il-Linja ta' Gwida fil-bidu ta' l-2008 u wara kull sentejn li jibdew jgħoddu minn dik is-sena.

Artikolu 22

Destinatarji

Din il-Linja ta' Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-iStati Membri parteċipanti.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-16 ta' Settembru 2004.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Ċlaude TRIĊHET


(1)  ĠU L 134, tat-30.4.2004, p. 114.

(2)  ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.


ANNESS I

Dikjarazzjoni dwar il-konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta tal- Kumitat ta' l-Akkwisti

Mingħajr preġdizzju għall-kodiċi tal-kondotta tal-[BĊE][BĊNI] li joħloq rabta legali, [żid l-isem], membru tal-Kumitat ta' l-Akkwisti, jintrabat li jikkonforma mal-kodiċi tal-kondotta li ġej:

(a)

il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti għandhom jastjenu milli jevalwaw offerti individwali ppreżentati mill-istamperiji ta' ġewwa jew pubbliċi tal-BĊNi rispettivi tagħhom; u

(b)

il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li x'aktarx tista' twassal għal kunflitt ta' interess, b'mod partikolari fir-rigward ta' konnessjonijiet fil-passat, fil-preżent jew fil-futur ta' natura personali jew professjonali ma' xi stamperiji jew ma' xi membru tal-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jew mal-maniġment ta' xi stamperija; u

(ċ)

il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti huma projbiti milli jużaw informazzjoni kunfidenzjali kull meta jwett qu transazzjonijiet finanzjarji privati għall-benefiċċju tagħhom stess jew għall-benefiċċju tal-membri diretti tal-familja tagħhom; u

(d)

il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti għandhom josservaw kunfidenzjalità stretta fir-rigward ta' informazzjoni kunfidenzjali. B'mod speċifiku, kull informazzjoni kunfidenzjali ta' din ix-xorta m'għandhiex tingħadda lill-BĊNi rispettivi tagħhom jew lill-BĊE; u

(e)

il-membri tal-Kumitat ta' l-Akkwisti għandhom joqogħdu lura milli jfittxu li jitolbu xi rigali u/jew divertiment mingħand l-istamperiji li jkunu akkreditati, jew li jistgħu japplikaw għall-akkreditazzjoni, bħala kundizzjoni minn qabel għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro. Il-Membri tal- Kumitat ta' l-Akkwisti ma għandhomx jaċċettaw rigali u/jew divertiment li jaqbżu ammont ta' drawwa jew negliġibbli, kemm jekk finanzjarji jew mhux finanzjarji mill-istamperiji. Kull rigal u/jew divertiment ta' din ix-xorta għandhom jiġu rrappurtati lill-membri l-oħrajn tal-Kumitat ta' l-Akkwisti. Il-Membri ma jistgħux ikunu impjegati minn xi stamperija li tkun ingħatat ordni ta' produzzjoni għal perjodu minimu ta' sentejn wara li jkunu telqu mill-Kumitat ta' l-Akkwisti.

Il-firmatarju jifhem illi f'każ illi huma jiksru xi waħda minn dawn ir-regoli l-Kunsill Governattiv jista' (i) ikeċċihom mill-Kumitat ta' l-Akkwisti; u (ii) jikkomunika dan, skond kif ikun xieraq għal skopijiet dixxiplinarji, lil min iħaddimhom; u (iii) jaħtar suċċessur fil-Kumitat ta' l-Akkwisti.

Isem

Data


ANNESS II

Elementi komuni minimi għal ftehim ta' forniment

Safejn ikun permessibbli skond il-liġijiet applikabbli, ftehim ta' forniment għandhom jikkonformaw ma' l-elementi komuni minimi li ġejjin.

1.1

Il-pjanijiet ta' l-Ewrosistema għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro għandhom jiġu inklużi bħala parti integrali mill-ftehim ta' forniment. B'mod partikolari, l-ammonti preċiżi ta' karti tal-flus euro li għandhom jiġu maħduma u kkunsinnati, id-dritt ta' l-awtoritajiet kontraenti li jemendaw [l-għadd totali tal-karti tal-flus euro fil-limiti ddefiniti minn qabel (alternattivament l-iskeda tal-kunsinna)], l-allokazzjoni tal-produzzjoni fuq il-linji ta' produzzjoni li l-istamperiji jagħmlu disponibbli, kif ukoll il-pjanijiet għall-istadji elwenin tal-produzzjoni inkluż l-istadju ta' l-aċċettazzjoni u tal-validazzjoni, kollha għandhom jitniżżlu b'mod dettaljat fil-ftehim ta' forniment. Dettalji komprensivi dwar il- maniġment, l-aċċettazzjoni u l-validazzjoni (fuq il-bażi ta' kontrolli tal-kwantità u tal-kwalità) tal-karti tal-flus euro għandhom jitniżżlu fil-ftehim ta' forniment.

1.2

Ftehim ta' forniment għandhom jinkludu klawsola dwar ir-rapportaġġ tal-progress tal-produzzjoni, skond l-istandards u l-proċeduri li għandhom jiġu ddefiniti separatament mill-BĊE.

1.3

Ftehim ta' forniment għandom jinkludu klawsola dwar produzzjoni żejda/nieqsa ta' karti tal-flus euro. L-ammonti żejda/nieqsa li huma permessi u t-trattament tagħhom għandhom jiġu speċifikati separatament mill-BĊE, u għandhom jiġu rapportati b'reqqa lill-BĊE fil-qafas tas-sistema komuni ta' rappurtaġġ dwar il-progress tal-produzzjoni. Barra minn hekk, il-ftehim ta' forniment għandhom jinkludu klawsola li tipprojbixxi lill-istamperiji milli jżommu ħażniet ta' karti tal-flus euro żejda wara li jkun ġie mwettaq ftehim ta' forniment.

1.4

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jintroduċu miżuri kuntrattwali xierqa ta' salvagward fil-ftehim ta' forniment tagħhom li jistipulaw illi l-ammont u l-iskeda tal-kunsinna tal-karti tal-flus euro ordnati jistgħu jinbidlu fil-limiti stabbiliti mill-BĊE.

1.5

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jintroduċu klawsoli xierqa fil-ftehim ta' forniment tagħhom, li jippermettulhom li jtemmu ftehim ta' forniment jekk jinqalgħu ċirkostanzi mhux previsti (e.ż. it-tnedija ta' serje ġdida). Il-klawsola għandha tipprovdi għal kumpens xieraq għat-telf u d-danni li jridu jitħallsu skond skema li għandha tiġi ddefinita mill-BĊE.

1.6

Il-ftehim ta' forniment għandhom jispeċifikaw il-prezz tal-karti tal-flus euro stampati.

1.7

L-awtoritajiet kontraenti għandhom id-dritt li jżommu l-ħlas ta' xi fattura jew ta' parti minn xi fattura meta jinqalgħu sitwazzjonijiet li ma jkunux konformi mal-ftehim ta' forniment, b'mod partikolari fil-każ ta'xi difett jew nuqqas ta' konformità tal-karti tal-flus euro kkunsinnati.

1.8

Ftehim ta' forniment għandhom jagħmlu distinzjoni ċara bejn kontroll ta' kwalità tal-livell 1 mill-istamperiji konċernati, u validazzjoni ta'kwalità tal-livell 2 mill-awtorità kontraenti skond ir-rekwiżiti ta'kwalità tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro. B'mod partikolari, ftehim ta' forniment għandu jinkludi proċedura, (li għandha tiġi stabbilita separatament mill-Bord Eżekuttiv waqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus), li tippermetti — qabel ma jibda l-istampar fuq skala kbira — awtorizzazzjoni sabiex jinbdew l-istadji ewlenin tal-produzzjoni e.ż. għall-manifattura tal-karta, l-istampar offset u l-istampar intaglio. Il-ftehim ta' forniment għandu jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti li jakkomodaw reviżjonijiet ġustifikati b'mod raġonevoli għar-rekwiżiti ta'kwalità tal-produzzjoni tal-karti tal-flus euro wara li jkunu ġew approvati mill-BĊE.

1.9

L-istamperiji għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha l-aħħar li huma neċessarji għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro meta jibdew il-produzzjoni. L-istamperiji għandhom jiggarantixxu li l-karti tal-flus euro jiġu maħduma b'konformità stretta ma'dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

1.10

L-istamperiji għandu jkollhom meta jibdew il-produzzjoni, deskrizzjoni kompleta u ddettaljata ta' (a) l-proċeduri ta'kontroll tal-kwalità kurrenti u validi li għandhom jiġu applikati għall-produzzjoni tal-karti tal-flus euro; u (b) il-kriterji u l-proċeduri komuni ta'aċċettazzjoni kurrenti u validi. Il-ftehim ta' forniment għandu jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jipprovdu reviżjonijiet ġustifikati għal dawn id-dokumenti wara approvazzjoni minn qabel tal-BĊE. L-istamperiji għandhom jiggarantixxu li ser jirrispwettaw dawn l-istandards kollha u li ser jipproduċu karti tal-flus euro b'konformità stretta ma' dawn l-imsemmija proċeduri ta'kontroll tal-kwalità.

1.11

L-istamperiji għandu jkollhom regoli ta'sigurtà kompleti u ddettaljati għall-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport ta' elementi protetti ta' l-euro li jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv waqt li jiġu meqjusa l-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. Ftehim ta' forniment għandu jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jipprovdi reviżjonijiet ġustifikati għal dawn id-dokumenti wara approvazzjoni minn qabel mill-BĊE. L-istamperiji għandhom jiggarantixxu fil-ftehim ta' forniment li ser jirrispettaw il-ftehim u ser jipproduċu karti tal-flus euro li huma strettament konformi ma'l-imsemmija regoli ta' sigurtà.

1.12

Il-ftehim ta' forniment għandu jinkludi klawsola li tittratta dwar problemi ta' kunsinna tardiva, kwalità u kwantità u kull nuqqas ieħor mill-istamperija ta'konformità mal-ftehim ta' forniment. Għandha tiġi inkluża klawsola ta' penali (jew xi rimedju appropjat ieħor) fil-ftehim ta' forniment. Per eżempju, jekk jinstabu xi difetti ta' kwalità/kwantità f'perjodu definit minn qabel fil-ftehim ta' forniment, l-awtorità kontraenti tista' ġġiegħel lill-istamperiji rispettivi biex jibdlu l-karti tal-flus euro difettużi mingħajr spejjeż ulterjuri fi żmien perjodu raġonevoli definit minn qabel. Dawn ir-regoli jiġu deċiżi separatament mill-Bord Eżekuttiv li għandu jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus.

1.13

Ftehim ta' forniment għandu jinkludi klawsola dwar ir-responsabbiltà li tkopri ta'mill-inqas r-responsabbiltà ta'l-istamperija għal danni u telf diretti minħabba traskuraġni jew azzjoni volontarja. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jinvestigaw jekk il-ftehim ta' forniment għandux ikopri wkoll azzjonijiet għal danni fuq il-bażi ta' telf indirett jew b'konsegwenza bħal lucrum cessans, telf ta' produzzjoni, spejjeż ta' produzzjoni addizzjonali, telf ta' negozju, eċċ. Barra minn hekk, ebda parti kontraenti ma titqies li kisret il-ftehim ta' forniment jekk u safejn dan in-nuqqas ikun minħabba forza maġġuri.

1.14

Ftehim ta' forniment għandu jispeċifika n-numerazzjoni tal-karti tal-flus euro, kif definit mill-BĊE.

1.15

Ftehim ta' forniment għandu jinkludi klawsola ta' kunfidenzjalità kif deċiż separatament mill-Bord Eżekuttiv waqt li jqis il-fehmiet tal-Kumitat tal-Karti tal-Flus. B'mod partikolari, l-informazzjoni kollha żvelata mill-awtoritajiet kontraenti lill-istamperiji, iżda eskluża kull informazzjoni li tkun jew lit kun saret aċċessibbli għall-pubbliku, ħlief bi ksur tal-klawsola ta' kunfidenzjalità jew li diġà tkun magħrufa pubblikament, għandha tiġi meqjusa bħala strettament kunfidenzjali u m'għandhiex tiġi żvelata lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens bil-miktub u minn qabel ta' l-awtorità kontraenti.

1.16

Fl-aħhar, sabiex tiġi garantita n-natura kunfidenzjali ta' kull proċediment, kull tilwima li tinqala bejn il-partijiet dwar ftehim ta' forniment għandha tiġi deċiża skond ir-Regoli ta' l-Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ minn tlett arbitri maħtura skond ir-Regoli msemmija.


Top